31 ta’ Lulju: San Injazju ta’ Loyola

Verżjoni Vidjo: San Injazju ta’ Loyola

“Jekk wieħed għandu d-don tal-kelma, jinqeda bih qisu kliem ta’ Alla; jekk wieħed għandu d-don tal-ministeru, iħaddmu qisu bis-setgħa li qiegħed jagħtih Alla, biex f’kollox ikun imsebbaħ Alla permezz ta’ Ġesù Kristu. Fuq kollox, ikollkom imħabba qawwija lejn xulxin”. ~ Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Injazju ta’ Loyola (1 Pietre 4:11. 8a).

St_Ignatius_of_Loyola_(1491-1556)_Founder_of_the_Jesuits.jpgSAN INJAZJU TA’ LOYOLA
Saċerdot
1491 – 1556

Tagħrif: San Injazju twieled fil-kastell ta’ Loyola f’Azpeitia, Spanja, fl-1491, minn familja nobbli. Kien l-iżgħar fost tużżana tfal, u tawh l-isem ta’ Inigo li hu stess bidel f’Injazju f’madwar l-1540.

Beda jaħdem bħala paġġ fil-qorti tar-Re Ferdinandu V, u mbagħad daħal suldat u sar Kaptan fl-armata tal-Viċire ta’ Navarra.

Fl-1521, fil-battalja ta’ Pamplona kontra l-Franċiżi, balla ta’ kanun qasmitlu l-qasba ta’ siequ l-leminija u fetħitlu beraħ il-pexxun ta’ siequ l-oħra. Midrub kif kien, bagħtuh lura fil-kastell tal-familja tiegħu ta’ Loyola biex ifieq.

Meta kien qed jirkupra ġew żewġ kotba f’idejh: “Il-Ħajja ta’ Ġesù” u “Il-Ħajja tal-Qaddisin”. Tant laqtuh li ddeċieda li jagħti ħajtu lil Ġesù, u jaħdem “għall-ikbar glorja t’Alla”, kliem li kellu jsir il-motto tas-Soċjeta’.

Meta fieq għamel pellegrinaġġ lis-Santwarju tal-Madonna f’Montserrat. Is-sentejn ta’ wara għaddiehom f’Manresa. Kien f’dawn is-sentejn ta’ talb u ġabra li hu beda jikteb il-ktieb famuż tiegħu “L-Eżerċizzi Spiritwali”.

Fl-1523 telaq minn Manresa u mar jagħmel pellegrinaġġ għall-Art Imqaddsa. Meta reġa’ lura Spanja fl-1524, ra li mingħajr edukazzjoni soda ma setax iwettaq il-missjoni tiegħu, u telaq lejn Barċellona biex jibda jistudja l-Latin.

Fl-1528, mar l-Universita’ ta’ Pariġi. Hawnhekk iltaqa’ u sar ħabib kbir ma’ sitt studenti li wieħed minnhom kien San Franġisk Saverju (ara San Franġisk Saverju), u ieħor San Pietru Faber.

Fl-1534, San Injazju u sħabu għamlu l-vot tal-kastita’ u tal-poverta’ fil-kappella ta’ Montmartre, u wegħdu li jmorru jippriedkaw il-Vanġelu fil-Palestina u joffru s-servizzi tagħhom dirett lill-Papa Pawlu III. Hekk twaqqfet is-Soċjeta’ ta’ Ġesù, jew il-Ġiżwiti kif huma magħrufin illum.

Fl-1537, San Injazju u l-kumpanni tiegħu li issa kienu saru disgħa, marru Venezja u ġew ordnati saċerdoti. Billi ma setgħux imorru l-Art Imqaddsa, marru Ruma u offrew lilhom infushom lill-Papa Pawlu III. Hekk l-Ordni ġie uffiċjalment imwaqqaf fl-1540.

Fl-1541, San Injazju ġie magħżul biex ikun l-ewwel Superjur Ġenerali, u għadda l-kumplament ta’ ħajtu f’Ruma, imexxi s-Soċjeta’ ta’ Ġesù. Miet f’Ruma, fil-31 ta’ Lulju 1556. Kien ikkanonizzat fl-1622.

Aktar dettalji
Meta Injazju beda jaqra l-Ħajja ta’ Kristu u volum b’ħajjiet ta’ qaddisin, infetħet dinja ġdida quddiemu u ra l-vojt tal-ambizzjoni tad-dinja. Dehra mill-Madonna bil-Bambin għamlitlu kuraġġ kbir. Injazju għamel vot tal-kastità, mar fil-knisja tal-Madonna ta’ Montserrat, għamel qrara ġenerali u wara lejl talb ta l-armatura tiegħu ta’ kavallier lil wieħed tallab. Huwa għadda 11-il xahar f’Manresa jgħin fi sptar, jagħmel penitenza, isofri minn skrupli, iħoss konsolazzjonijiet, jitlob u jikteb l-Eżerċizzi Spiritwali.

Ħsieb: Qari mill-Atti ta’ Ludoviku Consalvo, kif ġabarhom minn fomm San Injazju bit-titlu ‘L-ispirti stħarrġuhom, ħa taraw ikunux ġejja minn Alla’:

“Injazju kien iħobb ħafna jaqra kotba mimlijin frugħat u kliem b’ieħor fuq il-ġrajjiet ta’ nies kbar u magħrufa. Meta ħass ruħu tajjeb, talab biex iġibulu minn dawn il-kotba biex iqatta’ ż-żmien. Billi f’dik id-dar ma kienx hemm kotba minn dawn, tawh tnejn li kien jisimhom wieħed “Il-ħajja ta’ Kristu” u l-ieħor “Ward il-qaddisin”, it-tnejn bl-Ispanjol.

Meta beda jaqra dawn il-kotba ħass fih ġibda kbira għal dak kollu li kien hemm miktub fihom, iżda xi kultant kien idawwar ħsibijietu minn dak li kien jaqra f’dawn il-kotba għal dak li kien jaqra fl-imgħoddi, u xi kultant ukoll ħsibijietu kienu jieqfu fuq il-ħafna frugħat u kliem b’ieħor li qabel kienu tant jiġbduh.

Imma mbagħad Alla, fil-ħniena tiegħu, flok dawn il-ħsibijiet fiergħa, permezz tal-kotba li kien qiegħed jaqra, kien iġiblu f’moħħu ħsibijiet oħra. Meta kien jaqra l-ħajja ta’ Kristu Sidna jew dik tal-qaddisin, kien jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu: “Min jaf, kieku nagħmel dak li kien jagħmel San Franġisk? Jew dak li kien jagħmel San Duminku?” Kien jaħseb ħafna fuq hekk, iżda wara li kien idum jaħseb mhux ħażin fuq dawn il-ħwejjeġ kienet tinqala’ xi ħaġa li treġġgħu lura għall-ħsibijiet fiergħa ta’ l-imgħoddi u fuqhom kien jaħseb ukoll fit-tul. Dam ħafna żmien għaddej f’din il-ħajja, b’ħafna ħsibijiet kontra xulxin ġejjin f’moħħu wieħed wara l-ieħor.

F’dan it-taqlib kollu ta’ ħsibijiet, fl-aħħar beda jintebaħ li kull darba li kien ikollu ħsibijiet tad-dinja, kien, iva, iħoss hena kbir, iżda mbagħad meta kien jegħja jaħseb, kien iħoss ruħu vojta u mdejjqa. Intebaħ ukoll li meta kien jaħseb fuq it-tgħakkis li kienu jagħmlu l-qaddisin, mhux biss kien iħoss hena f’ruħu waqt li jaħseb fuqhom, imma l-hena kien jibqa’ wkoll f’ruħu meta kien jieqaf jaħseb. Hu ma għarafx mill-ewwel din id-differenza u għalhekk ma rax is-siwi tagħha, iżda mbagħad, meta fetaħ għajnejn ruħu, stagħġeb biha, u, mill-istess esperjenza tiegħu, għaraf li l-ħsibijiet tad-dinja, meta jgħaddu, kienu jħalluh imdejjaq, waqt li ħsibijiet tas-sema kienu jagħmluh hieni. Din kienet l-ewwel konklużjoni li għaliha wasal dwar il-ħwejjeġ ta’ Alla. Wara li għamel l-eżerċizzi spiritwali, din l-esperjenza għamel użu minnha biex jgħallem lid-dixxipli tiegħu id-dixxerniment tal-ispirti”.

Sant’Injazju u xi ħbieb tiegħu kienu qed jivjaġġaw. Kellhom pjan li wara ċerta distanza jieqfu biex jitolbu flimkien. Għal tul il-vjaġġ tagħhom krew wieħed biex iġorrilhom il-bagalji. Dan ir-raġel li krew kien josserva dan il-waqfien ġurnata wara l-oħra biex jitolbu. Fl-istess ħin osserva l-impatt ta’ dan il-mumenti ta’ talb fuq dan il-grupp u fl-aħħar beda jixtieq li jitlob magħhom. Meta Injazju ġie infurmat bix-xewqa tal-kerrej, stiednu biex jingħaqad magħhom. Fl-istess ħin Injazju, ra li x-xewqa tal-kerrej, li ġurnata wara l-oħra kien jitlob magħhom, kienet minnha nnifisha talba stupenda.

  • U jien kemm ngħaddi ħin fit-talb, tul il-vjaġġ ta’ ħajti?
  • Kemm-il darba nieqaf biex nitlob? F’ġurnata? F’ġimgħa? F’xahar? F’sena?

Fil-ħajja nsibu ruħna f’ċirkostanzi, fejn il-ħsibijiet huma talba. Għandna mumenti, huma x’inhuma l-attitudni ta’ ġisimna, fejn ir-ruħ tkun għarkupptejha titlob.

Għal informazzjoni dwar il-Ġiżwiti f’Malta:
https://jesuit.org.mt/jesuits-in-malta/
http://thechurchinmalta.org/mt/posts/1922/the-jesuits-s-j
https://www.youtube.com/watch?v=GloI-yRJjzc
https://www.youtube.com/watch?v=bk0-CsDQXIM

Talba: Ilqa’, Mulej, u ħu l-libertà tiegħi kollha, il-memorja, il-fehma, u r-rieda kollha tiegħi. Kull ma għandi, int tajtuli, u għalhekk jiena nerġa’ rroddulek u nħallih f’idejk kollu kemm hu biex tmexxini skont ir-rieda mqaddsa tiegħek. Agħtini biss imħabbtek u l-grazzja tiegħek. B’dawn biss, inkun għani biżżejjed u xejn aktar ma nkun neħtieġ. Ammen. (Talba ta’ San Injazju ta’ Loyola)

O Alla, int bgħatt fil-Knisja tiegħek lil San Injazju ta’ Loyola biex jaħdem għat-tixrid ta’ l-akbar glorja ta’ Ismek; agħmel li jkollna l-għajnuna tiegħu u nħabirku bħalu fuq l-art, ħalli niksbu miegħu l-premju fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/st-ignatius-of-loyola-confessor.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-ignatius-of-loyola/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Ignatius_of_Loyola

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements