29 ta’ Lulju: Santa Marta

Verżjoni Vidjo: Santa Marta

“Wara li Ġesù qajjem lil Lazzru mill-imwiet, għamlulu ikla f’Betanja, u Marta bdiet isservi. Marija ħadet libbra żejt tan-nard safi, jiswa ħafna u dilket bih riġlejn Ġesù.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Santa Marta.

Marthe-et-MarieSANTA MARTA
L-ewwel Seklu

Tagħrif: Santa Marta, oħtha Marija u ħuha Lazzru, kienu jgħixu f’Betanja, raħal xi 3 km ’l bogħod minn Ġerusalemm. Jidher li kienu ħbieb ħafna ma’ Ġesù, u kienu spiss jilqgħuh f’darhom. San Ġwann fil-Vanġelu tiegħu jgħidilna b’mod partikolari li Ġesù kien iħobbhom. (Ġwanni 11:5)

Marta aktarx li kienet il-kbira fost l-aħwa, isimha, bl-Aramajk ifisser il-“Padruna tad-dar.”

Darba waħda, meta Ġesù kien għandhom, hi kienet imħabbta ħafna tnewwel u taqdi, waqt li Marija kienet bilqiegħda f’riġlejn Ġesù tisma’ kliemu. Ħin minnhom talbet lil Ġesù jgħid lil Marija biex tmur tgħinha. Ġesù weġibha b’dik is-sentenza stupenda: ” Marta! Marta! Inti taħseb u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex.” (Luqa 10:41)

Fil-Vanġelu nerġgħu niltaqgħu ma’ Marta fl-okkażjoni tal-qawmien mill-mewt ta’ Lazzru. Marta semgħet li Ġesù kien ġej għandhom, u marret tiġri tilqgħu meta kien għadu ftit ’il bogħod mid-dar. Qaltlu: “Mulej, li kieku kont hawn, ħija ma kienx imut. Imma wkoll issa, naf li kull ma titlob lil Alla, Alla jagħtihulek.” Qalilha Ġesù: ”Jiena hu l-qawmien u l-ħajja; u kull min hu ħaj u jemmen fija, ma jmut qatt. Temmen dan?” ”Iva, Mulej,” qaltlu hi, “Jien nemmen li int il-Messija, Bin Alla, li ġie fid-dinja.”

Marta marret tiġri d-dar tgħid lil oħtha li kien ġej għandhom Ġesù u li kien staqsa għaliha. Marija ħalliet kollox u marret tiġri tiltaqa’ ma’ Ġesù li kien għadu barra mir-raħal, fejn kienet iltaqgħet miegħu Marta.

Ġesù wasal għandhom meta Lazzru kien ġa ilu erbat ijiem midfun. Fl-aħħar Ġesù resaq lejn il-qabar fejn kien midfun Lazzru u ordna jneħħu l-ġebla li kienet tagħlaq id-daħla tal-qabar. Marta ħasbet li Ġesù ried jara lil ħabibu għall-aħħar darba u qaltlu: “Imma, Mulej, ilu ġa erbat ijiem mejjet.” Ġesù weġibha: “Mela ma għedtlekx jien, li jekk temmen, tara l-glorja ta’ Alla?” Hawnhekk id-dmugħ tan-niket ta’ dawk preżenti nbidel fi dmugħ ta’ ferħ għax għall-kelma ta’ Ġesù, Lazzru qam mill-mewt. (Ġwanni 11: 1-44)

San Ġwann jerġa’ jsemmi lil Marta waqt ikla li hi u ħutha għamlu lil Ġesù. Hemm ukoll insibu Marta sservi.

Wara din il-ġrajja ma niltaqgħu qatt iktar magħha. Santa Marta hi l-Patruna tan-nisa tad-dar, tal-lukandiera u tal-koki.

Aktar dettali
Meta Ġesù kien fil-Ġudija, spiss kien imur darhom. San Luqa (38:42) jippreżentahielna l-ewwel darba titħabat biex taqdi ’l Ġesù waqt li Marija kienet bilqiegħda f’riġlejn Ġesù tisma’ kliemu. Bdiet tgemgem ma’ Ġesù fuq oħtha għaliex ħallietha weħedha titħabat u talbitu biex jgħidilha ħalli tgħinha. Iżda Ġesù fissrilha li l-istess imħabba lejh li kienet iġġagħalha tħabrek biex taqdih, kienet iżżomm lil Marija msaħħra f’riġlejh.

Tennielha isimha darbtejn biex iwissiha bil-ħlewwa li waqt li kienet taqdih, ma kellhiex tgemgem u titlef il-paċenzja; u fl-istess ħin għarrafha li l-ħajja kontemplattiva ma hi xejn anqas għal qalbu mill-ħajja attiva. Anzi, l-aqwa unur li r-ruħ tista’ tagħmillu hi, li tħalli kollox biex tisma’ kliemu, bħalma għamlet Marija li għażlet l-aħjar parti, u dik li tibqa’ anki fis-sema – il-kontemplazzjoni u l-għaqda m’Alla.

Leġġenda tgħid li Marta, flimkien ma’ Marija u ma’ Lazzru, marret Marsilja fejn għexet ġo speċi ta’ għar ma’ nisa oħra u fejn mietet għanja bil-mertu u bil-grazzja.

Ħsieb: Qari mid-Diskorsi tal-isqof Santu Wistin bit-titlu ‘Hienja għax laqgħu ‘l Kristu għandhom’:

“Sidna Ġesù Kristu jwissina li, fost il-ħafna taħbit ta’ din id-dinja, aħna mexjin lejn xi mkien. Mexjin għax għadna ‘l bogħod biex nidħlu f’postna; għadna fit-triq, ma wasalniex id-dar; għadna bix-xewqa tagħha, ma bdejniex ingawduha. Imma mexjin, mexjin bla ma nitgħażżnu jew nieqfu, biex xi darba jirnexxielna naslu.

Marta u Marija kienu żewġt aħwa mhux biss fil-ġisem iżda wkoll fis-sentimenti reliġjużi tagħhom. It-tnejn ingħaqdu mal-Mulej, it-tnejn b’qalb waħda qdew lill-Mulej meta kien fid-dinja. Marta laqgħetu għandha, kif wieħed jilqa’ l-għorba; iktar minn hekk, laqgħetu kif il-qaddejja tilqa’ lil Sidha, il-marida lis-Salvatur li jfejjaqha, il-ħlejqa lill-Ħallieq. Hi, li kienet teħtieġ l-għajxien tal-Ispirtu, laqgħet lil dak li kien jeħtieġ l-għajxien bħala bniedem. Għax il-Mulej għoġbu jidher taħt sura ta’ qaddej, u f’din is-sura ta’ qaddej ried ikun moqdi bl-ikel mill-qaddejja tiegħu, għax hekk għoġbu, mhux għax kien minnu nnifsu qaddej. Deher bħala wieħed li jenħtieġ l-għajxien, u din ukoll kienet umiljazzjoni tiegħu. Deher bħala bniedem f’ġisem li jagħmel bih il-ġuħ u jieħdu l-għatx.

Marta mela laqgħet bil-qalb lil Sidha bħala qarib, lil dak li ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx; imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla; hu ta’ l-adozzjoni lill-qaddejja u għamilhom ħutu, ta’ l-fidwa lill-ilsiera u għamilhom werrieta flimkien miegħu.

Qisu li ħadd minnkom ma jgħid: ‘Henjin dawk li stħaqqilhom jilqgħu lil Kristu għandhom!”’Issewwidx qalbek u tgemgimx jekk twelidt fi żmien meta ma tistax tara lill-Mulej fil-ġisem: għax hu ma ċaħħdekx minn dan il-ġieħ. Qallek: ‘Kemm għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’

Mill-bqija, Marta, ħallini ngħidlek: imbierka int li tajt servizz hekk tajjeb; bħala ħlas tat-taħbit tiegħek m’intix tfittex ħlief il-mistrieħ. Għalissa qiegħda tieħu rasek u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ, u hawnhekk trid taħseb għall-ikel ta’ min hu bniedem, ukoll jekk qaddis. Taħseb int li, meta tasal f’dik id-dar, se ssib iżjed għorba li tilqagħhom għandek bil-qalb? Li se ssib iżjed min hu bil-ġuħ biex titimgħu, min hu bil-għatx biex tisqih, min hu marid biex iżżuru, min hu mitlewwem biex tagħmlu paċi, min hu mejjet biex tidfnu?

Le, hemmhekk m’int se ssib xejn minn dan. Mela x’se ssib? Issib dak li għażlet Marija; insibu min jgħajjex lilna, mhux ngħajxu lill-oħrajn. Jiġifieri, dak li Marija għażlet hawnhekk, hemm insibuh fil-milja sħiħa tiegħu; ma niġbrux il-frak, kif għamlet Marija hi u tisma’ l-kelma tal-Mulej, imma nsibu mejda għanja. Tridu tafu xi nsibu hemmhekk? Il-Mulej stess qal għall-qaddejja tiegħu: ‘Tassew, ngħidilkom, li jqegħedhom fuq il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom.”‘

Marta qalet lil oħtha: “L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek.” Ġesù qed isejjaħ lil kull wieħed u waħda minna – lilek ukoll li qed taqra dan bħalissa!

  • Min ma jagħtix kas u jibqa’ indifferenti,
  • u min jeħodha kontrih u joffendih, u
  • min jilqgħu u jsir iħobbu bis-serjetà, u jobdi Kelmtu.

Inti f’liema kategorija taqa’?

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, Ibnek Ġesù għoġbu li Santa Marta tilqgħu għandha bil-qalb; bit-talb tagħha, agħtina li naqdu bil-fedeltà lil ħutna kollha fi Kristu, biex inti tilqagħna għandek fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-martha-528

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-martha/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Martha

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements