14 ta’ Lulju: San Kamillu De Lellis

Verżjoni Vidjo: San Kamillu De Lellis

“Kont marid u żortuni.” – Ġesù  f’Mattew 25:36.
“Ħenjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena.” – Ġesù f’Mattew 5:7.

Lellis2.jpgSAN KAMILLU DE LELLIS
Saċerdot
1550 – 1614

Tagħrif: San Kamillu twieled f’Bocchianco, l-Italja, fl-1550. Tilef ’l ommu meta kellu tlettax-il sena. Kiber bi spirtu avventuruż u ta’ sbatax-il sena ħalla d-dar u daħal suldat biex jiġġieled mal-Venezjani kontra t-Torok, iżda minħabba ferita li kellu f’siequ ħalla l-armata u daħal l-isptar ta’ San Ġakbu, f’Ruma.

Meta ħareġ mill-isptar raġa’ daħal suldat fl-armata ta’ Venezja u mar jiġġieled kontra t-Torok. Meta ġie lura mill-ġlied, ħalla l-armata u tilef kull ma kellu fil-logħob. Biex ma jaqax jittallab daħal jaħdem mal-Kapuċċini ta’ Manfredonja fl-1574.

Wara xi ftit xhur ġie impressjonat minn parir li tah il-Gwardjan tal-patrijiet, u beda jibdel ħajtu.

Fl-1575 huwa talab u ġie aċċettat bħala ajk, u hekk ħa l-libsa ta’ Kapuċċin. Iżda billi l-ferita f’riġlu baqgħet tinkwetah,, iddeċieda li jerġa’ jmur l-isptar ta’ San Ġakbu. Hawn sab il-vokazzjoni tiegħu li jdur bil-morda. Bid-dedikazzjoni u bl-abbiltà tiegħu fix-xogħol, rebaħ l-ammirazzjoni ta’ kulħadd, u wasal biex ġie maħtur Direttur tal-isptar.

Bil-ħsieb li jipprovdi nies li jkunu kkwalifikati biex iduru bil-morda, huwa ġabar nies miegħu li kienu lesti li jiddedikaw ruħhom għal dan ix-xogħol. Sadanittant bil-għajnuna tal-konfessur tiegħu San Filippu Neri, huwa sar saċerdot, fl-1584, meta kellu 34 sena.

Fl-istess sena waqqaf is-Soċjetà tal-Qaddejja tal-Morda. Fl-1607 huwa rriżenja minn Superjur tal-Ordni minħabba saħħtu. Miet f’Ruma fl-14 ta’ Lulju, 1614 fil-għomor ta’ 64 sena. Sa l-aħħar baqa’ jdur bil-morda minkejja l-ferita li kellu. Ġie kkanonizzat fl-1746; il-Papa Ljun XIII ħatru Patrun tal-infermieri.

Ħsieb: Il-logħob tal-flus kien l-akbar vizzju li kellu, li kien faqqru u ġiegħlu jistħi, imma bl-għajnuna t’Alla, huwa rnexxielu jegħleb dan il-vizzju u jħalli lil Alla jagħmel xi ħaġa sabiħa u kbira b’ħajtu. Dan il-qaddis huwa l-fundatur tal-Ministri tal-Morda, ordni ta’ qassisin u ajkijiet li jieħdu ħsieb il-morda, illum magħrufa bħala “Kamilljani.”

Is-Soċjetà tal-Qaddejja tal-Morda li huwa waqqaf, kienu mhux biss iduru bil-morda fl-isptarijiet, imma wkoll fil-ħabsijiet, fid-djar u fit-toroq speċjalment meta kienu jinqalgħu xi epidemji bħal ma hija l-pesta u kienu jmorru fuq il-fruntieri tal-battalji jduru bis-suldati feruti. Kienu jġibu salib aħmar meħjut mal-libsa fuq sidirhom. Nistgħu ngħidu li kien San Kamillu li beda dak li llum insejħu s-Soċjetà tar-Red Cross u wkoll l-Ambulanza.

Meta Kamillu minħabba l-mard ma setax jimxi aktar, kien jitkaxkar minn sodda għal oħra biex jara jekk il-morda kellhomx bżonn xi ħaġa. L-uġigħ li kien iġarrab kien jinkoraġġih biex jirsisti aktar għall-oħrajn. Flimkien ma’ San Ġwann ta’ Alla, (ara San Ġwann ta’ Alla) hu l-qaddis protettur tal-isptarijiet, tal-infermiera u ta’ dawk kollha li jduru bil-morda.

U aħna, x’lesti nagħmlu għall-morda u n-nies fil-bżonn ta’ żminijietna llum? Jalla, fuq il-kliem tal-Mulej stess, “Kont marid u żortuni” (Mattew 25:36), nagħrfu naraw lil Kristu fil-morda tagħna, f’dawk li jkunu qed isofru, u f’min ikollu bżonn l-għajnuna tagħna f’kull qasam tas-soċjetà.

Il-Mulej ta lil San Kamillu mħabba speċjali lejn il-morda. Ejjew nitolbu biex bl-interċessjoni tiegħu, inebbaħna, li bil-qadi tagħna lejn ħutna naqilgħu l-grazzja li naslu għand Alla mimlija opri tajba fl-aħħar ta’ ħajjitna. Kemm ikun sabiħ imbagħad il-kliem tas-Sultan li jinkludik mal-imberkin:

“Is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.’ Imbagħad iweġbuh il-ġusti, ‘Mulej,’ jgħidulu, ‘meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek? Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?’ U s-Sultan iweġibhom u jgħid, ‘Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’” (Mattew 25:34-40).

  • U int, tixtieq li meta jasal il-waqt, tisma’ dan il-kliem ta’ Ġesù u tifhem li qed jirreferi għalik minħabba li f’ħajtek tkun urejt ħniena minn qalbek mal-proxxmu tiegħek?

Talba: O Alla, int żejjint bi grazzja liema bħalha lis-saċerdot San Kamillu de Lellis biex jaqdi bi mħabba kbira lill-morda; għall-merti tiegħu, sawwab fina l-Ispirtu tal-imħabba tiegħek, biex naqdu lilek f’ħutna l-bnedmin, ħa nkunu nistgħu nqawwu qalbna li minn din il-ħajja ngħaddu għal għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-camillus-de-lellis.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-camillus-de-lellis/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Camillus_de_Lellis

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements