27 ta’ Lulju: Beatu Titu Brandsma

Verżjoni Vidjo: Beatu Titu Brandsma

“Tkun magħmula r-rieda tiegħek Mulej u mhux tiegħi”. ~ Il-Beatu Titu Brandsma qal dan meta kien qed jiġi ttorturat, ftit qabel ma qatluh.

TBrandsma_01BEATU TITU BRANDSMA
Presbiteru u Martri
1881 – 1942

Ċempila kbira tal-qanpiena tal-bieb ħasdet il-kunvent kollu tal-Karmelitani ta’ Nejmegen fl-Olanda. Malli fetħu l-bieb, daħlu żewġ pulizija tal-Gestapo. “Irriduh” qalu “lill-Professur Patri Titu Brandsma”. “Hawn jien” weġibhom Patri Titu, li kien għadu kif jasal minn vjaġġ mal-Olanda kollha, li kien għamel bl-ordni tal-Arċisqof ta’ Utrecht. “Trid tiġį magħna minnufih”reġgħu qalulu, “Imma qabel irridu nagħmlu tfittxija sewwa fil-kamra tiegħek”. U kif qalu għamlu.

Fittxew u qallbu ta’ taħt fuq il-kamra, kollha. Imlew bagalja bil-karti u ħadu lil Titu magħhom. Huma u ħerġin mill-kunvent, laħqu nġabru l-patrijiet kollha bid-dmugħ f’għajnejhom. Ħadilhom b’idejhom. Talab għarkubbtejh il-barka tal-Pirjol, u bi tbissima fuq fommu qalilhom: “Ftakru fija”. Kienet il-lejla tad-9 ta’ Jannar 1942, il-bidu ta’ tbatijiet ħorox li kellhom iwasslu għall-martirju.

Patri Titu kien twieled fl-1881 f’Ugokloster, il-kbir fost disat aħwa, li ħamsa minnhom saru reliġjużi. Minn ċkunitu kien marradi, irqiq u tant kien qasir li kienu jgħidulu “It-Tikka”. Missieru kellu bżonnu biex igħinu fir-raba’ li kellu, imma malli kellu tnax-il sena Titu ried ikompli jistudja biex isir saċerdot. Fl-iskola kellu suċċessi sbieħ fl-istorja, l-Latin u l-poeżija.

Ta’ sbatax-il sena daħal Karmelitan f’Boxmeer. Saħħtu dejjem kienet ta’ tfixkil għalih, imma qatt ma ried jerġa’ lura mill-ħsieb qaddis tiegħu li jkun ta’ Alla biss. Meta kellu jibqa’ magħluq fil-kamra għal xi żmien minħabba l-marda li kellu, kiteb ktieb ta’ 300 paġna fuq l-opri ta’ Santa Tereża.

Fl-istudju tal-filosofija ħa interess kbir u kien iħobb jaqra u jisma’ fuq il-Karmelitani li f’dak iż-żmien kienu jagħmlu isem fl-Ordni Karmelitan, fosthom il-Professur Malti Patri Anastas Cuschieri. Għalkemm student fdawlu f’idejh it-tmexxija tar-rivista Karmelitana “Batista Mantovanus” li wara ħadet l-isem ta’ “Vanhederlands Carmel”. Sar saċerdot ta’ erbgħa u għoxrin sena u fil-pront intbagħat Ruma, fejn wara ħafna sagrifiċċji ħa d-Dottorat tat-Teoloġija. Malli reġa’ lura l-Olanda, ta ruħu għall-ġurnaliżmu. Għen fit-twaqqif ta’ gazzetta Kattolika u ta’ rivista oħra Karmelitana “Carmelrozen” fl-istess waqt li kien igħallem l-istudenti Karmelitani.

Patri Titu kellu ħeġġa tal-għaġeb. Fetaħ skola tal-kummerċ, u f’Oldenzaal skola tal-arti. Kiteb ħafna kotba storiċi, filosofiċi, u beda jaqleb għall-Olandiż l-Oprį ta’ Santa Tereża. Kien dejjem iżur il-morda, jilqa’ lil kulħadd, mingħajr qatt ma jitlef it-tbissima minn fommu. Ħadem ferm għall-gazzetta Kattolika “Il-Belt ta’ Oss” u beda t-twaqqif ta’ biblijoteka pubblika li llum iġġib ismu. Kien iħobb ferm il-missjonijiet. Mar il-Brażil u xtaq li jkun missjunarju fl-Indonesja.

Fl-1923 inħatar Professur tal-Filosofija fl-Universita’ Kattolika ta’ Nejmegen, u disa’ snin wara għażluh bħala Rettur tal-istess Universita’, li mexxieha ferm ‘il quddiem; kollox għall-ġieħ ta’ Alla u ta’ pajjiżu li kien iħobb ferm. Waqqaf fl-istess Universita’ istitut fuq il-mistika Olandiża, u kien jagħmel wiċċu jittallab biex ikollu boroż ta’ studju għall-istudenti fqar. Patri Titu kien devot ferm tal-Madonna. Irnexxielu jiftaħ Kunvent tal-Karmelitani f’Nejmegen, minn fejn wara ġie arrestat. Kiseb u irranġa l-Knisja tal-Karmnu f’Magonza. Ħareġ ktieb fuq il-Mistiċiżmu Karmelitan li jsaħħar lil min jaqrah.

Minn żgħożitu kien iħobb il-faqar u kien jistmerr in-nuqqas ta’ ħaqq. Kiteb bl-aħrax kontra n-nażismu li kien jaħqar il-Lhud, u kontra, s-Soċjaliżmu nażista li ma kienx jaf x’inhu ħaqq. Billi fl-Olanda kien hemm ħamsa u għoxrin ġurnal Kattoliku li kienu jilħqu kważi kull familja Kattolika, l-Arċisqof De Jong ħaseb biex ħatar lil Patri Titu bħala l-Konsulent Ekklesjastiku għall-ġurnali kollha Kattoliċi tal-Olanda u bħala ċensur tal-“Gelderenger” ta’ Nejmegen.

Kollox kien miexi sewwa, imma meta n-Nażisti daħlu fl-Olanda, riedu kollox taħt idejhom u kif iridu huma. Ġagħlu lill-gazzetti Kattoliċi jxandru aħbarijiet u dikjarazzjonijiet li l-Arċisqof De Jong u Patri Titu dehrilhom li huma kontra s-sewwa u kontra l-ħaqq. Patri Titu kien igħid: “Il-gazzetta Kattolika hija l-ewwel pulptu, barra mill-knisja”. Għalhekk bil-parir tal-Arċisqof De Jong bagħat ċirkulari lill-gazzetti Kattoliċi kollha biex ma jxandru xejn kontra t-tagħlim tal-Knisja. Patri Titu ġie mwissi mill-pulizija imma għalxejn. Is-sewwa ma jċedi lil ħadd. Ħbiebu ħajruh jistaħba, imma Patri Titu kien jibża’ minn Alla biss. Meta dehrilhom il-pulizija Nażista arrestaw lil Patri Titu, fejn qalulu ċar u tond li l-ħtija tiegħu kienet li ried jobdi lill-Arċisqof u mhux lilhom.

Kien mibgħut l-ewwel fil-ħabs ta’ Skeveningen. Kien f’ċella waħdu jitlob u jikteb fuq il-ħajja ta’ Santa Tereża u għalih kienet ta’ faraġ kbir. Wara xahrejn intbagħat f’ħabs ieħor u fl-aħħar f’Dachau, fejn neħħewlu u ħadulu kulma kellu, kuruna, brevjar u l-ħwejjeġ, u libbsuh ta’ ħabsi bin-numru 30491. Fil-ħabs ma kien jilminta qatt, dejjem ifittex li jfarraġ u jgħin lil kulħadd. F’Dachau fost tant priġunieri oħra, l-aktar qassisin Pollakki, iltaqa’ ma’ Karmelitan, Fra Rafel Tijhuis, li waqaf ħafna ma’ Patri Titu meta dan kien ikun imsawwat bis-saqajn u bil-frosta mill-gwardjani.

Patri Titu kellu ħsiebu dejjem f’Alla. Kien iħobb igħid “Ġesù ftakar li qiegħed waħdi miegħek. Qatt ma kont hekk qrib tiegħek f’ħajti. Ibqa’ dejjem miegħi.” Imma saħħtu ma kinitx tiflaħ għan-nuqqas ta’ ikel, xogħol iebes u swat. Darba f’ġurnata ta’ xita qawwija ġie mixħut b’daqqa ta’ sieq f’għadira tajn. Dam hemm erba’ sigħat, bla ma ħadd seta’ jgħinu. Il-faraġ waħdieni tiegħu kien meta Fra Rafel Tijhuis kien jirnexxielu jġiblu bil-moħbi lil Ġesù Ewkaristija mingħand xi saċerdot Tedesk. L-istess Rafel Tijhuis ma felaħx jara lil Patri Titu jbati bil-mard li kellu. Għamel kuraġġ u mar sab il-Profs. tal-kamp qallu biex iġiblu lil Patri Titu. Kif Patri Titu daħal fil-klinika, it-tabib bagħat lil Fra Rafel ‘il barra, u kif soltu kienu jagħmlu lill-priġunieri lil Patri Titu tawh l-injezzjoni “tal-grazzja”, jiġifieri tal-mewt.

Miet fis-26 ta’ Lulju 1942. Lill-infermiera li tagħtu l-injezzjoni bl-aċidu karboliku tal-kuruna tar-rużarju tiegħu li kien għamel b’xi “imbarazz” li sab fil-ħabs. “Ma nitlobx, ma nafx nitlob” qaltlu l-infermiera meta ta l-kuruna. “Tibżax biżżejjed jekk tgħid biss fuq kull żibġa, itlob għalina midinbin” qallha Titu Brandsma”. “Jiena nibqa nitlob għalik” kompla jgħidilha. Dan ħareġ fix-xhieda l-infermiera tat waqt il-kawża tal-Beatifikazzjoni. L-infermiera tgħid li bis-saħħa ta’ dan hija reġgħet bdiet tipprattika l-fidi Nisranija.

Patri Titu Brandsma kien beatifikat mill-Papa Qaddis Ġwann Pawlu II fit-3 ta’ Novembru 1985. It-tifkira tiegħu issir fis-27 ta’ Lulju. Il-fdalijiet tal-Beatu Titu Brandsma flimkien mal-kitbiet tiegħu kienu maħruqa fil-kamp ta’ konċentrament u taru mar-riħ, imma xhieda tiegħu daqshekk b’saħħita u ħajja tagħmlu l-vera protettur modern tal-ġurnalisti Kattoliċi.

Ħsieb: IT-TRIQ TAS-SALIB – Bi ħsibijiet tal-Beatu Titu Brandsma O.Carm:

1. Ġesù kkundannat għall-mewt ~ O Ġesù, il-poplu li f’nofsu għaddejt tagħmel il-ġid, ħallas l-imħabba tiegħek bl- ingratitudni u bl-inġustizzja, u għajjat: “Sallbu!” Imma int sofrejt aktar meta Pilatu, bl-iskuża li ried jagħmel ħaqq – bħallikieku hu kien innoċenti jew li ma seta’ jagħmel xejn quddiem dik l-għajta – minkejja li ddikjara li ma sab fik ebda ħtija, ikkundannak għall-mewt l-aktar kiefra u ta’ mistħija: dik tas-salib. Imma inti batejt u bqajt sieket. O Marija, dik l-għajta kiefra tal-poplu u dik is-sentenza inġusta ta’ Pilatu nifdulek qalbek bħal sejf ta’ niket. Imma int ukoll, bħal Ibnek Ġesù, bqajt tbati fis-skiet.

2. Ġesù mġiegħel jerfa’ s-salib ~ O Ġesù, x’kuraġġ hemm moħbi quddiem it-tbatija u fit-tgħanniqa tiegħek mas- Salib, li b’kefrija qegħdulek fuq spallejk biex fuqu jsammruk u joqtluk! Inti għannaqtu għall-imħabba tiegħek lejja, biex hekk tpatti għal dnubieti u ttaffi t-tbatijiet tiegħi. O Marija, x’għafsa ta’ qalb ħassejt, meta s-salib tqil u tal-biża’ tqiegħed fuq spallejn Ibnek.

3. Ġesù jaqa’ l-ewwel darba taħt is-salib ~ O Ġesù, quddiem id-dgħufija tagħna, u mifnija mid-diżgrazzji li jkidduna, inti ridt tagħtina eżempju ta’ kuraġġ. X’umiljazzjoni kellha tkun għalik, is-Sid tas-sema u l-art, li ma kontx kapaċi ġġorr salibek bi kburija u b’qawwa, imma li taqa’ tul it-triq. O Marija, min jaf xi tbatija ħassejt, meta rajt lil Ibnek hekk umiljat, li jċedi taħt is-salib. Kemm batejt meta rajt li ħadd ma għenu, minflok qajmuh bl-herra u ġagħluh jieħu mill-ġdid fuq spallejh is-salib!

4. Ġesù jiltaqa’ ma’ Ommu Marija Santissima ~ O Ġesù, x’dulur kiefer ieħor ġarrabt meta bla ma ridt, kellek tħalli lill-għażiża Ommok taqsam miegħek it-tbatijiet, li int aċċettajt minħabba fina. Min jaf kemm xtaqt teħlisha minn dawn id-duluri ġodda. Imma dawn kellhom iservu għall-qdusija u l-glorja tagħha: u ridt li jkunu sinjal għal Ġwanni u għalina biex nersqu lejk, l-Imgħallem divin tagħna. O Marija, għalkemm kien diffiċli għalik, imħabbtek ġagħlitek timxi l-istess triq tas-salib li għadda minnha Ibnek, u mħabbtek kaxkret magħha lil Ġwanni wkoll.

5. Xmun minn Ċirene jgħin lil Ġesù jerfa’ s-salib ~ O Ġesù, x’dulur u x’umiljazzjoni, li wieħed barrani kien imġiegħel jgħinek, filwaqt li dawk li jħobbuk, bħalma kien Ġwanni – li żgur, kieku seta’, kien lest li jġorr is-salib tiegħek – ma tħallewx jersqu lejk! Lil min nixbah jien, lil Xmun jew lil Ġwanni? O Marija, kemm tbatija kellek iġġarrab meta s-suldati, bl-għan li jaraw lil Ibnek jasal ħaj sa fuq is-salib, m’aċċettawx l-għajnuna ta’ dixxiplu, iżda ġagħlu jgħinu wieħed barrani.

6. Il-Veronika timsaħ wiċċ Ġesù ~ O Ġesù, x’ġentilezza wrejt tul it-triq tas-salib, meta bħala tifkira ta’ tbatijietek inti stampajt il-Wiċċ divin tiegħek fuq il-velu li bih il-mara twajba naddfet lill-Wiċċ qaddis tiegħek. Jalla din ix-xbieha tibqa’ mnaqqxa f’moħħi, biex dejjem inżomm quddiem għajnejja t-tbatijiet tiegħek bħala eżempju. O Marija, x’teżor kellu jkun għalik dan il-velu mqaddes! B’liema ħniena inti kkontemplajtu, u x’kuraġġ u x’qawwa tatek din it-tifkira tat-tbatijiet ta’ Ibnek.

7. Ġesù jaqa’ għat-tieni darba taħt is-salib ~ O Ġesù, ma kienx biżżejjed għall-għedewwa tiegħek li taħt it-toqol tas-salib inti taqa’ darba biss, sabiex ikunu jistgħu jħarsu lejk bi tmaqdir fin-nuqqas ta’ ħila tiegħek. O Marija, kemm qsim il-qalb għan-nuqqas ta’ għajnuna murija ma’ Ibnek l-għażiż. Żgur li ħarist madwarek, biex tara jekk xi ħadd riedx jieħu fuq spallejh it-toqol kbir tas-salib, u bħaċ-Ċirinew, titolbu jerfa’ l-piż kollu.

8. Ġesù jitkellem ma’ wlied Ġerusalemm ~ O Ġesù, il-kliem li inti għedt lin-nisa li tħassruk tul it-triq tas-salib, tgħidu lili wkoll: “Mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom, għaliex jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk aħdar, x’sejjer jiġri miz-zokk niexef?” Qed niftakar ukoll il-kliem l-ieħor: “Mhux min jgħid Mulej, Mulej, jidħol fis-saltna tas-sema, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri, li huwa fis-sema”. Mhux biżżejjed li jien nitħassar it-tbatijiet tiegħek, jeħtieġ ukoll nieħu sehem miegħek, u b’qalb ġeneruża naċċetta minn idejk in-niket u l-provi li inti tibgħatli, u nġorrhom f’għaqda sħiħa miegħek. Inti d-dielja, aħna l-friegħi: jekk ma nibqgħux magħqudin Miegħek, ninxfu u ma nkunu niswew għal xejn. O Marija, inti mhux biss urejt ħniena, imma mxejt ma’ Ibnek it-triq kollha tas-salib: ħu lili wkoll miegħek.

9. Ġesù jaqa’ għat-tielet darba ~ O Ġesù, bit-tliet waqgħat tiegħek taħt is-salib, inti ridt tpatti għat-tliet ċaħdiet tal-appostlu tiegħek, li kien jaħseb li huwa qawwi, u għall-waqgħat imtennija tagħna fid-dnub. Inti wrejtna wkoll li wżajt il-ftit saħħa li kien baqagħlek biex tasal sal-quċċata tal-għolja tal-martirju. Fis-salib, u fit-tbatijiet li tibgħatilna, int tgħallimna nagħmlu ħilitna kollha ħalli naqdu d-dmirijiet li l-ħniena tiegħek fdatilna f’idejna, u biex kull darba li aħna naqtgħu qalbna u nogħtru, inħarsu lejn il-waqgħat tiegħek taħt is-salib u minnhom nieħdu l-qawwa li jkollna bżonn. O Marija, int kont xhieda ta’ kif Ibnek uża sal-aħħar ħiltu kollha; għinna nħarsu lejh meta t-twettiq tad-dmirijiet ta’ ħajjitna jsiru tqal wisq biex inġorruhom.

10. Ġesù mneżża’ minn ħwejġu ~ O Ġesù, kif irnexxielek tixrob il-kalċi tat-tbatija sal-qiegħ, b’rieda sħiħa li tkun mislub mal-għuda iebsa tas-Salib, imneżża’ minn kollox! Għażilt il-kalċi tal- morr u warrabt ix-xarba li riedu jagħtuk biex itaffulek it-tbatijiet. O Marija, żgur li qalbek kienet mimlija b’qawwa speċjali fit-tbatija tiegħek ma’ Ibnek, filwaqt li rajtu mneżża’ minn ħwejġu kollha, jirrifjuta x-xorb li bih seta’ jnaqqas is-sensibilità tiegħu għall-uġigħ. Kemm kien qawwi għalik dan l-eżempju biex quddiem din il-kefrija kollha inti tibqa’ magħquda miegħu.

11. Ġesù msammar mas-salib ~ O Ġesù, kellha tkun ħaġa tassew tal-biża’ għalik li tkun mislub mal-għuda tas-salib b’imsiemer hekk ħorox, biex imdendel minn dawn il-feriti, tmut bil-mod il-mod. O Marija, is-sejf tad-dulur imħabbar minn Xmun nifidlek qalbek, l-aktar meta smajt id-daqqiet kiefra tal-martell, li bihom il-qattiela nifdu l-idejn u r-riġlejn tal-Iben divin tiegħek u waħħluh mas-salib.

12. Ġesù jmut fuq is-salib ~ O Ġesù, għalina huwa misteru li ma nistgħux nifhmuh, kif inti, fi tmiem il-ħidma tiegħek, ridt tmut għalina u tidħol fis-saltna tal-mewt bħallikieku l-missjoni kollha tiegħek kienet falliment, bħallikieku ħajtek kollha kienet bla fejda, hekk li fid-deher kienet rebħa għall-għedewwa tiegħek. O Marija, min jaf x’ħassejt meta rajt it-tmiem tal-missjoni ta’ Ibnek, li tarah imut quddiem għajnejk bl-aktar mewta kiefra u ta’ mistħija, ukoll jekk il-fidi tiegħek kienet tgħidlek il-kuntrarju: li Huwa kellu jirbħilna l-ħajja mill-ġdid proprju permezz ta’ din it-triq.

13. Ġesù mniżżel minn fuq is-salib ~ O Ġesù, x’eżempju tajt lil Ommok wara mewtek, meta ħallejt il-ġisem mejjet tiegħek jitqiegħed fi ħdanha. Dan kellu jżidilha d-dulur tagħha u wkoll jagħmilha ħaġa waħda mad-dulur u t-tbatijiet tiegħek, imma fl-istess ħin Inti mlejtha bil-qawwa tiegħek biex imbagħad tkun tista’ tagħmilha ‘Sultana tal-Martri’. O Marija, Omm tad-duluri, meta l-Knisja tikkontemplak bil-ġisem ta’ Ġesù fi ħdanek, tpoġġi fuq fommok dawn il-kelmiet: “O intom, li għaddejjin minn hawn, araw jekk hemmx dulur bħal tiegħi!” Għallimni nikkontempla miegħek il-Ġisem ta’ Ibnek divin, biex magħkom inġorr it-tbatijiet tiegħi.

14. Ġesù mqiegħed fil-qabar * ~ Ġesù, kull meta nħares lejk inħoss li tħobbni, li tqisni l-egħżeż fost il-ħbieb, u nħoss li nħobbok bħala l-akbar ġid li għandi. Jien naf, Mulej, li mħabbtek titlob kuraġġ u tbatija, iżda t-tbatija hi t-triq waħdanija li twassal fid-dija tal-glorja tiegħek. Mulej, jekk f’qalbi niket jiżdied ma’ niket inqisu rigal sabiħ tiegħek, għaliex jagħmilni nixbhek u jgħaqqadni miegħek. Ħallini waħdi f’din iċ-ċella kiesħa; m’għandi bżonn ħadd ħliefek, ma nibżax noqgħod waħdi għaliex, Int, ħdejja. Ibqa’ hawn, Ġesù, tħallinix waħdi; kull fejn tgħix Int, Mulej, kollox ħafif … kollox sabiħ!

* Il-Beatu Titu Brandsma kien maqtul qabel temm jikteb din il-Via Sagra. Minflok ħsieb bħal fl-istazzjonijiet l-oħrajn, għandna t-talba “Quddiem xbieha ta’ Ġesù fiċ-ċella tiegħi” li huwa stess kiteb fil-ħabs ta’ Scheveningen nhar it- 12 ta’ Frar 1942.

Talba: O Alla ħanin li tista’ kollox, int li fdejtna bil-passjoni mqaddsa ta’ Ibnek Ġesù Kristu, għoġbok li tgħaqqad mas-sofferenzi tiegħu, is-sofferenzi tal-Beatu Titu Brandsma; żomm sħiħa fina l-opra tal-ħniena tiegħek biex ngħixu dejjem fidili lejk u aħna wkoll ngħaqqdu s-sofferenzi tagħna ma ta’ Ibnek lill-Għażiż għas-salvazzjoni tal-erwieħ. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://ocarm.org/en/content/liturgy/bl-titus-brandsma-priest-and-martyr-m

Alternative Reading: http://carmelnet.org/brandsma/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Titus_Brandsma

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mis-sit: fleurdelysmalta.parish

Advertisements