23 ta’ Lulju: Santa Briġida tal-Isvezja

Verżjoni Vidjo: Santa Briġida tal-Isvezja

“Kristu ħabbna u ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu; u għamilna saltna, qassisin għal Alla Missieru. Imxu fl-imħabba, bħalma Kristu wkoll ħabb lilna u ta lilu nnifsu għalina”. ~ Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Santa Briġida tal-Isvezja (Apok 1:5. 6a; Ef 5:2a).

4b8fa37c53f1f0723171a21f727559b5SANTA BRIĠIDA
Reliġjuża
1303 – 1373

Tagħrif: Santa Briġida twieldet fl-Isvezja minn familja nobbli u sinjura ħafna. Missierha kien Gvernatur.

Tilfet lil ommha meta kellha 12-il sena u trabbiet minn zitha. Qabel ma għalqet ħmistax iżżewġet lil Ulf Gurmarsson. Prinċep li kellu tmintax, u matul it-28 sena taż-żwieġ hieni tagħhom kellhom tmint itfal li waħda minnhom saret Qaddisa, Santa Katerina tal-Isvezja (ara Santa Katerina tal-Isvezja).

Fl-1335, Santa Briġida inħatret id-dama prinċipali tar-Reġina Blanche, mart ir-Re Magnus II.

Fl-1340, wara l-mewt ta’ binha ż-żgħir, għamlet pellegrinaġġ għall-knisja ta’ San Olaf, fin-Norveġja. Meta rritornat fl-Isvezja ma ħaditx gost bil-ħajja li bdew jgħixu Magnus u Blanche. Widdbithom iżda ma tawx kasha. Talbet u qalgħet permess tħalli l-kariga tagħha biex flimkien ma’ żewġha għamlet pellegrinaġġ għal Campostella (1341 – 1343). Fil-vjaġġ lura, żewġha marad. Meta wasal pajjiżu, iddeċieda li jmur jgħix f’monasteru, u baqa’ hemm sakemm miet fl-1344.

Sa minn qabel ma miet żewġha, Briġida kienet daħlet Terzjarja Franġiskana, u kienet qed tgħix ħajja ta’ qaddisa. Issa qassmet ġidha lil uliedha u ngħatat għal ħajja aktar axxetika għalkemm baqgħet tgħix fid-dinja. Beda jkollha bosta viżjonijiet u rivelazzjonijiet. Darba waħda wara viżjoni li kellha marret għand ir-Re Magnus u martu u ċanfrithom għall-ħajja li kienu qed jgħixu. Hu nidem, u bi flusu għen il-monasteru f’Vadstena, li fih il-qaddisa waqqfet l-Ordni tas-Salvatur għas-Sorijiet, magħrufin bħala Briġittini (1346).

Fis-Sena Mqaddsa 1350, Briġida marret Ruma, fejn ħadmet bis-sħiħ qalb il-poplu speċjalment mal-foqra. Irsistiet ħafna biex il-Papa jirritorna f’Ruma minn Avignon, iżda x-xewqa tagħha ma seħħietx ħlief erba’ snin wara mewtha. Kienet magħrufa għar-rivelazzjonijiet li kien ikollha u l-profeziji.

Fl-1371 Briġida għamlet pellegrinaġġ għall-Art Imqaddsa flimkien ma’ wliedha Karlu, Bergu u Katarina. Matul il-pellegrinaġġ kellha sensiela ta’ viżjonijiet tal-ġrajja ta’ Ġesù.

Ftit xhur wara li waslet lura f’Ruma, saħħitha bdiet tmajna, u mietet fit-23 ta’ Lulju 1373. Ħalliet ħafna opri li fihom kitbet dwar l-esperjenzi mistiċi li kellha. Il-Papa Bonifaċju IX ikkanonizzaha fl-1391. Hija l-patruna tal-Isvezja. Hija wkoll, flimkien ma’ oħrajn, Patruna tal-Ewropa.

Ħsieb: Qari minn talb li jingħad li hu ta’ Santa Briġida bit-titlu ‘Ħsibijiet fuq Kristu s-salvatur’:

“Tkun imbierek, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, li ħabbart il-mewt tiegħek minn qabel, li fl-ikla ta’ l-aħħar qbadt il-ħobż tagħna u b’mod ta’ l-għaġeb ikkonsagrajtu f’ġismek l-għażiż, u bi mħabba kbira tajtu lill-Appostli b’tifkira tal-passjoni mqaddsa tiegħek; iċċekkint u wrejtna l-umiltà kbira tiegħek meta b’idejk stess, hekk qaddisa u għeżież, inżilt taħslilhom saqajhom.

Ġieħ lilek, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, li minn ġismek bla ħtija ħriġt għaraq tad-demm bil-biża’ tal-passjoni u l-mewt tiegħek; u b’danakollu temmejt sa l-aħħar il-fidwa li ridt tagħtina, biex b’mod l-iżjed ċar turina l-imħabba li kellek għall-bnedmin.

Tkun imbierek, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, li ħallejthom jeħduk għand Kajfa; fl-umiltà tiegħek ħallejthom jagħtuk f’idejn Pilatu biex jagħmel ħaqq minnek, int l-imħallef ta’ kulħadd.

Glorja lilek, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, għaż-żebliħ kollu li lqajt meta libbsuk il-porpra, qegħdulek fuq rasek kuruna ta’ xewk l-iżjed iebes, beżqulek fuq il-wiċċ glorjuż tiegħek, għattewlek għajnejk u b’sabar ta’ l-għaġeb ħallejt l-idejn ta’ nies ħżiena u bla ħniena jsawwtuk u jaħqruk fuq ħaddejk u fuq għonqok.

Tifħir lilek, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, li ħallejthom jorbtuk mall-kolonna, isawwtuk u jiqlielu fuqek, jeħduk quddiem Pilatu bid-demm iċarċar ma’ ġismek, u tidher qisek Ħaruf bla ħtija.

Ġieħ lilek, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, li kkundannawk għall-mewt, u, b’ġismek glorjuż kollu dmija, ġarrejt salibek bit-tbatija fuq spallejk imqaddsa, u ħallejthom iwassluk bil-herra fuq il-Kalvarju, ineżżgħuk u jsammruk mas-salib.

Ġieħ għal dejjem lilek, Mulej Ġesù Kristu, li, minkejja d-dwejjaq kbar li kellek, tfajt ħarsa ta’ tjieba, ta’ mħabba u umità lejn ommok l-għażiża, li qatt ma dinbet u qatt ma riedet tagħmel l-iċken dnub, u, biex tfarraġha, fdajtha f’idejn id-dixxiplu tiegħek biex jibqa’ jħarisha bil-fedeltà.

Tkun imbierek għal dejjem, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, li, xħin kont f’taqbida mal-mewt, fil-ħniena tiegħek wegħedt il-glorja tal-ġenna lill-ħalliel li dar lejk, u b’hekk imlejt lill-midinbin kollha bit-tama tal-maħfra.

Tifħir lilek għal dejjem, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, għal kull siegħa ta’ mrar u dwejjaq kbar li sofrejt fuq is-salib għalina l-midinbin; il-ġrieħi tiegħek ġagħluk tbati wġigħ li ma bħalu, li nifed u ċarrat il-qalb imqaddsa tiegħek u baqa’ dieħel sa l-ispirtu hieni tiegħek, sakemm qalbek inqasmet, mejjilt rasek, u bl-umiltà raddejt ruħek f’idejn Alla Missierek, u bqajt mejjet b’ġismek kiesaħ.

Tkun imbierek, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, li b’demmek l-għażiż u l-mewt imqaddsa tiegħek fdejt l-erwieħ, ħennejt għalihom, u minn dan l-eżilju daħħalthom fil-ħajja ta’ dejjem.

Tkun imbierek, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, li għas-salvazzjoni tagħna ħallejthom jinfdulek ġenbek u qalbek b’lanza, u mill-istess ġenb ħriġt demm għażiż u ilma għall-fidwa tagħna.

Glorja lilek, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, li ridt lil ħbiebek iniżżlu l-ġisem imbierek tiegħek mis-salib u jqegħduh f’dirgħajn ommok l-imnikkta biex tgeżwrek fl-għażel, ħalli jidfnuk fil-qabar, fejn ħallejt ukoll li xi suldati joqogħdu għassa miegħek.

Ġieħ lilek għal dejjem, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, li wara tlitt ijiem qomt mill-imwiet, urejt lilek innifsek ħaj lil dawk li għoġbuk, u wara erbgħin jum quddiem ħafna xhieda tlajt is-sema, fejn tajt post ta’ ġieħ lil ħbiebek li ħlisthom mit-telfien.

Ferħ u tifħir lilek għal dejjem, Mulej Ġesù Kristu, li sawwabt l-Ispirtu s-Santu fi qlub id-dixxipli, u kattart l-imħabba divina tiegħek bla qjies fl-ispirtu tagħhom.

Tkun imbierek u mfaħħar u gglorifikat għal dejjem, Sidi Ġesù, li qiegħed fuq it-tron fis-saltna tiegħek tas-sema, fil-glorja tiegħek ta’ Alla li int, ħaj fil-ġisem bil-membri qaddisa kollha tiegħek li inti ħadt mill-ġisem tal-Verġni. U hekk għad tiġi nhar il-ħaqq, biex tagħmel ħaqq mill-bnedmin kollha ħajjin u mejtin: int li mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen”.

Biex wieħed jgħix ħajja f’għaqda qawwija ma’ Alla, ma għandux bżonn jinfatam mid-dinja. Il-ħafna esperjenzi mistiċi kbar li kellha Santa Briġida mhux biss ma qatgħuhiex mid-dinja imma ġieli kienu huma stess li aktar involvewha fiha, bħal fil-kas tal-papat f’Avignon, l-ammonizzjoni lir-Re u lir-Reġina, il-fondazzjoni tal-Ordni, il-ħidma tagħha mal-foqra, il-vjaġġi u l-pellegrinaġġi. Kemm inżommu lilna nfusna fil-preżenza ta’ Alla matul il-jum?

Talba: Mulej Alla tagħna, int ħeġġiġt lil Santa Briġida biex timmedita l-passjoni ta’ Ibnek, u wrejtha l-ħwejjeġ moħbija tas-sema; agħti lilna, qaddejja tiegħek, li nifirħu u nithennew bid-dehra tal-glorja tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-bridget-of-sweden-or-saint.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-bridget/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Bridget_of_Sweden

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.