28 ta’ Lulju: Santa Alfonsa Muttathupadatu

“Kull ġurnata li fiha jiena ma nsofrix għall-Mulej, dik tkun ġurnata mitlufa”. ~ Santa Alfonsa Muttathupadatu

img2Santa Alfonsa Muttathupadatu
Reliġjuża
1910 – 1946

Tagħrif: Alfonsa, li qabel ma daħlet reliġjuża kien jisimha Anna, twieldet minn familja kattolika fl-Indja. Tilfet ’l ommha meta kellha biss tlett xhur u bdiet tieħu ħsiebha oħt ommha.

Sa minn ċkunitha kienet turi mogħdrija u mħabba kbira lejn il-foqra u l-batuti u xtaqet tiddedika ħajjitha għalihom. Imma zitha kellha pjanijiet oħra għaliha.

Meta kibret biżżejjed, għażlulha l-għarus u saru l-arranġamenti meħtieġa biex iżewġuha. Din il-ħaġa inkwetat ħafna lit-tfajla u ddeċidiet li tħarbat kollox. Ġieha f’rasha li ddaħħal sieqha fin-nar u ħarqitha tant li sfiguratha.

Ta’ 18-il sena (2 t’Awwissu 1928) daħlet mas-Sorijiet Klarissi fejn tawha l-isem ta’ Alfonsa Marija. Kienet kważi mibgħuta ’l barra mill-kunvent għax kienet dejjem marida, iżda Alla riedha tibqa’ miġbura fejn kienet u malajr biddel il-fehma tas-superjuri.

Fis-sodda għal ħajjitha, imqabra b’uġigħ qawwi, kultant bil-malarja, ulċera f’riġlejha, emoraġija, eċċ., bħal Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, il-mudell li għażlet hija stess, Alfonsa għexet kull mument ta’ ħajjitha bħal tifla żgħira, b’fiduċja u b’telqa ta’ mħabba fir-rieda ta’ Alla.

Santa Alfonsa Muttathupadatu ġieli talbet għal aktar sofferenzi. Tant hu hekk li meta darba semgħet li wieħed isqof kien marid, Alfonsa talbet lil Ġesù biex il-mard u d-deni tal-isqof jgħaddu fuqha għax, irraġunat, “Jiena ma nista’ nagħmel xejn iżjed ħlief insofri; għalhekk għandi nieħu fuqi dak id-deni wkoll.” U t-talba tagħha kienet mismugħa.

F’għajnejn xi nies, il-ħajja ta’ Alfonsa kienet moħlija u bla skop għax ma wettqet xejn speċjali. Kull ġurnata li tgħaddi kienet biss ġurnata ta’ sofferenzi bħall-oħrajn. U biex iżjed titnikket f’qalbha, Alfonsa kienet ħafna drabi mifhuma ħażin minn dawk stess li kienu jduru biha, anki minn wieħed predikatur tal-irtiri u saħansitra mill-istess superjuri tagħha.

Bla ma tgerger, waqt li żżomm kollox f’qalbha u ssofri kollox għal Ġesù, hija kienet propju tinfena rqiq irqiq. Kienet tgħid: “Kull ġurnata li fiha jiena ma nsofrix għall-Mulej, dik tkun ġurnata mitlufa.”

Swor Alfonsa Muttathupadatu mietet fit-28 ta’ Lulju 1946, 13-il ġurnata qabel ma għalqet 36 sena. Sa minn wara mewtha, eluf kbar ta’ pellegrini minn kull naħa tal-Indja, insara, indus u oħrajn bdew iżuru l-qabar tagħha biex jitolbuha. Kienet ibbeatifikata mill-Papa Ġwanni Pawlu II waqt vjaġġ appostoliku fl-Indja, fl-1986. Kienet dikjarata qaddisa mill-Papa Benedittu XVI.

ĦsiebMinkejja li Alfonsa kienet kuntenta bis-sofferenzi, is-superjura pperswadietha titlob ukoll għall-fejqan, u Alfonsa, b’ubbidjenza, talbet permezz ta’ novena lir-ruħ tajba ta’ Fr. Elias Chavara. Fl-aħħar tan-novena, Fr. Chavara dehrilha u fejjaqha b’mod tassew mirakoluż. Dan is-saċerdot Indjan kellu jiġi bbeatifikat flimkien magħha.

Tassew, li bħall-foqra, il-morda dejjem magħna u aħna l-insara obbligati mhux biss li ma nħarsux lejhom bħala dawk li ‘ma jiswew għal xejn’, imma li nagħmlu ħilitna kollha u anki nużaw kull mezz li nistgħu (fosthom is-Sagrament tal-Morda) biex inwassluhom għall-fejqan, jew għall-faraġ.

Il-Papa Franġisku, fl-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa 26 ta’ Frar 2014 dwar is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda, qal dan li ġej:

“Il-lum nixtieq inkellimkom dwar is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda, li jagħtina li mmissu b’idejna l-ħniena ta’ Alla għall-bniedem. Fl-imgħoddi kien jissejjaħ “L-Aħħar Dilka”, għax konna nħarsu lejh bħala faraġ spiritwali għal min kien wasal biex imut. Jekk min-naħa l-oħra nitkellmu dwar “Dilka tal-Morda”, dan jgħinna nwessgħu l-ħarsa tagħna għall-esperjenza tal-mard u tat-tbatija, fid-dawl tal-ħniena ta’ Alla.

Hemm ikona Biblika li tesprimi fil-profondità kollha tiegħu l-misteru li joħroġ fid-Dilka tal-Morda: din hi l-parabbola tas-“Samaritan it-tajjeb”, fil-Vanġelu ta’ Luqa (10:30-35). Kull darba li niċċelebraw dan is-sagrament, il-Mulej Ġesù, fil-persuna tas-saċerdot, joqrob lejn min ikun qed ibati u hu marid serjament, jew anzjan. Il-parabbola tgħid li s-Samaritan it-tajjeb ħa ħsieb ta’ dak ir-raġel batut billi diliklu l-ġrieħi tiegħu biż-żejt u l-inbid. Iż-żejt ifakkarna f’dak li jiġi mbierek mill-Isqof kull sena, fil-Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut nhar Ħamis ix-Xirka, sewwa sew fid-dawl tad-Dilka tal-Morda. L-inbid, min-naħa l-oħra, hu sinjal ta’ l-imħabba u tal-grazzja ta’ Kristu li joħorġu mid-don ta’ ħajtu għalina u jesprimu ruħhom fl-għana kollu tagħhom fil-ħajja sagramentali tal-Knisja. Fl-aħħar nett, il-persuna batuta tiġi fdata f’idejn tal-lukanda, biex jista’ jkompli jieħu ħsiebha, mingħajr ma joqgħod jagħti kas ta’ l-ispejjeż. Issa min hu dan tal-lukanda? Hi l-Knisja, il-komunità Nisranija, aħna, li lilna l-lum il-Mulej Ġesù qed jafdalna lil dawk kollha li huma mħabbtin, fil-ġisem u fir-ruħ, biex nistgħu nkomplu nsawbu fuqhom bla heda l-ħniena u s-salvazzjoni tiegħu.

Fil-fatt Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex juru l-istess għożża għall-morda u l-batuti u tahom il-ħila u l-missjoni li f’ismu u skont is-sentimenti ta’ qalbu jkomplu jxerrdu s-serħan u l-paċi, permezz tal-grazzja speċjali ta’ dan is-sagrament. Imma dan ma jridx jintilef fit-tiftixa ossessiva tal-miraklu jew fil-preżunzjoni li jista’ dejjem u f’kull każ jikseb il-fejqan. Imma hu jiżgura lil min hu marid li Ġesù hu qrib tiegħu, u anki lill-anzjan, għax kull anzjan, kull persuna ta’ fuq 65 sena, tista’ tirċievi dan is-sagrament, li permezz tiegħu Ġesù nnifsu hu li joqrob lejna.

Imma meta jkun hemm xi marid, xi drabi jgħaddilna minn moħħna l-ħsieb: “Inċemplu lis-saċerdot biex jiġi”; “Le, għax iġib xorti ħażina, ma nċemplulu xejn”, jew “għax imbagħad il-marid jitwerwer”. Għaliex naħsbu hekk? Għax xi ftit jew wisq hemm l-idea li wara s-saċerdot imbagħad jasal il-funeral. U dan mhux minnu. Is-saċerdot jiġi biex jgħin lill-marid jew l-anzjan; għalhekk hi tant importanti ż-żjara tas-saċerdoti lill-morda. Hemm bżonn li nsejħu s-saċerdot qrib il-marid u ngħidulu: “Ejja agħtih id-dilka, u bierku”.

Hu Ġesù nnifsu li jiġi biex iserraħ lill-marid, biex isaħħu, biex jagħtih it-tama, biex jgħinu; u anki biex jaħfirlu dnubietu. U din hi xi ħaġa tassew sabiħa! U m’għandniex noqogħdu naħsbu li dan hu xi tabù, għax dejjem hi ħaġa sabiħa nkunu nafu li fil-waqt tat-tbatija u tal-mard aħna m’aħniex waħidna: is-saċerdot u dawk li jkunu preżenti waqt id-Dilka tal-Morda fil-fatt jirrappreżentaw lill-komunità Nisranija kollha li, bħal ġisem wieħed, tinġabar madwar min qed ibati u l-familjari tiegħu, twettaqhom fil-fidi u fit-tama, u tweżinhom bit-talb u bl-imħabba fraterna.

Imma l-akbar faraġ jiġi mill-fatt li f’dan is-sagrament hu preżenti l-Mulej Ġesù nnifsu, li jaqbdilna jdejna, iżiegħel bina kif għamel mal-morda, u jfakkarna li issa aħna tiegħu u li xejn – lanqas id-deni u l-mewt – ma jista’ qatt jifridna minnU. Għandna din id-drawwa li nsejħu lis-saċerdot biex lill-morda tagħna – mhux qed ngħid morda bl-influwenza, ta’ tlitt ijiem, erbgħa, imma meta hemm marda gravi – u anki lill-anzjani tagħna, jiġi u jagħtihom dan is-sagrament, dan il-faraġ, din il-qawwa ta’ Ġesù biex jistgħu jibqgħu mexjin? Inwettquha!”

Talba: Għażiża Santa Alfonsa Muttathupadatu, li b’imħabba lejn Ġesu’ sofferenti u lejn l-umanita’, aċċettajt is-sofferenzi kollha li għaddejt minnhom b’imħabba lejn is-Salvatur u f’għaqda miegħU, nitolbuk tinterċedi għalina biex aħna nfittxu l-fejqan, imma wkoll biex fl-aħħar nilqgħu bil-qalb it-tbatijiet li ngħaddu minnhom tul ħajjitna u nagħtuhom l-istess skop li tajthom int, dak li jgħinu fis-salvazzjoni tal-erwieħ immortali. Ammen.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2016/07/st-alphonsa.html

Alternative Reading: http://www.missionariesoftheworld.org/2012/07/saint-alphonsa-muttathupadathu.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Alphonsa

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements