13 ta’ Lulju: San Enriku II

Verżjoni Vidjo: San Enriku II

“Intom kontu bħal nagħaġ mitlufa, imma issa rġajtu lura għand ir-Ragħaj u l-Għassies ta’ ruħkom.” – 1 Pietru 2:25.

124SAN ENRIKU II
Imperatur
973 – 1024

Tagħrif: San Enriku twieled fil-Bavarja, fis-sena 973. Missieru kien id-Duka tal-Bavarja.

Enriku rċieva edukazzjoni mill-aħjar taħt it-treġija ta’ San Wolfangu, Isqof ta’ Ratisbon.

Huwa żżewweġ lil Kunegunda li hi wkoll qaddisa. Ma kellhomx tfal. Meta missieru miet, laħaq hu floku bħala Duka tal-Bavarja, fis-sena 995.

Wara l-mewt tal-Imperatur Otto III, Enriku li kien jiġi l-kuġin tiegħu, inħatar Imperatur floku, fl-1002.

Fl-1004, huwa keċċa lil Ardwin mill-Italja, u nkuruna lilu nnifsu bħala Re tal-Italja. Huwa keċċa wkoll lil Boleslaw I tal-Polonja mill-Boemja.

Fil-1014, mar Ruma fejn il-Papa Benedittu VIII inkurunah Imperatur tas-Sagru Imperu Ruman. Huwa ggverna b’mod l-iktar effiċjenti u kien iżomm dejjem quddiem għajnejh il-liġi ta’ Alla u li jkun ta’ għajnuna għall-Knisja. Kien popolari u maħbub ħafna mill-poplu.

Waqqaf is-sedi ta’ Bamberg, u bena l-Katidral li l-Papa Benedittu VIII mar jikkonsagra fl-1020. Fl-istess żmien bena wkoll il-monasteru ta’ Bamberg. Għamel lil Bamberg ċentru ta’ kultura nisranija. Fl-1021 reġa niżel bl-armata tiegħu fl-Italja biex jiddefendi lill-Papa u lill-Insara mis-Seraċini u l-alleati tagħhom, il-Griegi.

San Enriku II miet fl-14 ta’ Lulju, 1024 fil-Ġermanja. Il-Papa Benedittin Cistercens, il-Beatu Ewġenju III mar jikkanonizzah fl-1146, waqt li l-Papa San Piju X ħatru Patrun tal-Oblati (speċi ta’ Terzjarji Benedittini) fl-1910.

Ħsieb: San Enriku kien bniedem kapaċi tassew, u kien iben tal-Knisja. Waqqaf id-djoċesi ta’ Bamberg, u bena jew irrestawra bosta knejjes. Għen lill-Benedittini ta’ Cluny, Verdun, Einsiedein, Camaldoli, Montecassino, u oħrajn. Kellu xewqa li jsir Benedittin, kien tgħallem ma’ San Walfgang, isqof Benedittin ta’ Regensburg, u kien ħabib ta’ Sant’ Odilone, abbati ta’ Cluny. Għax kien naqas lil San Heribert, arċisqof ta’ Cologne, mar jitolbu skuża, għarkupptejh quddiemu.

Anki martu Kunegonda li magħha għex fil-kastità perfetta, hija qaddisa. Kien il-Papa Benedittu VIII nnifsu li ġie jżuru f’Bamberg, fejn ikkonsagra l-Katidral ta’ San Pietru, San Pawl u San Ġorġ, fl-1020. Fl-1021, l-imperatur qaddis żar Montecassino fejn ħassu ħażin sewwa, tant li baqa’ zopp sa mewtu, tliet snin wara. Dam imperatur 22 sena, mill-mewt ta’ kuġinuh Otto III sa ma miet. Ġie midfun fil-Katidral ta’ Bamberg, fejn wara ndifnet ukoll Santa Kunegonda, u fejn għadhom meqjuma sal-lum.

Mhux li kien, li l-Mexxejja tal-pajjiżi kollha tad-dinja jżommu quddiem għajnejhom il-ħarsien tal-Liġi ta’ Alla biex jiggvernaw b’mod li jkun jogħġob lil Alla bħal ma għamel San Enriku! Kemm tavvanza għall-aħjar din id-dinja msejkna! Imexxu kif imexxu l-gvernijiet u l-awtoritajiet kollha fid-dinja, il-Mexxej tagħna l-insara, jibqa’ dejjem Ġesù  Kristu!

L-Arċisqof Charles J. Scicluna, qal propju dan nhar is-6 ta’ Mejju 2017, f’omelija tiegħu fil-Knisja tal-Familja Mqaddsa, l-Iklin:

“Ġesù jrid ikun il-protagonista tal-ħajja tagħna. Kemm għandna mexxejja fid-dinja? Kemm għandna nies li jippretendu li jmexxuna? U għandna bżonn fil-Knisja, fiċ-ċivil, imma aħna bħala nsara, il-mexxej tagħna hu Ġesù: hu l-kap, aħna nisimgħu leħnu. Meta jsejħilna, isejħilna wieħed wieħed u waħda waħda. Ġesù jafna: jaf il-qalb tagħna, jaf il-ġid li għamilna u li ħaddieħor ma jafx bih, jaf id-deni li għamilna u jaħfirulna, jaf il-preġji tagħna, jafna wieħed wieħed u waħda waħda.

Lin-nagħaġ tiegħu jsejħilħom b’isimhom u joħroġhom fil-mergħat friski, joħroġhom barra jgħid, u dik il-kelma tfisser li għalkemm huma fil-maqjel, huma taħt il-kenn tal-ħarsa tiegħu, imsejħin biex ikunu preżenza attiva, merħla tiegħu. Il-Mulej li jafkom wieħed wieħed, qed isejħilkom bħalma jagħmel f’kull Quddiesa meta s-saċerdot jgħidilkom “Morru fil-paċi ta’ Kristu.” Il-paċi li biha nsellmu lil xulxin f’isem il-Mulej irxuxtat, hija dik ukoll li takkumpanjana fit-toroq tal-ħajja, fuq ix-xogħol, fil-familja, fis-soċjetà. Aħna ħafna drabi ma nifhmux dak li qed jgħidilna Ġesù imma Ġesù jerġa’, b’paċenzja kbira, jirrepeti dak li jixtieq jgħidilna. U aħna nirringrazzjawh tal-paċenzja li jieħu bina.

L-aħħar kelma tiegħi nissellifha mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu: ‘Intom kontu bħal nagħaġ mitlufa imma issa rġajtu lura għand ir-ragħaj u l-għassies ta’ ruħkom.’ Aħna ħafna drabi nintelqu mat-toroq tal-ħajja, inkunu distratti, nogħtru fil-pellegrinaġġ tagħna u nkunu bħal nagħaġ mitlufa imma kull darba li niġu fil-knisja niftakru li għalkemm hemm barra hemm ħafna xi jfixkilna, aħna nistgħu nerġgħu lura kull ġimgħa, kull jum … nerġgħu lura għand ir-Ragħaj u l-Għassies ta’ ruħna.”

  • U int, tgħodd ruħek mal-merħla ħajja tal-Mulej?
  • Qed tgħix b’mod li juri li l-Mulej hu verament ir-Ragħaj u l-Għassies ta’ ruħek?
  • Titlob biex ikollna aktar mexxejja li bħal San Enriku jżommu quddiem għajnejhom il-ħarsien tal-Liġi ta’ Alla biex jiggvernaw b’mod li jkun jogħġob lilU?

Talba: O Alla, int mexxejt lil San Enriku bil-grazzja qawwija tiegħek, u b’mod tal-għaġeb, erfajtlu ħsibijietu għall-ħwejjeġ tas-sema fuq kull ħsieb ieħor tas-saltna tiegħu fuq l-art; bit-talb tiegħu, agħtina li, fost it-tibdil kollu ta’ din id-dinja, inħaffu lejk b’ruħ safja. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-henry-ii-520

Alternative Reading: http://magnificat.ca/cal/en/saints/henry_II.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Henry_II,_Holy_Roman_Emperor

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.