30 ta’ Lulju: San Pietru Krisologu

“Min jieħu gost max-xitan,ma jistax jifraħ ma’ Ġesù”. ~ San Pietru Krisologu

img-Saint-Peter-Chrysologus.jpgSAN PIETRU KRISOLOGU
Isqof u Duttur tal-Knisja
380 -450

Tagħrif: San Pietru twieled f’Imola, l-Italja, għal ħabta tas-sena 380. L-Isqof ta’ Imola, Kornelju, ħa ħsieb l-edukazzjoni tiegħu u ordnah Djaknu.

Fis-sena 433, il-Papa Sistu III ħatru Arċisqof ta’ Ravenna.

Kien difensur kbir tal-fidi Kattolika, ħadem bis-sħiħ biex jeqred il-paganiżmu mid-djoċesi tiegħu, u b’kuraġġ kbir ipprojbixxa l-festi immorali li kienu jinżammu fil-bidu ta’ Jannar.

Tant kien predikatur tajjeb li qala’ l-isem ta’ Krisologu, li jfisser “Kliemu tad-Deheb”.

Il-priedki tiegħu kienu jkunu dejjem qosra. Hemm 176 priedka tiegħu, li għadhom ippreservati sal-lum. Kien iħeġġeġ ħafna lin-nies biex jitqarbnu spiss.

Huwa kien jeżorta bil-qawwa kollha lil Ewtiku, wara li dan kien ġie kkundannat fis-Sinodu ta’ Kostantinopli (448), biex jaċċetta l-misteru ta’ l-inkarnazzjoni u joqgħod għat-tagħlim tal-Knisja.

San Pietru kien iċ-Ċelebrant li mexxa l-funeral ta’ San Ġermanu ta’ Auxerre fis-sena 448.

Miet fit-2 ta’ Diċembru tas-sena 450 f’Imola, fejn kien mar biex iqim il-martri Kassjanu, protettur tiegħu.

Il-Papa Benedittu XII ipproklamah Duttur tal-Knisja fis-sena 1729.

Ħsieb: Ħsieb għall-ewwel jum tar-Randan: mill-Omelija 43 ta’ San Pietru Krisologu, Isqof ta’ Ravenna:

“Tlieta huma l-affarijiet, ħuti, li permezz tagħhom il-fidi tibqa’ sħiħa, id-devozzjoni titkattar u l-virtù tiżdied: it-talb, is-sawm u l-ħniena. Dak li t-talb jixtieq, is-sawm jittallab għalih b’suċċess u l-ħniena tirċevih. It-talb, is-sawm u l-ħniena: dawn it-tlieta jmorru dejjem flimkien. Huma jagħtu l-ħajja lil xulxin, huma inseparabbli. Għax is-sawm huwa r-ruħ tat-talb, u l-ħniena hija l-ħajja tas-sawm.

Jekk bniedem għandu waħda minnhom biss, jew m’għandux it-tlieta li huma f’daqqa, dan ma għandu xejn. Għaldaqstant dak li jitlob għandu wkoll isum, u dak li jsum għandu wkoll juri ħniena. Dak li jrid li jiġi mismugħ meta jitob xi ħaġa, għandu jisma’ meta xi ħadd jitlob xi ħaġa lilu. Dak li ma jagħlaqx widnejh għat-talb ta’ min jitolbu, jiftaħ widnet Alla għat-talb tiegħu. Jekk xi ħadd irid li Alla jinduna li hu bil-ġuħ, għandu hu wkoll jagħraf min madwaru hu bil-ġuħ. Min jittama li jsib il-ħniena, għandu juri l-ħniena hu wkoll. Min jixtieq il-ħlewwa ta’ missier, għandu juriha l-ewwel hu. Min jixtieq li xi ħadd joffrilu xi ħaġa, għandu joffri lil ħaddieħor hu. Ma jistħoqqlux jitlob min jirrifjuta li jagħti lil ħaddieħor dak li qed jittallab għalih hu. O bniedem, ħu dan bħala l-qjies għall-ħniena li turi: uri int ħniena ma’ ħaddieħor bl-istess mod, bl-istess ammont u bl-istess ħeffa li tixtieq li ssir ħniena miegħek.

Għalhekk, ejjew inħallu t-talb, il-ħniena u s-sawm ikunu talba waħda quddiem Alla. Ejjew inħalluhom ikunu għajnuna waħda għalina. Dawn huma l-ħwejjeġ li jżommu sħiħa l-belt tal-ġenna, li jħabbtu fuq il-bieb tal-kmamar ta’ Alla l-imħallef tagħna, li jsegwu l-ġrajjiet tal-bnedmin quddiem it-tribunal ta’ Kristu, li jittallbu l-ħniena għall-inġust, li jirbħu l-maħfra għall-ħatjin. Il-bniedem li m’għandux dawn bħala l-avukati tiegħu fil-ġenna lanqas ma għandu pożizzjoni żgura fuq l-art. Ladarba għandhom qawwa daqshekk kbira fil-ġenna, huma jaffettwaw il-ġrajjiet fuq l-art; imexxu l-ġid u jkeċċu d-dnewwa; jitfu l-vizzji u jkebbsu l-virtù; isaffu l-iġsma u jippurifikaw il-qlub; iġibu l-paċi lill-membri tal-ġisem u l-kwiet lill-moħħ; jibdlu s-sensi fi skejjel ta’ dixxiplina u kontroll; iwasslu l-qalb tal-bniedem biex issir tempju ta’ Alla. Permezz tagħhom il-bniedem jidher bħall-anġli, u jwasslulu l-ġieħ mingħand Alla.

Għalhekk, ħuti, jekk aħna nixtiequ li jkollna sehem mill-merti tal-qaddisin kollha, ejjew nipperseveraw fit-talb, insibu l-ħin biex insumu, u nkunu attenti għall-ħniena. In-nisrani – li huwa mlibbes l-armatura tal-Mulej, li għadda ħajtu fil-prattika ta’ dawn u ssaħħaħ permezz tagħhom – mhux se jibża’ mil-lanez tad-dnub, mill-armi tax-xitan, mill-makakkerija tad-dinja, mill-ifilsa tal-vizzji, mill-ħażen tal-ġisem, min-nasses tal-pjaċiri jew mill-armi tal-mewt.

Ejjew ninġabru kull filgħodu u nitolbu, jekk mhux immexxijin mill-imħabba, almenu mmexxijin mix-xewqa li neħilsu mill-ħażen. Jekk nitraskuraw lil Alla, niġbdu fuqna żminijiet koroh. Għalhekk ejjew niksbu lura permezz tas-sawm dak li tilfna minħabba t-traskuraġni tagħna. Ejjew noffru rwieħna permezz tas-sawm, għax m’hemm xejn aqwa x’nistgħu nagħtu lil Alla. Imma biex nagħmlu dawn it-tnejn sbieħ, ejjew ma noqgħodux lura milli nuru l-ħniena. Is-sawm ma jagħmlix frott jekk ma jkunx imsoqqi bil-ħniena. Jekk il-ħniena tixxotta, is-sawm ibati n-nixfa, għax il-ħniena hija għas-sawm dak li x-xita hija għall-art.

Mill-kitbiet ta’ San Pietru Krisologu:

Dwar il-frażi ‘Jitqaddes Ismek’ fit-talba tal-Missierna: “Nitolbu ‘l Alla biex jitqaddes Ismu għax bil-qdusija jsalva u jqaddes il-ħolqien kollu … Hu Ismu li jagħti s-salvazzjoni lid-dinja li ntilfet, iżda aħna nitolbu li dan l-Isem ta’ Alla jkun imqaddes fina b’ħajjitna. Għaliex jekk ngħixu ħajja tajba, l-Isem ta’ Alla jkun imbierek” (minn Omelija 71).

Dwar l-Inkarnazzjoni: “Meta kien għadu ma twelidx bħala bniedem, mit-tajn mhux mittiefes Alla sawwar il-bniedem; meta twieled bħala bniedem sawwar il-ġisem tiegħu ta’ bniedem minn ġisem mhux mittiefes. Dak li għoġbu jieħu ftit tajn f’idu biex jagħmel il-bniedem, għoġbu wkoll jieħu ġisem għas-salvazzjoni tagħna … Ħa n-natura tagħna l-bnedmin biex il-bniedem ma jiġġarrafx aktar; hu li ħalaq il-bniedem tal-art, ried jagħmlu wkoll bniedem tas-sema” (minn Omelija 148).

Dwar id-dinja: Alla ra d-dinja mqallba minħabba l-biża’, u minnufih beda jaħdem biex jerġa’ jsejjħilha bl-imħabba jistedinha bil-grazzja, jżommha miegħu bl-għożża, u jħaddanha ma’ qalbu.

Talba: O Alla, int għażilt lill-isqof San Pietru Krisologu biex b’qawwa kbira jxandar il-misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Verb tiegħek; bit-talb tiegħu, agħtina li nimmeditaw bla heda l-misteri tas-salvazzjoni u bl-għemil nagħtu xhieda tal-fidi tagħna fihom. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-peter-chrysologus-546

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-peter-chrysologus/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Peter_Chrysologus

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb huwa artiklu tas-Soċjetà Patristika Maltija (traduzzjoni ta’ Dun Jonathan Farrugia).

Advertisements