13 ta’ Awwissu: San Ponzjanu u San Ippolitu

Verżjoni Vidjo: San Ponzjanu u San Ippolitu

“Jekk ngħidu li m’għandniex dnub, nkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina. Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen. Jekk ngħidu li ma dnibniex, nkunu qegħdin ingiddbuh, u kelmtu ma tkunx fina.” – 1Ġwanni 1:8-10.

7d76a50f42c993f6b70d5efb1160b5f3SAN PONZJANU (Papa u Martri)

SAN IPPOLITU (Saċerdot u Martri) ? – 235

Tagħrif: San Ponzjanu sar Papa fis-sena 230. Sentejn wara, sejjaħ sinodu f’Ruma li kkonferma l-kundanna tat-teologu kbir Oriġene ta’ Lixandra (185 – 253).

Fis-sena 235, fil-persekuzzjoni tal-Imperatur Ruman, Massiminu, Ponzjanu kien eżiljat f’Sardinja biex jaħdem fil-minjieri. Hemm iltaqa’ ma’ San Ippolitu li hu wkoll kien eżiljat mill-istess Imperatur. It-tnejn mietu minħabba t-tbatija li sofrew. San Ponzjanu kien ilu Papa ħames snin, u San Ippolitu kien ilu Antipapa tmintax-il sena. It-tnejn mietu fil-paċi ma’ xulxin. Ippolitu kien irreżenja minn Antipapa, u Ponzjanu rriżenja minn Papa biex jilħaq ieħor floku.

San Ippolitu twieled għall-ħabta tas-sena 170. Kien ġa qassis magħruf meta fis-sena 202 Oriġene semgħu jipprietka, f’Ruma. X’aktarx li kien dixxiplu ta’ San Irinew u ta’ San Klement minn Lixandra. Kien wieħed mill-aqwa teoloġi tal-Knisja fit-tielet seklu, u ħadem bis-sħiħ kontra l-ereżija ta’ żmienu. Kien tant imħeġġeġ li saħansitra akkuża lill-Papa San Żeferinu li ma kienx pront biżżejjed biex jintebaħ bl-ereżija u jikkundannaha. Hekk ukoll reġa’ għamel mal-Papa San Kallistu li kien tela’ wara San Żeferinu, anzi din id-darba ħalla lilu nnifsu jiġi elett l-ewwel Antipapa mill-grupp li kellu madwaru. Baqa’ Antipapa wkoll fi żmien San Urbanu u San Ponzjanu suċċessuri ta’ San Kallistu.

Uħud mill-opri tal-kitba tiegħu huma “It-Tradizzjoni Appostolika,” “Rifjutazzjoni tal-Ereżijiet kollha,” u “Philosophoumena.”

Ippolitu rrekonċilja mal-Knisja permezz tal-Papa Ponzjanu, forsi ftit qabel ma t-tnejn kienu eżiljati f’Sardinja. L-iġsma tagħhom ġabuhom Ruma u difnuhom bl-unuri kollha ta’ martri. Lil Ponzjanu difnuh fiċ-ċimiterju ta’ Kallistu, u lil Ippolitu fiċ-ċimiterju ta’ Ċirijaka fit-triq Tiburtina, fejn l-ammiraturi tiegħu għamlulu statwa li llum tinsab fil-Librerija Vatikana.

Ħsieb: San Ippolitu kien difensur qawwi tal-Ortodossija, u ammetta l-eċċessi tiegħu permezz tar-rikonċiljazzjoni umli tiegħu. Huwa ma kienx eretiku formali, iżda dixxiplinarju żejjed. Dak li ma setax jitgħallem fil-qalba tiegħu bħala riformatur pur, huwa tgħallem fl-uġigħ u d-deżolazzjoni tal-priġunerija. Kien avveniment simboliku adattat li l-Papa San Ponzjanu qasam miegħu fil-martirju.

Jista’ jiġrilna li minħabba entużjażmu żejjed (jew injoranza!) nagħmlu lilna nfusna nsara iktar mill-istess Papa, jew qaddisin iktar mill-Knisja stess. Naħsbu li kulħadd hu żbaljat u aħna biss għandna raġun (meta fir-realtà jkun il-kuntrarju). Hekk ġralu San Ippolitu. Jekk diżgrazzjatament jiġrilna xi ħaġa simili, jalla jkollna wkoll il-grazzja li kellu l-Qaddis, li nammettu l-iżball tagħna u nirrikonċiljaw bl-umiltà kollha.

Kemm hi meħtieġa din l-imbierka UMILTA’! Mingħajrha m’hemmx salvazzjoni għax biex wieħed jammetti li żbaljat jew midneb, dejjem jeħtieġlu jitgħannaq mal-umiltà! Imma din l-umiltà għadha moda fi żminijietna llum fejn id-dinja tipproponilna l-importanza ta’ x’naħseb u x’irrid ‘jien,’ anki jekk f’dan kollu tidher l-arroganza aktar milli l-umilta’ li n-nisrani tant jeħtieġ? Il-bniedem kemm għadu jfittex il-Verità b’umiltà?

Il-Papa Franġisku qal dan li ġej dwar l-umiltà nhar it-It-Tnejn, 8 ta’ April 2013:

“L-umiltà hija r-regola tad-deheb: għan-nisrani li tagħmel progress ifisser li titbaxxa. U huwa propju fuq it-triq tal-umiltà, magħżula minn Alla stess, li jgħaddu l-imħabba u l-karità. L-istorja kollha tal-fidi, hija magħmula minn umiltà u tkellem lilna lkoll dwar l-umiltà. Huwa hekk ukoll minħabba l-fatt storiku tat-twelid ta’ Ġesù. Jidher li Alla ried li kull ġrajja ssir bil-moħbi, li ma ssirx pubblika, li tkun bħallikieku miksija bid-dell tal-Ispirtu Santu. Hekk hu għaliex – żied – kollox isir fit-triq tal-umiltà. Alla, umli, jitbaxxa: jiġi għandna u jitbaxxa. U jkompli jitbaxxa sas-salib.

Fil-waqt tal-annunzjazzjoni wkoll Marija titbaxxa: ma tifhimx sewwa, imma hija libera: tifhem biss l-essenzjali. U tgħid ‘iva.’ Hija umli: ‘Issir ir-rieda ta’ Alla.’ Titlaq ruħha għar-rieda ta’ Alla. U Ġużeppi, l-għarus tagħha – ukoll hu jitbaxxa u jġorr fuqu nnifsu din ir-responsabiltà hekk kbira. Ġużeppi, jgħid ukoll ‘iva’ lill-anġlu meta, waqt li kien rieqed, qallu dik il-verità.

Propju l-istil ta’ Marija u ta’ Ġużeppi juri li l-imħabba kollha ta’ Alla, biex jasal għalina, jaqbad it-triq tal-umiltà. Alla umli li ried jimxi mal-poplu tiegħu. Nirreferi għall-ktieb tad-Dewteronomju meta Alla qal: ‘Jien ħriġtkom fid-deżert bħal ma missier joħroġ lil ibnu.’ Alla, umli u tant tajjeb. L’Alla paċenzjuż. Dan huwa differenti mill-atteġġjament tal-idoli; l-idoli huma qawwija, jinstemgħu: ‘hawn nikkmanda jien!’

Alla tagħna – għaliex huwa veru, għaliex mhux Alla taparsi, mhux Alla tal-injam, magħmul mill-bnedmin, huwa veru – jippreferixxi imur hekk, għal għonq it-triq tal-umiltà. Din l-imħabba kollha fuq din it-triq tal-umiltà. Li tkun umli ma jfissirx li tmur hekk fit-triq, b’għajnejk baxxi: le, le. L-umiltà hija dik ta’ Alla li jgħallimna, dik ta’ Marija, dik ta’ Ġużeppi. U l-umiltà hija dik ta’ Ġesù, li jispiċċa fuq is-salib. U din hija r-regola tad-deheb għan-nisrani: timxi ‘l quddiem, tavvanza u titbaxxa. Ma tistax tmur fi triq oħra. Jekk jien ma nitbaxxiex, jekk int ma titbaxxiex, m’intix nisrani. ‘Imma għaliex għandi nitbaxxa?’ Biex tħalli li l-karità kollha ta’ Alla tiġi f’din it-triq, hija l-unika li huwa għażel – ma għażilx triq oħra – li tispiċċa fuq is-salib. U mbagħad fit-trijonf tar-Resurrezzjoni. 

It-trijonf tan-nisrani jieħu din it-triq tat-tbaxxija. Inħarsu lejn Ġesù li jibda jitbaxxa f’dan il-misteru hekk sabiħ. Inħarsu lejn Marija, inħarsu lejn Ġużeppi. U nitolbu l-grazzja tal-umiltà. Imma din l-umiltà li hija t-triq li minnha bla ebda dubju tgħaddi l-karità. Meta Pawlu jgħidilna: ‘aħsbu li l-oħrajn huma aħjar minnkom, kultant huwa diffiċli li taħsbu.’ Imma Pawlu jaħseb dwar dan il-misteru, dwar din it-triq, għaliex hu fl-iktar qiegħ ta’ qalbu jaf li l-imħabba biss tgħaddi minn din it-triq tal-umiltà. Infatti jekk m’hemmx umiltà, l-imħabba tibqa’ imblukkata. Ma tkunx tista’ tkompli timxi. Nitolbu, mela, il-grazzja tal-umiltà lill-Madonna, lil San Ġużepp u lil Ġesù.”

  • U int tammetti żball bħal ma għamel San Ippolitu?
  • Tuża s-Sagrament tal-Qrar biex dan inaddfek u jsaħħek ħalli tipprova ma terġax taqa’ f’xi żball?
  • Kemm tiskuża ruħek u titlob maħfra fejn ikun hemm bżonn?

Talba: Is-sabar għażiż tal-qaddisin tiegħek, Mulej jagħtina l-għajnuna biex nikbru fi mħabbtek u biex nitwettqu dejjem iżjed fil-fidi mqaddsa. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-pontian-and-st-hippolytus-559

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saints-pontian-and-hippolytus/

Wikipedia about Pope Saint Pontian: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Pontian

Wikipedia about Saint Hippolytus: https://en.wikipedia.org/wiki/Hippolytus_of_Rome

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements

12 ta’ Awwissu: Beatu Innoċenz XI

Verżjoni Vidjo: Beatu Innoċenz XI

“Min jiekol ġismi u jixrob demmi, jibqa’ fija u jiena fih.” – Ġesù fi Ġwanni 6:56.

Innocent-XI-bBEATU INNOĊENZ XI
Papa
1611 – 1689

Tagħrif: Kien jismu Benedittu. Twieled f’Como fl-1611 u kien ġej mill-familja magħrufa Odescalchi. Wara li studja għand il-Ġiżwiti, minn mindu kellu 15-il sena, hu kien imħarreġ fil-bank tal-familja tiegħu f’Ġenova. Iżda wara sar avukat u sar magħruf għall-onestà, kuraġġ u mħabba kbira lejn il-foqra.

Wara li qabad il-karriera ekklesjastika, il-Papa Innoċenz X li kien iġibu ħafna minħabba l-kwalitajiet sbieħ fih għażlu kardinal meta kellu 33 sena, minkejja li kien għadu mhux saċerdot.

Ordna qassis u kien maħtur isqof ta’ Novara meta kellu 49 sena. Kien elett Papa fl-1676 meta kellu 65 sena. Qabel ma aċċetta li jkun Papa huwa talab li l-kardinali jiftehmu li jtemmu r-riforma tal-Konċilju ta’ Trentu, jiddefendu l-libertà tal-Knisja fil-kontroversja li kien hemm fil-Knisja ta’ Franza msejħa l-Gallikaniżmu u jipproteġu r-reliġjon Nisranija kontra t-Torok.

Il-Papa Innoċenz XI ikkundanna l-kwetiżmu ta’ Miguel de Molinos u ħeġġeġ għat-tqarbin spiss.

Dan il-Papa kkundanna 65 propożizzjoni laxki mxerrda minn xi moralisti. Hu ta direttiva lill-Ġeneral tal-Ġiżwiti biex iqanqal lill-universitajiet tal-ordni biex isostnu l-opinjonijiet l-aktar probabbli fit-teoloġija morali.

Il-Papa Innoċenz XI miet fit-12 ta’ Awwissu 1689, ta’ 78 sena, wara li kien ilu Papa 13-il sena. Papa Piju XII iddikjarah Beatu fl-1956.

Ħsieb: Innoċenz XI kien bniedem ta’ drawwiet sempliċi u ta’ natural ġeneruż, imma sod ħafna fil-ħidma tiegħu kontra l-ħażen u fejn jidħlu ambizzjonijiet jew stravaganzi ekklesjastiċi.

Meta miet dan il-Papa, il-poplu, speċjalment il-foqra li fih sabu veru missier, iffolla lejn il-kadavru tiegħu biex jagħtih l-aħħar tislima, u billi ħafna xtaqu jżommu xi biċċa mil-libsa tiegħu, kellha tiżdied il-gwardja miegħu mejjet.

Il-Papa Innoċenz XI tassew li ħeġġeġ għat-tqarbin ta’ spiss, anke ta’ kuljum, imma basta mhux biex wieħed jagħmel bħal ħaddieħor u basta wieħed joqgħod attent għat-tħejjija u l-qima lejn is-Sagrament. U aħna llum, kemm nagħtuh importanza lil dan is-Sagrament tat-Tqarbin? Kemm qed ninqdew bil-Qrar qabel nitqarbnu? Kemm qed ninbidlu f’Dak li nirċievu?

Il-Papa Franġisku, fl-Udjenza li għamel dwar it-Tqarbin nhar l-Erbgħa 21 ta’ Marzu 2018, qal dan li ġej:

“Wasalna biex nitkellmu fuq it-Tqarbin, jiġifieri biex aħna ningħaqdu ma’ Ġesù. Qed nirreferi għat-tqarbin sagramentali: mhux it-tqarbin spiritwali, li int tista’ tagħmlu mid-dar tiegħek billi tgħid: ‘Ġesù, nixtieq nirċevik spiritwalment.’ Le, it-tqarbin sagramentali, bil-ġisem u d-demm ta’ Kristu. Niċċelebraw l-Ewkaristija biex nitrejqu bi Kristu, li jagħtina lilu nnifsu kemm fil-Kelma u kemm fis-Sagrament tal-Altar, biex iwaħħadna miegħu. Dan jgħidu l-Mulej stess: ‘Min jiekol ġismi u jixrob demmi, jibqa’ fija u jiena fih’ (Ġwanni 6:56). Fil-fatt, il-ġest ta’ Ġesù li ta lid-dixxipli tiegħu Ġismu u Demmu fl-Aħħar Ċena, jissokta llum ukoll permezz tal-ministeru tas-saċerdot u tad-djaknu, ministri ordinarji tat-tqassim tal-Ħobż tal-ħajja u tal-Kalċi tas-salvazzjoni lill-aħwa.

Fil-Quddiesa, wara li jkun qasam il-Ħobż ikkonsagrat, jiġifieri l-ġisem ta’ Ġesù, is-saċerdot jurih lill-fidili, u jistedinhom jieħdu sehem fl-ikla Ewkaristika. Nafuhom il-kelmiet li jidwu minn fuq l-altar imqaddes: ‘Dan huwa l-Ħaruf ta’ Alla, dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja: henjin dawk li huma mistiedna għall-Ikla tal-Ħaruf.’ Imnebbħa minn silta mill-Apokalissi – ‘hienja dawk li kienu mistiedna għall-mejda tat-tieġ tal-Ħaruf’ (Apokalissi 19:9): jgħid ‘tieġ’ għax Ġesù hu l-għarus tal-Knisja – b’din l-istedina qed isejħilna biex ngħixu l-għaqda intima tagħna ma’ Kristu, għajn ta’ ferħ u ta’ qdusija.

Hi stedina li thenni u fl-istess ħin twassalna għall-eżami tal-kuxjenza għad-dawl tal-fidi. Jekk minn naħa, fil-fatt, naraw id-distanza li hemm tifridna mill-qdusija ta’ Kristu, mill-oħra nemmnu li d-Demm tiegħu hu ‘mxerred għall-maħfra tad-dnubiet.’ Ilkoll kemm aħna ġejna maħfura fil-Magħmudija, u lkoll kemm aħna maħfura u se niġu maħfura kull darba li nersqu lejn is-Sagrament tal-Penitenza. U tinsewx: Ġesù dejjem jaħfer. Ġesù ma jegħja qatt jaħfer. Aħna li negħjew nitolbu maħfra.

Meta jaħseb sewwasew fuq il-valur salfiviku ta’ dan id-Demm, Sant’Ambroġ jesklama: ‘Jien li dejjem nidneb, irrid dejjem nagħmel użu mill-mediċina’ (De sacramentis, 4, 28: PL 16, 446A). B’din l-istess fidi, aħna wkoll indawru ħarsitna fuq il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja u nsejħulu: ‘Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi: imma għid kelma waħda u ruħi tkun imfejqa.’ Dan ngħiduh f’kull Quddiesa.

Jekk aħna niċċaqilqu minn postna biex nersqu għat-Tqarbin, aħna nimxu lejn l-altar f’purċissjoni biex nitqarbnu, fir-realtà hu Kristu li jiġi jiltaqa’ magħna biex iwaħħadna miegħu. Hemm laqgħa ma’ Ġesù! Li nitrejqu bl-Ewkaristija jfisser li ninbidlu f’dak li nirċievu. Dan jgħinna nifhmuh Santu Wistin, meta jirrakkonta fuq id-dawl li rċieva meta sema’ lil Kristu jgħidlu: ‘Jiena l-ikel tal-kbar: ikber, u tibda tiekol lili, mhux biex tibdel lili fik, bħall-ikel tal-ġisem, iżda biex int tinbidel fija’ (L-Istqarrijiet VII, 10, 16: PL 32, 742).

Kull darba li aħna nitqarbnu, insiru nixbhu iktar lil Ġesù, ninbidlu iżjed f’Ġesù. Kif il-ħobż u l-inbid jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, hekk dawk li jirċevuhom bil-fidi jinbidlu f’Ewkaristija ħajja. Lis-saċerdot li, hu u jqarbnek, jgħidlek: ‘Il-Ġisem ta’ Kristu,’ int twieġbu: ‘Ammen,’ jiġifieri tagħraf il-grazzja u l-impenn li jitlob li ssir Ġisem ta’ Kristu. Għax meta int tirċievi l-Ewkaristija, int issir Ġisem ta’ Kristu. Kemm hi ħaġa sabiħa din; hi sabiħa ħafna. Waqt li jgħaqqadna ma’ Kristu, u jneżżagħna mill-egoiżmi tagħna, it-Tqarbin jiftħilna qalbna u jgħaqqadna ma’ dawk kollha li huma ħaġa waħda miegħu. Dan hu l-għaġeb kbir tat-Tqarbin: insiru dak li nirċievu!

Il-Knisja tixtieq tassew li anki l-fidili jirċievu l-Ġisem ta’ Kristu b’ostji kkonsagrati fl-istess Quddiesa; u s-sinjal tal-mejda Ewkaristika joħroġ b’mod iżjed sħiħ jekk it-Tqarbin imqaddes isir biż-żewġ speċi, imqar jekk nafu li t-tagħlim Kattoliku jgħidilna li taħt speċi waħda nkunu diġà qed nirċievu lil Kristu sħiħ (ara Ordni ġenerali tal-Missal Ruman, 85; 281-282). Skont il-prassi ekkleżjali, il-fidili normalment jersqu lejn l-Ewkaristija f’forma proċessjonali, kif semmejna, u jitqarbnu bilwieqfa b’devozzjoni, inkella għarkupptejhom, kif stabbilit mill-Konferenza Episkopali, u jirċievu dan is-sagrament fuq l-ilsien jew, fejn hu permess, fuq l-id, kif jippreferu (ara OGMR, 160-161). Wara t-Tqarbin, biex ngħożżu fil-qalb tagħna d-don li rċivejna, jista’ jgħinna s-skiet, it-talb fis-skiet. Ikun ta’ għajnuna kbira jekk intawlu xi ftit dan il-mument ta’ skiet, fejn noqogħdu nitkellmu ma’ Ġesù fil-qalb tagħna, kif ukoll jekk inkantaw xi salm jew innu ta’ tifħir (ara OGMR, 88) li jgħinna noqogħdu mal-Mulej.

Il-Liturġija tal-Ewkaristija tagħlaq bit-Talba wara t-Tqarbin. Fiha, f’isem kulħadd, is-saċerdot idur lejn Alla biex iroddlu ħajr li tana sehem miegħu fl-istess mejda u jitolbu li dak li rċivejna jibdel lil ħajjitna. L-Ewkaristija tagħtina s-saħħa biex nagħtu frott ta’ opri tajba ħalli ngħixu ta’ Nsara. Fiha tifsira qawwija t-talba tal-lum, li fiha nitolbu lill-Mulej li ‘l-misteri qaddisa li rċivejna jkunu għalina duwa tas-sema, biex ifejqu lill-qlub tagħna mill-ġibdiet ħżiena, u jwettquna u jħarsuna dejjem’ (Missal Ruman, l-Erbgħa wara l-V Ħadd tar-Randan). Ejjew nersqu lejn l-Ewkaristija: nirċievu lil Ġesù li jibdilna fih, isaħħaħna iżjed. Kemm hu twajjeb u kbir il-Mulej!”

  • U int, qed qed tħejji ruħek sew biex titqarben b’safa, devozzjoni u gratitudni?

Talba: Mulej, Inti tajtna fil-Beatu Papa Innoċenz XI missier ħanin li jieħu ħsieb il-merħla b’impenn u ġenerożità qaddisa, l-aktar lejn il-foqra, u b’karattru sod ħafna fejn kienet tidħol il-ħidma tiegħu kontra l-ħażen; agħtina li b’talbu aħna naħarbu kull okkażjoni ta’ ħażen u nissaħħu dejjem iżjed bl-Ikel tas-Sema fis-Sagrament tal-Ewkaristija. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/blessed-pope-innocent-xi-330

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/blessed-pope-innocent-xi/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Innocent_XI

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

11 ta’ Awwissu: Santa Klara

Verżjoni Vidjo: Santa Klara

“Qegħdin jinfnew ġismi u qalbi: Alla l-qawwa ta’ qalbi u sehmi għal dejjem. Jiena ngħodd kollox bħala telf, biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Santa Klara (Salm 72(73):26; Filippin 3:8b).

sveta_klara1SANTA KLARA
Verġni
1193 – 1253

Tagħrif: Santa Klara twieldet f’Assisi, l-Italja, fl-1193. Meta kellha 18-il sena, semgħet lil San Franġisk jagħmel l-eżerċizzi tar-Randan. Il-prietki tiegħu ħassithom jolqtuha u jispirawha, u xtaqet tgħix ħajjitha skont il-Vanġelu, bħalu.

San Franġisk approva r-riżoluzzjoni tagħha. F’Ħadd il-Palm tal-1212, Klara flimkien ma’ waħda ħabiba tagħha telqet mid-dar bil-moħbi għax niesha ma kinux jaqblu magħha, u marret il-Porzjunkola, kilometru u nofs bogħod mill-belt, fejn San Franġisk kien jgħix ma’ sħabu.

San Franġisk laqagħha fil-kappella żgħira tal-Madonna u għamel ċerimonja qasira li fiha hu qatgħalha xagħarha u taha libsa griża, b’sinjal li hi kienet qed tħalli l-ħajja lussuża li kienet trabbiet fiha, u kienet ser tħaddan ħajja ta’ faqar u talb, maqtugħa mid-dinja. Minn dak il-waqt hi marret tgħix f’monasteru tas-Sorijiet Benedittini, f’Bastia, post żgħir fil-qrib. Wara ftit ġranet, marret f’monasteru ieħor tal-istess sorijiet.

Il-ġenituri tagħha mhux biss ma rnexxilhomx jibdlulha fehmitha, imma talli oħtha Anjeże ngħaqdet magħha.

Fl-1215, Klara marret tgħix f’dar qrib il-knisja ta’ San Damjan li San Franġisk kien irrestawra. Magħha marru oħrajn. San Franġisk għażilha biex tkun il-Badessa ta’ din il-Kongregazzjoni. Baqgħet f’din id-dar (monasteru) sakemm mietet. Ommha, wara l-mewt ta’ żewġha, u oħtha Beatrice, ingħaqdu magħha wkoll. Dan huwa kkunsidrat bħala l-bidu tal-Klarissi. F’qasir żmien, din il-Kongregazzjoni xterdet f’bosta monasteri oħra fl-Italja, fi Franza, u fil-Ġermanja.

Il-Klarissi addottaw ħajja iebsa ta’ povertà , silenzju u awsterità. Ma kinux jippossiedu propjetà. Kienu jgħixu bil-kontribuzzjonijiet. Fl-1228, il-Papa Girgor IX tahom il-Privilegium Paupertatis, li ma jkunu jippossiedu l-ebda propjetà. Mhux biss l-individwi iżda lanqas il-komunitajiet.

Santa Klara baqgħet Superjura għal erbgħin sena. Mietet fil-monasteru ta’ San Damjan fil-11 ta’ Awwissu, 1253. Il-Papa Alessandru IV, fl-1255, sentejn biss wara mewtha, iddikjaraha Qaddisa. Il-ġisem tagħha jinsab meqjum fil-bażilika ddedikata lilha, fil-belt t’Assisi, fejn qabel kien hemm il-knisja ta’ San Ġorġ. Il-Papa Piju XII ħatar lil Santa Klara patruna tat-televiżjoni fl-14 ta’ Frar, 1958.

Anke oħtha Anjeże (ara Santa Anjeże ta’ Assisi) hija meqjuma bħala Qaddisa. Interessanti l-ittri li Santa Klara kitbet lil Santa Anjeże ta’ Praga (ara Santa Anjeże ta’ Praga) dwar l-osservanza tal-vot tal-faqar.

Ħsieb: Qari minn Ittra ta’ Santa Kjara, verġni, lil Santa Anjeże ta’ Praga bit-titlu ‘Ħares lejn il-faqar, l-umiltà u l-imħabba ta’ Kristu’:

“Hieni tassew il-bniedem li jingħatalu sehem mill-mejda mqaddsa, sabiex jingħaqad b’qalbu kollha ma’ Kristu, ma’ dak li bi ġmielu jgħaġġeb bla heda lill-qtajja kollha tal-qaddisin fis-sema, dak li jqanqal il-qlub bi mħabbtu u jġedded lil min iżomm ħarstu fuqu, jimla ‘l kulħadd bit-tjubija u l-ħlewwa tiegħu, u jsawwab dawl ħelu fuq min jiftakar fih, dak li bil-fwieħa ħelwa tiegħu l-mejtin jerġgħu jqumu għall-ħajja u bid-dehra glorjuża tiegħu jhenni l-ulied kollha ta’ Ġerusalemm tas-sema. Għax din id-dehra hi dija tas-sebħ ta’ dejjem, raġġ mid-dawl ta’ dejjem u mera bla nikta.

Ħares kuljum lejn din il-mera, o Sultana, għarusa ta’ Ġesù Kristu, ara dejjem wiċċek fiha, biex tiżżejjen kollok kemm int minn ġewwa u minn barra, kollok mogħnija bil-ġmiel li jsebbħek bil-ward u l-ilbiesi ta’ kull virtù, kif jixraq lil bint u għarusa l-iżjed safja tas-Sultan il-kbir. Din il-mera għandha turik ix-xbieha tal-faqar imbierek, tal-umiltà mqaddsa u tal-imħabba tal-għaġeb; u hekk, bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla, tkun tista’ tħares lejk innifsek fil-mera kollha.

Ħares lejn in-naħa ta’ fuq ta’ din il-mera, u ara l-faqar ta’ dak li kien imfisqi u mqiegħed fuq maxtura. X’umiltà, x’faqar tal-għaġeb! Is-sultan tal-anġli u Sid is-sema u l-art, mimdud fuq maxtura!

Ħares lejn in-naħa tan-nofs, u ara l-umiltà, jew għallinqas il-faqar imqaddes, it-taħbit bla qjies u t-tbatijiet li Kristu ġarrab biex jifdi l-bnedmin.

Ħares imbagħad lejn in-naħa t’isfel ta’ din il-mera, u ara l-imħabba bla tarf li biha Kristu għoġbu jilqa’ s-salib u jieħu mewt l-aktar mistkerrha.

Din il-mera, jiġifieri Kristu, minn fuq is-salib fejn kien imdendel kellem lil dawk li kienu għaddejjin minn quddiemu, u wissiehom biex jaħsbu fuq dawn il-ħwejjeġ kollha. Hu qalilhom: Intom ilkoll li għaddejjin mit-triq, ħarsu u araw jekk hemmx niket bħan-niket tiegħi. Inwieġbu b’leħen wieħed u ruħ waħda għall-għaJjat u t-tnehid tiegħu, u ngħidu: ‘Taħseb u tiftakar ruħi, u tinfena ġewwa fija. Mela tħeġġeġ dejjem iżjed bin-nar tal-imħabba, o Sultana tas-Sultan tas-sema.’

Ġib ukoll quddiem għajnejk b’liema għaxqa tal-għaġeb, b’liema għana u ġieħ jista’ jimliEk għal dejjem, u x-xewqat u l-imħabba kbira ta’ qalbek iġġagħlek titniehed u tgħid: ‘Iġbidni warajk, ejja niġru wara r-riħa tgħaxxaq tal-fwieħat tiegħek, Għarus tiegħi tas-sema. Ma negħjiex niġri, sa ma ddaħħalni għax-xorb ħelu tiegħek, inserraħ rasi fuq driegħek tax-xellug, tgħannaqni bil-leminija tiegħek, u l-bewsa ta’ fommok timlieni bil-hena.’ Int u taħseb f’dan kollu, ftakar ukoll fl-omm imsejkna tiegħek, għax taf li jiena nqaxt għal dejjem it-tifkira ħelwa tiegħek f’qalbi, għax lilek ngħożżok fuq kulħadd.”

L-erba’ ittri li Santa Klara ta’ Assisi kitbet lil Santa Anjeże ta’ Praga huma dawn:

1. L-Ewwel Ittra.
2. It-Tieni Ittra.
3. It-Tielet Ittra.
4. Ir-Raba’ Ittra.

U hawn ma nistgħux ma nagħmlux aċċenn għall-preżenza tal-Klarissi fil-gżejjer tagħna, f’San Ġiljan: https://www.facebook.com/sorijietklarissi/ u f’Victoria, Għawdex: https://www.facebook.com/klarissi.gozo

Din playlist ta’ vidjows dwar il-Klarissi fi gżiritna: https://www.youtube.com/watch?v=nbJKqIBiA3A&list=PLPAbF-_bN4rgrthXAFi36sA4BqjreMNCh&index=2&t=0s

“Aħna nsiru f’dak li nħobbu, u dak li nħobbu isawwarna f’dak li ser insiru. Jekk inħobbu l-oġġetti, insiru oġġett. Jekk ma nħobbu xejn, ma nsiru xejn. L-imitazzjoni m’għandhiex tkun li litteralment tagħmel bħal Kristu, pjuttost tfisser li ssir fi xbieha ta’ dak il-maħbub, xbieha li tingħaraf mill-bidla. Dan ifisser li aħna nsiru ġarar tal-imħabba ħanina ta’ Alla għall-oħrajn.” ~ Santa Klara

  • Qatt ħsibt kemm irid ikollok flus biex tgħix ħajja kuntenta?
  • Qatt xtaqt li jkollok flus iktar milli għandek?

Santa Klara (u San Franġisk ta’ Assisi u ruxxmata Qaddisin oħra) ħalliet kollox, lanqas ċenteżmu wieħed biss ma żammet għaliha, u qatt ma ħabblet rasha biex ikollha. Safrattant ma setgħetx tkun iktar kuntenta milli kienet. Qalbha kienet mimlija b’Alla.

  • Qalbek kemm hi mimlija b’Alla?

Talba: Fil-ħniena tiegħek, o Alla, inti mlejt lil Santa Kjara bl-imħabba għall-faqar; bit-talb tagħha, agħtina li nimxu wara Kristu fl-ispirtu tal-faqar, biex narawk wiċċ imb’ wiċċ fis-saltna tas-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2018/08/saint-clare-of-assisi.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-clare-of-assisi/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Clare_of_Assisi

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

10 ta’ Awwissu: San Lawrenz

Verżjoni Vidjo: San Lawrenz

“Lawrenz għajjat u qal: ‘Jiena nqim lil Alla tiegħi, u naqdi lilu waħdu; ma nibżax mill-moħqrija tiegħek. Alla tiegħi hu l-għajnuna tiegħi: jien nittama fih.'” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Lawrenz (Salm 17(18):3b).

St Lawrence 2SAN LAWRENZ
Djaknu u Martri
? – 258

Tagħrif: Il-kelma “Djaknu” tfisser “Qaddej.”

Wara l-appostli San Pietru u San Pawl, San Lawrenz l-aktar martri Ruman magħruf ta’ Ruma. Ma għandniex wisq dettalji ċerti fuqu ħlief li kien djaknu tal-Knisja ta’ Ruma. Jingħad li hu kien minn Huesca t’Aragona (Spanja) u ħadu miegħu Ruma l-arċidjaknu Sistu meta dan kien għaddej fuq qadja minn Huesca t’Aragona.

Meta aktar tard Sistu sar papa bl-isem ta’ Sistu II, fil-257 għażel lil Lawrenz bħala djaknu, u għalkemm kien għadu żagħżugħ, qiegħdu l-ewwel wieħed mis-seba’ djakni li kienu jservu lill-Knisja ta’ Ruma.

Fis-6 ta’ Awwissu, 258 il-Papa Sistu, waqt li kien fiċ-ċimiterju ta’ San Kallistu ma’ xi djakni tiegħu, ġie maqbud u kkundannat għall-mewt. Jingħad li Lawrenz mar jilħqu u staqsieh kif kien sejjer għall-aħħar sagrifiċċju tiegħu mingħajr id-djaknu tiegħu. Papa Sistu jingħad li ħabbar lil Lawrenz li kellu jmut mewta ħarxa ftit jiem wara. Fil-fatt Lawrenz ġie hu wkoll maqbud mis-suldati Rumani.

San Ambroġ ħalla miktub li, skont tradizzjoni orali, Lawrenz qabel ma arrestawh, ġie mogħti tlett ijiem żmien biex inewwel lill-imperatur Valerjanu t-teżori tal-knisja, iżda d-djaknu biegħhom biex jiġu mgħejjuna l-foqra u ppreżenta lill-imperatur dawn l-istess foqra bħala teżori tal-knisja.

Lawrenz ġie għalhekk ikkundannat għal mewta l-aktar ħarxa billi jkun mixwi fuq gradilja. Il-qaddis ingħata difna xierqa fuq il-Via Tiburtina.

Prudentius, madwar is-sena 400, jgħid li l-konverżjoni ta’ Ruma saret minħabba t-talb ta’ San Lawrenz u jgħid ukoll li folol kbar kienu jmorru fil-knisja ta’ dan il-qaddis f’Ruma u li ħafna grazzji kienu jinqalgħu bl-interċessjoni tiegħu. Fis-seklu erbgħa dan il-qaddis mhux biss kellu festa iżda wkoll vġili.

Wara l-martirju, il-fdal tal-Qaddis indifen fiċ-ċimiterju ta’ Ċirijaka ħdejn it-triq Tiburtina fil-Verano. Kostantinu l-Kbir bena bażilika fuq il-qabar tiegħu, li waqgħet u nbniet kemm-il darba. Il-knisja li hemm illum iġġib l-isem ta’ San Lorenzo Fuori le Mura, u tinsab f’idejn il-patrijiet Kapuċċini.

Imfaħħar mill-aqwa dutturi tal-Knisja, fosthom Santu Wistin, Sant’Ambroġ, u San Leone Manju, wara l-Appostli San Pietru u San Pawl, hu l-iktar martri meqjum ġewwa Ruma.

Il-Papa tal-Immakulata, il-Beatu Piju IX, ried jindifen ħdejn il-qabar ta’ San Lawrenz, u hemm jinsab tassew. Lil San Lawrenz, huma ddedikati mijiet kbar ta’ knejjes, fosthom f’Ruma, San Lawrenz “In Lucina,” “In Damaso,” mibnija mill-Papa San Damaso (366-384), “In Paneperna” u “In Miranda”.

Lilu huma ddedikati l-Katidrali ta’ Genova, Perugia, Grosseto, Trapani, Lugano u oħrajn. Il-Knisja tiċċelebra l-festa tiegħu bl-istess grad liturġiku daqs tal-festi tal-Appostli.

San Lawrenz huwa l-Patrun tal-Birgu u tar-raħal li jġib ismu ‘San Lawrenz,’ Għawdex.

ĦsiebDan kliem l-Isqof Mario Grech – mill-omelija f’jum il-festa tad-djaknu San Lawrenz:

“Lill-Isqof Ċiprijanu ta’ Kartaġni xi ħadd kitiblu hekk: Għadu kemm wasal editt ta’ Valerjanu li fih iħabbar il-qtil tal-isqfijiet u tad-djakni, fost dawn hemm id-djaknu Lorenzu. Skont l-Isqof Ċiprijanu, il-ħsieb ta’ Valerjanu ma kienx biss li joqtol lil dak u lill-ieħor, imma li f’kolp wieħed inaddaf lis-soċjetà ta’ żmienu mis-saċerdozju. Valerjanu ried joħloq l-instabbilità fi ħdan il-Knisja billi mhux biss ifieri imma saħansitra joqtol lil kull saċerdot. Nibża’ li dan l-ispirtu ta’ Valerjanu jista’ jerġa’ jibda jqajjem rasu … Hemm bżonn li fil-Knisja jkollna komunità li kapaċi tqum fuq riġlejha u tagħmel id-difiża tagħha mhux lil dik il-persuna (is-saċerdot individwali) imma l-ministeru afdat lil dik il-persuna.”

U din li ġejja hija riflessjoni ta’ Dun Daniel Xerri fuq il-fidi li kellu fi Kristu id-Djaknu Lawrenz:

  • L-imħabba ta’ Lawrenz għal Kristu u l-Knisja tiegħu, imħabba li wasslitu sal-martirju, hi marbuta ħaġa waħda mal-fidi tiegħu.
  • X’inhi l-fidi? Hija meta “l-bniedem jerħi ruħu kollu kemm hu liberament f’idejn Alla” u “lil Alla li juri lilu nnifsu jagħtih, għax irid, il-qima kollha tal-moħħ u tar-rieda tiegħu u jilqa’ bil-qalb dak kollu li Alla jurih u jitlob minnu” (Dei Verbum, 5). Din hi dik li San Pawl isejħilha “l-ubbidjenza tal-fidi” (Rumani 16: 26) u li bix-xieraq, kull bniedem għandu jagħti lil Alla, proprju għax hu Alla.
  • Lawrenz emmen f’Alla u f’Iben Ġesù Kristu, afdah b’għajnejh magħluqa u ntelaq f’idejh sa fil-martirju. Sa minn tfulitu huwa ħaddan il-fidi f’Ġesù ta’ Nazaret, fidi li mmarkatlu ħajtu. Il-mod kif għex u miet juri biċ-ċar li hu kien kollu kemm hu ta’ Kristu. Speċjalment fil-belt ta’ Ruma huwa ltaqa’ ma’ ħafna nsara li taw xhieda tal-fidi tagħhom b’kuraġġ u determinazzjoni. Kien fuq kollox l-eżempju tal-martri li kabbar u saħħaħ bil-qalb ta’ Lawrenz l-fidi f’Ġesù. L-eżempju ta’ dawk l-insara qalbiena li f’din il-belt xerrdu demmhom għal Kristu kien dejjem quddiem għajnejh. Nistgħu nimmaġinaw x’kien iħoss meta ma’ ħutu l-insara l-oħra kien iżur l-oqbra tal-martri u jitlob fuqhom, kif kienet id-drawwa tal-knisja f’dawk iż-żminijiet. Min jaf x’ħass meta, fuq ordni tal-Papa Sistu II innifsu, kellu jieħu ħsieb ir-relikwi għeżież tal-Appostli Pietru u Pawlu u jaħbihom fil-katakombi biex iħarishom mill-id qerrieda tal-persekuturi.
  • Meta fis-sena 257 l-Imperatur Valerjanu ħareġ l-editt biex jiġu maqtula l-membri kollha tal-ġerarkija tal-Knisja, Lawrenz fehem li issa kien imiss lilu jagħti xhieda għall-fidi tiegħu f’Ġesù Kristu. Imqanqal mit-tħeġġiġ tal-Papa Sistu II u msaħħaħ mix-xhieda tiegħu, Lawrenz beda jarma ruħu għall-martirju. Hu kien lest li jbati u jmut għal dak li emmen fih. Bi kliem San Pawl seta’ jgħid: “Din hi l-kawża li għaliha qiegħed inbati, imma b’daqshekk ma nistħix, għax jien naf f’min emmint” (2Timotju 1:12). U wasal il-waqt tal-prova. Kien l-10 t’Awwissu tas-sena 258 meta ż-żagħżugħ Lawrenz tela’ ferħan fuq il-gradilja u ħalla lil ġismu jinħaraq bin-nar għall-imħabba ta’ Ġesù. Fil-qawwa ta’ dak in-nar kienet qed tissaffa u tilħaq il-milja tagħha l-fidi tiegħu.
  • Żgur li f’dawk il-mumenti ġew f’moħħ id-Djaknu Lawrenz l-kelmiet tal-appostlu Pietru, li snin qabel kien kiteb lill-insara tal-Asja Minuri: “Bħalma d-deheb, li jintemm, jgħaddi mill-prova tan-nar, hekk tgħaddi mill-prova l-fidi tagħkom, li tiswa aktar mid-deheb, biex ikun jistħoqqilha tasal għat-tifħir, għall-glorja u għall-ġieħ meta jidher Ġesù Kristu” (1Pietru 1:7). Għalhekk, “ħuti għeżież, tistgħaġbux għax tinsabu fil-forġa qalila tan-nar, li ġiet fuqkom biex iġġarrabkom …” (1Pietru 4:12). Żgur li ġewh ukoll f’moħħu l-kelmiet tal-appostlu Pawlu: “Lilkom ingħatat il-grazzja li sservu lil Kristu, mhux biss li temmnu fih, imma saħansitra li tbatu għalih” (Filippin 1:29). San Lawrenz serva lil Kristu bħala Djaknu, emmen fih u fuq kollox bata għalih!
  • Imħeġġeġ mit-tagħlim ta’ dawn l-appostli kbar, Lawrenz kien tassew iħares lejn il-martirju bħala grazzja, li tant kien jixtieqha u jitlobha. Għax tabilħaqq, li temmen f’Ġesù hija grazzja imma li tbati għalih hija grazzja akbar.

“Fl-eżempju ta’ San Lawrenz, għandna prova tal-qawwa tal-grazzja t’Alla. Hu kien jara ġismu jinħaraq bla ma jitlef il-paċi ta’ ruħu; u aħna bil-maqlub ma nafux insofru l-iċken uġigħ jew dispjaċir bla ma nitilfu l-paċi.” ~ Br. Louis

  • U int, fis-sofferenzi tiegħek tixbhu xejn lil San Lawrenz, billi bħalu żomm l-kalma u l-paċi?
  • Jew forsi ġieli żbilt u tlift il-paċi ta’ qalbek, u forsi wkoll telliftha lil ħaddieħor?

Henjin tassew inkunu aħna jekk nimitaw lil San Lawrenz fis-sabar tiegħu!

Talba: O kbir u glorjuż San Lawrenz, illi ġejt ikkundannat għall-mewt tan-nar bati, u soffrejt din il-piena hekk kbira b’tant qawwa tant li sirt wirja ta’ ammirazzjoni fis-sema u fl-art: ftakar issa mela f’dik it-talba li għamilt ’l Alla fuq is-sodda kollha nar. Kif inti tlabt illi Ruma tibqa’ dejjem kattolika, hekk ukoll issa, bl-interċessjoni tiegħek, aqla’ rebħiet ġodda lill-Knisja fuq tant għedewwa li għandha. Agħmel li tibqa’ sħiħa fil-fidi, u qaddisa fil-valuri, u hekk imbiegħda mill-perikli u mill-ideat foloz ta’ żminijietna, tkompli twassal biss lil Kristu lid-dinja li tant għandha għatx għalih. Ammen. (Strofa minn Novena ta’ San Lawrenz)

O Alla, int ħeġġiġt bi mħabbtek lil San Lawrenz, qaddej kbir u fidil tal-Knisja tiegħek, li kiseb il-glorja tal-martirju; agħmel li ngħożżu dak li huwa ħabb u nimxu fuq it-tagħlim li tana. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-lawrence/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-lawrence-563

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Lawrence

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

9 ta’ Awwissu: Santa Tereża Benedetta tas-Salib (Edith Stein)

Verżjoni Vidjo: Santa Tereża Benedetta tas-Salib (Edith Stein)

“Ħażżmet ġenbejha bil-qawwa, u wettqet dirgħajha; għalhekk il-musbieħ tagħha qatt ma jintefa’.” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Santa Tereża Benedetta tas-Salib.

29876933c347626d7d10ad26258c9a62SANTA TEREŻA BENEDETTA TAS-SALIB
(EDITH STEIN)
Verġni u Martri
1891 – 1942

Tagħrif: Edith twieldet fit-12 ta’ Ottubru 1891, f’familja Lhudija, nhar il-Yom Kippur, l-akbar festa tal-Lhud. Il-familja kienet tan-negozju. L-omm ma kinitx tlaħħaq mat-tfal, f’dik li hija formazzjoni reliġjuża. Edith tilfet il-fidi: “Jien ħassejt ġewwa fija li m’għandix inkompli nitlob aktar.”

Fl-1911, ta’ għoxrin sena spiċċat l-iskola, bl-akbar suċċess u unuri. Fl-1913, daħlet fl-Università ta’ Gottingen u bdiet l-istudji tal-fenomenoloġija, taħt l-għaref filosofu Edmund Husseri.

Fl-1914, Edith stqarret “M’inix ngħix ħajti”. Darba daħlet ġol-Katidral ta’ Frankfurt u rat mara bil-basket tax-xirja, li baqgħet dieħla ’l fuq u niżlet għarkupptejha u talbet għal ftit ħin. Edith ħasset fiha xi ħaġa: “Għalija din kienet xi ħaġa ġdida; fis-Sinagoga konna mmorru darba biss. Hawnhekk rajt lil din il-mara, ġejja dritt mis-suq bix-xirja u dieħla ġo din il-knisja. Rajtha bħallikieku kien ser ikollha konverżazzjoni intima. Kienet ġrajja li qatt ma nsejtha.”

Dakinhar stess marret iżżur lill-armla, li r-raġel tagħha li kien Protestant, kien għadu kif miet. Wara kitbet hekk: “Din kienet għalija l-ewwel laqgħa mas-Salib u fil-qawwa kbira li hu jagħti lil dawk li jilqgħuh u jġorruh. Kien il-mument fejn il-fidi tiegħi ħassejtha tikkollassa u Kristu beda jitfa’ d-dawl tiegħu fuqi: Kristu fil-misteru tas-SALIB.” Aktar tard kitbet: “Din il-ġrajja kienet il-pjan ta’ Alla li jien stess ma kontx ippjanajt.”

Fl-1 ta’ Jannar 1933, daħlet mal-Karmelitani ta’ Cologne u fl-1934 ħadet il-libsa Karmelitana bl-isem ta’ Swor Tereża Benedetta tas-Salib.

Fit-2 t’Awwissu 1942, in-Nażi arrestawha għax kienet Lhudija, u magħha lil oħtha Rosa, li kienet tgħix fil-kunvent tagħha. Fid-9 ta’ Awwissu tal-istess sena Edith u oħtha mietu ggassjati fil-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz.

Il-Professur Jan Nola li għex fl-istess Università magħha kiteb hekk: “Edith Stein kienet xhieda tal-preżenza t’Alla, f’dinja fejn Alla ma jeżistix.” Ġiet ibbeatifikata mill-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II, f’Cologne, fl-1 ta’ Mejju, 1987.

Ħsieb: Qari mill-kitbiet spiritwali ta’ Santa Tereża Benedetta tas-Salib (Edith Stein: Vita, Dottrina, Testi inediti – Roma 1987, pp. 127-130) bit-titlu ‘Sliem għalik, o Salib, tama tagħna’:

“Waqt li l-Knisja tfakkar il-Passjoni tal-Mulej fil-kontemplazzjoni tal-imħabba kollha tbatija ta’ Sidna Ġesù Kristu, tistedinna nsellmu lis-Salib Imqaddes bħala t-tama waħdanija tagħna.

Id-dinja tinsab ħuġġieġa waħda: it-taqbida bejn Kristu u l-antikrist qed tiħrax u toħroġ fil-beraħ. Dan ifisser li, jekk inti taqtagħha li tkun ta’ Kristu, jista’ jintalab minnek ukoll is-sagrifiċċju ta’ ħajtek.

Ħares lejn il-Mulej imdendel quddiemek fuq l-għuda tas-Salib, għax Hu obda sal-mewt tas-salib. Huwa ma ġiex fid-dinja biex jagħmel ir-rieda tiegħu, imma biex jagħmel ir-rieda tal-Missier. Jekk trid tkun l-għarusa tal-Imsallab, għandek tiċħad għal kollox ir-rieda tiegħek, u ma għandux ikollok xewqa oħra għajr dik li twettaq ir-rieda ta’ Alla.

Il-Feddej huwa mdendel quddiemek fuq is-Salib għeri u mneżża’ minn kollox, għax għażel il-faqar. Min irid jimxi warajh, għandu jiċħad il-ġid kollu tal-art.

Oqgħod quddiem il-Mulej imdendel fuq is-Salib b’qalbu minfuda. Hu xerred id-demm ta’ qalbu biex jirbaħ qalbek. Biex tkun tista’ timxi warajh fis-safa, qalbek trid tkun ħielsa minn kull ġibda tal-art; Ġesù Msallab għandu jkun l-oġġett waħdieni li tixxennaq għalih, l-oġġett ta’ kull xewqa u ta’ kull ħsieb tiegħek.

Id-dinja tinsab ħuġġieġa waħda: tixtieq titfiha? Ħares lejn is-Salib. Mill-Qalb miftuħa tal-Feddej ħiereġ id-demm li għandu l-qawwa li jitfi wkoll in-nirien tal-infern. Bis-saħħa tal-ħarsien bir-reqqa tal-wegħdiet tiegħek, iftaħ qalbek u eħlisha minn kull tfixkil; imbagħad, ikunu jistgħu jinxteħtu fiha l-ħalel tal-imħabba divina, hekk li qalbek tfur u ssir għammiela sat-trufijiet tal-art.

Permezz tal-qawwa tas-Salib tista’ tkun f’kull imkien ta’ tbatija kull fejn twasslek l-imħabba kollha ħniena tiegħu, dik l-imħabba li tieħu mill-Qalb divina u li tagħtik il-ħila li xxerred ma’ kullimkien id-demm l-aktar għażiż tiegħu biex idewwi, isalva u jifdi.

Għajnejn l-Imsallab iħarsu lejk biex jistaqsuk u jitolbuk. Trid terġa’ tintrabat bis-sinċerità kollha fil-patt miegħu? X’se tkun it-tweġiba tiegħek. Mulej, għand min immorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem. Sliem għalik, o Salib, tama tagħna!”

Il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II, nhar il-beatifikazzjoni ta’ Edith Stein qal :
“Swor Tereża Benedetta tas-Salib, hija personalità li għaqdet ġewwa fiha nnifisha dik il-ħajja rikka tagħha, sintesi tas-seklu tagħna. Dik kienet sintesi ta’ storja mimlija feriti, li għadhom qed iweġġgħuna … kif ukoll sintesi fuq il-bniedem. Dan kollu nġabar flimkien ġo dik il-qalb waħdanija, li baqgħet bla heda u mhux mitmugħa, sakemm fl-aħħar sabet il-mistrieħ tagħha f’Alla.”

  • U l-qalb tiegħek, mistrieħa f’Alla?
  • Tfittex il-faraġ u d-dawl tiegħek fis-Salib ta’ Kristu li jurik kemm ħabbek Alla?
  • Kemm inti lest/a li tħobbU lura?

Talba: Mulej Alla ta’ missirijietna, imliena bix-xjenza tas-salib, li biha żejjint b’mod tal-għaġeb lil Santa Tereża Benedetta tas-Salib fil-waqt tal-martirju; agħtina, għat-talb tagħha, li dejjem infittxu lilek bħala l-ogħla Verità u nħarsu b’qalb sħiħa sal-mewt il-patt etern ta’ mħabbtek imwettaq bid-demm ta’ Ibnek għas-salvazzjoni ta’ kulħadd. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-teresa-benedicta-of-the-cross-edith-stein-557

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/the-life-and-legacy-of-edith-stein/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Edith_Stein

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

8 ta’ Awwissu: San Duminku

Verżjoni Vidjo: San Duminku

“Qam bħal nar predikatur ġdid tas-salvazzjoni. Kelmtu kienet tħeġġeġ bħal torċa. Kellu f’fommu tagħlim is-sewwa, u ebda ħażen ma nstablu fuq xufftejh.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Duminku (Sirak 48:1; Malakija 2:6a).

89916952_o.jpgSAN DUMINKU
Saċerdot
1170 – 1221

Tagħrif: San Duminku twieled f’Calaruega, Spanja, fl-1170. Meta kellu erbatax-il sena daħal l-Università, ta’ Palencia, biex jistudja l-filosofija u t-teoloġija. Waqt li kien għadu student sar Kanonku tal-Katidral ta’ Osma. Wara l-Ordinazzjoni tiegħu fl-1195, mar jgħix mal-Kanonċi skont ir-Regola ta’ Santu Wistin. Fl-1201, sar il-Pirjol tal-Kapitlu.

Fl-1204, kien mal-Isqof tiegħu qed jivvjaġġa fi Franza, u ra l-ħsara li kienu qed jagħmlu l-Albiġiżi, (minn Alby, Franza, li fost tagħlim eretiku ieħor kienu jsostnu li l-ispiritwali huwa tajjeb, u l-materjali huwa ħażin, u li Ġesù ma twelidx tassew minn Marija). Flanguedoc iltaqa’ ma’ wieħed Albiġiż u għadda l-lejl kollu jiddiskuti miegħu sakemm ikkonvinċieh u rah jerġa’ jħaddan it-twemmin Kattoliku.

Minn din il-laqgħa, San Duminku ra ċar li l-missjoni tiegħu kienet li jipprietka l-Vanġelu u jikkumbatti l-ereżija ta’ l-Albiġiżi. Għalhekk ġabar madwaru grupp ta’ għalliema biex jgħinuh iwettaq il-ħsieb tiegħu, u b’xi nisa minnhom waqqaf il-kunvent ta’ Prouille fl-1206. Huwa baqa’ f’Languedoc għal kważi għaxar snin jipprietka bla serħan.

Fl-1212, mar Toulouse, u fl-1215, attenda r-Raba’ Konċilju Lateran, f’Ruma.

Lura f’Toulouse waqqaf l-Ordni tal-Predikaturi jew kif saru magħrufin “Id-Dumnikani,” fil-25 ta’ April, 1215. L-għan prinċipali tal-Ordni kien li l-membri tiegħu jgħaqqdu l-għerf mal-qdusija u s-sempliċità, tal-ħajja u jipprietkaw il-Vanġelu ħalli jikkumbattu l-ereżija ta’ l-Albiġiżi. Il-Papa Onorju III approva l-Ordni f’Diċembru, 1216.

F’qasir żmien id-Dumnikani xterdu fi Spanja, fi Franza, l-Ingilterra, l-Italja u f’pajjiżi oħra. Fl-1220, il-Papa Onorju III ħatar lil San Duminku bħala Superjur Ġenerali tal-Ordni. F’dik l-istess sena, San Duminku sejjaħ l-ewwel Kapitlu Ġenerali, f’Bologna.

San Duminku kien ikun spiss ħsiebu f’Alla, jekk ma kienx jitkellem fuq Alla bil-prietki tiegħu, kien jitkellem ma’ Alla fit-talb. Ma kienx jgħaddi mument li ma jaħsibx f’Alla.

F’Bologna marad u wara xi tliet ġimgħat miet, fis-6 ta’ Awwissu, 1221. Il-Papa Girgor IX ipproklamah Qaddis, fl-1234.

Huwa għamel ir-Rużarju devozzjoni mill-aktar popolari speċjalment biex jikkumbatti l-ereżija tal-Albiġiżi.

Il-fdal tiegħu jinsab meqjum Bologna, fil-Bażilika tal-Patrijiet Dumnikani. Dakinhar li miet il-Fundatur, kien hemm diġà fuq 60 kunvent tal-patrijiet, li kienu fl-Italja, fi Franza, fi Spanja, fl-Ingilterra, fil-Polonja, fil-pajjiżi Skandinavi, fil-Palestina, eċċ.

Illum id-Dumnikani jinsabu mxerrdin ma’ kullimkien. Kellhom tul 700 sena, iktar minn 40 qaddis, mijiet ta’ beati, fosthom ħafna martri, 4 Papiet, mal-100 kardinal u mijiet kbar ta’ Isqfijiet, barra minn tant għorrief ewlenin, fosthom San Tumas t’Aquino u San Albertu Manju.

Duminku, bniedem ta’ talb, ta’ penitenzi ħorox, imma wkoll ta’ ħlewwa u tjieba ma’ kulħadd, kien ċertament wieħed mill-ikbar ġganti ta’ għerf u ta’ qdusija, li qatt kellha l-Knisja Mqaddsa.

Ħsieb: Qari minn dokumenti fuq l-istorja tal-Ordni tal-Predikaturi bit-titlu ‘Kien jitkellem ma’ Alla jew fuq Alla’:

“Duminku kien bniedem ta’ virtù kbira, imħeġġeġ kollu kemm hu bl-imħabba ta’ Alla; bla dubju ta’ xejn, kien mimli bil-ġieħ u bil-grazzja. Kellu karattru tassew qawwi u dejjem l-istess, u ma kienx jinbidel ħlief meta jħoss u jħenn għall-oħrajn. U billi l-hena tal-qalb jidher f’wiċċ il-bniedem, it-tjieba u l-ferħ li kienu jidhru fuq il-wiċċ ta’ Duminku kienu jixhdu s-sliem u l-hena ta’ qalbu.

Kien iġib ruħu ta’ bniedem evanġeliku kullimkien, bil-kliem u bl-għemil. Matul il-ġurnata, ħadd daqsu ma kien ikun hekk twajjeb u ħlejju ma’ ħutu u sħabu. Fis-sigħat tal-lejl, ħadd daqsu ma kien idum jishar u jitlob b’ħafna modi. Ma kontx tarah wisq jitkellem jekk mhux ma’ Alla, jiġifieri fit-talb, jew fuq Alla; u kien iwissi lil ħutu r-reliġjużi biex jagħmlu hekk huma wkoll.

L-aktar ħaġa partikolari li sikwit kien jitlob lil Alla kienet dik li jimlieh bi mħabba tassew, u li jqawwih fil-ħidma u t-tħabrik għas-salvazzjoni tal-bnedmin; kien iqis li ma jistax ikun tassew membru ta’ Kristu qabel ma jingħata kollu kemm hu u b’ħiltu kollha biex jirbaħ l-erwieħ, bħalma Sidna Ġesù, is-Salvatur tal-bnedmin, ta lilu nnifsu kollu kemm hu għas-salvazzjoni tagħna. Għal din il-ħidma, wara li kien ilu żmien twil jaħseb, waqqaf l-Ordni tal-Predikaturi.

Bosta drabi, bil-kliem u bil-kitba, kien iwissi lil ħutu r-reliġjużi ta’ dan l-Ordni biex jitgħallmu fuq il-Kotba Mqaddsa tat-Testment il-Ġdid u l-Qadim. Hu nnifsu kien dejjem iġorr miegħu l-Evanġelju ta’ San Mattew u l-Ittri ta’ San Pawl u kien jistudjahom ħafna hekk li sar qisu jafhom bl-amment.

Darbtejn jew tliet darbiet għażluh biex isir Isqof, iżda hu qatt ma ried, għax aktar xtaq jibqa’ jgħix fil-faqar ma’ ħutu r-reliġjużi milli jsir Isqof xi mkien. Sa l-aħħar ta’ ħajtu baqa’ jħares bla mittiefes il-ġieħ tas-safa tiegħu. Kien jixtieq li jiġi msawwat u mqatta’ bċejjeċ u jmut għall-fidi ta’ Kristu. Il-Papa Girgor IX stqarr dan fuqu: ‘Jiena nafu b’raġel li mexa għalkollox fuq il-mudell tal-Appostli. Ma hemmx dubju li ssieħeb mal-istess Appostli fil-glorja tas-sema.’

Min jaf kemm ġid sar permezz tar-Rużarju! Kemm nies għamlu mewta tajba, kemm nies biddlu ħajjithom, kemm grazzji nqalgħu! Ejjew ma ninsewx li hu l-aktar talba li tagħti unur lill-Madonna u dik li hi tkun qed tistenniena nitolbu bil-ħerqa. Tassew li kulħadd jafu dan, imma kulħadd jitolbu? Bħala għajnuna biex wieħed jitlob ir-Rużarju, tistgħu tidħlu fil-Youtube Channel bl-isem ta’ Rużarji u Devozzjonijiet bil-Malti. Fih issibu ġabra ta’ vidjows kollha fuq ir-Rużarju. Ara din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/youtube/

Il-Beatu Ġordan tas-Sassonja (ara Ġordan tas-Sassonja) kiteb hekk fuq San Duminku:
“Xejn ma kien ifixkel l-ekwanimità tiegħu, il-paċi u s-serenità tar-ruħ, jekk mhux is-simpatija lejn il-batuti. Wiċċu kien jirrifletti l-vera ferħ li kien iħoss. Duminku kien ħabib u ferrieħi. Kont tara fih dik il-paċi ġenwina tar-ruħ.”

  • U fik, taħseb lin-nies jistgħu jaraw dik il-paċi li l-Mulej wiegħed lil dawk li jimxu fit-triq tas-Sewwa?
  • Qiegħed/ Qiegħda xxandar lil Kristu bi kliemek u l-aktar b’għemilek?

Talba: Mulej, int għamilt lil San Duminku predikatur mill-aqwa tal-verità tiegħek: agħmel li huwa jgħin lill-Knisja tiegħek bil-merti u t-tagħlim tiegħu, u li jidħol għaliha quddiemek bit-talb qaddis tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-dominic/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-dominic-556

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Dominic

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

7 ta’ Awwissu: San Gejtanu

Verżjoni Vidjo: San Gejtanu

“Fittxu l-ewwel is-saltna t’Alla.” – Ġesù f’Mattew 6:33.

St CajetanSAN GEJTANU
Saċerdot
1480 – 1547

Tagħrif: San Gejtanu twieled f’Vicenza, l-Italja, fl-1480, minn familja sinjura u nobbli.

Fl-1504, meta kellu 24 sena rċieva d-Dottorat mill-Università ta’ Padova.

Irritorna Vicenza u sar Senatur. Iżda beda jħoss li għandu jservi ‘l Alla iktar mill-qrib. Fl-1506, mar Ruma. Hemm daħal fil-Konfraternità tal-Imħabba Divina li għenitu ħafna biex jissaħħaħ fis-sejħa għas-saċerdozju. Sar qassis fl-1516.

Fl-1518, mar Vicenza biex jassisti lil ommu li kienet qed tmut, u wara li amministralha s-sagramenti mietet f’idejh.

F’Vicenza sar membru tal-Oratorju ta’ San Ġirolmu, u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu jdur bil-morda inkurabbli.

Fl-1520, mar Verona fejn waqqaf Oratorju simili. Wara ħames xhur mar Venezja fejn beda jaħdem fi sptar ġdid tal-belt, u tant ħadem fih li kien meqjus bħala l-fundatur ewlieni tiegħu.

Fl-1523, telaq minn Venezja u mar Ruma. Flimkien ma’ Ġwann Pietru Carafa li wara sar il-Papa Pawlu IV, u żewġ qassisin oħra, waqqaf it-Teatini, Kjeriċi Regolari, jiġifieri saċerdoti li jgħixu flimkien taħt regola. Bħala l-ewwel Superjur Ġenerali ntgħażel Carafa li qabel kien Isqof ta’ Chieti, bil-latin Theate. Minn hawn ġej l-isem “Teatini.” Carafa kien irriżenja minn Isqof biex seta’ jingħaqad ma’ Gejtanu.

Huma kienu jirrifjutaw benefiċċji u bla ma jittallbu, kienu jiddependu fuq id-donazzjonijiet volontarji li l-providenza t’Alla kienet tibgħat. Il-motto fuq l-arma tagħhom kien: “Fittxu l-ewwel is-saltna t’Alla.” Fost il-prattiċi piji li tradizzjonalment ġew imxerrda mill-Kjeriċi Regolari nsibu l-“att erojku” li bih wieħed iċedi mhux biss il-valur satisfatorju tal-opri tajba li jwettaq f’ħajtu iżda wkoll is-suffraġji, favur l-erwieħ tal-Purgatorju.

Meta fl-1527, Karlu V għamel straġi minn Ruma, it-Teatini, li darhom kienet ġiet imħarbta, kellhom jaħarbu, u marru Venezja.

Fl-1530, Gejtanu ntgħażel Superjur wara Carafa, u dam it-tliet snin taż-żmien tiegħu. Warajh reġa’ ntgħażel Carafa.

Fl-1543, kien qiegħed Napli, u biex jgħin lill-foqra waqqaf il-“Montes Pietatis,” il-Bank tal-Ħniena, minn fejn il-foqra setgħu jisselfu l-flus billi jħallu xi ħaġa bħala rahan, u wara jeħduha lura. Dak li beda San Gejtanu, illum sar il-Bank ta’ Napli.

San Gejtanu miet f’Napli fis-7 ta’ Awwissu 1547, fl-età ta’ 67 sena. Ġie kkanonizzat fl-1671 mill-Papa Klement X. Gejtanu kien wieħed mir-riformaturi kbar kattoliċi u ħafna mir-riformi li wettaq il-Konċilju ta’ Trentu kienu antiċipati minn San Gejtanu u mqegħdin fil-prattika minnu ħafna qabel ma tlaqqa’ l-konċilju.

Waħda miż-żewġ parroċċi tal-Ħamrun hija ddedikata lill-“Qaddis tal-Providenza,” San Gejtanu Thiene.

Ħsieb: Mill-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna, fil-Parroċċa ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun (6 ta’ Jannar, 2018):

Id-devozzjoni lejn il-Verb Inkarnat wasslet lil Gejtanu ta’ Thiene biex imur jitlob qrib il-maxtura ta’ Ġesù. Imma kien konxju tad-dgħjufija tiegħu, kien konxju ukoll tad-dnubiet tiegħu. Quddiem l-imħabba li wrieh l-Imgħallem, dejjem kien iħossu mhux żelanti biżżejjed. “Għal ħafna snin,” jgħid, “ħallejt lill-imsejkna ruħ tiegħi tindarab f’ġerħat li fnew, kont imfissed u nagħti l-għala wisq lill-ġisem, lid-dinja u lill-għadu ta’ ruħi.”

Meta naqraw dawn il-kliem ta’ San Gejtanu, nifhmu li qisna qegħdin naqraw xi kumment li niktbu aħna fuqna nfusna. Meta aħna nersqu lejn il-qaddisin, nagħmlu kuraġġ kbir. L-ewwel kuraġġ li nagħmlu huwa li nifhmu li huma m’għandhom l-ebda problema jistqarru d-dgħjufija tagħhom. M’għandhom l-ebda kumpless żejjed biex jistqarru li huma midinbin u midinbin ta’ vera. Mhijiex umiltà falza din ta’ San Gejtanu, imma umiltà vera ta’ bniedem dgħajjef li għandu bżonn jagħmel għażla.  

Id-deċiżjoni ta’ San Gejtanu aħna nafuha. Id-deċiżjoni ta’ San Gejtanu hija dik li ma jċedix quddiem id-dgħufija u d-dnubiet tiegħu. Hu jsemmi d-dnubiet tal-ġisem, id-dnubiet tad-dinja, il-fatt li jċedi għall-għadu. 

X’inhu l-messaġġ għalina? Jekk San Gejtanu, konxju mid-dgħufija tiegħu, ikollu l-esperjenza tad-dija tal-wiċċ ħanin tal-Mulej jiddi fuqu, inti wkoll, aħna lkoll kemm aħna, imsejħin biex nitpaxxew bil-ħniena u d-dija tas-sebħ tal-Mulej fis-sagramenti, fil-Qrar, fl-Ewkaristija. 

Aħna rridu nkunu bħal San Gejtanu, bħal San Ġorġ Preca, li jindikawlna lil Ġesù, u nħarsu lejh u nilqgħuh mingħand Marija. Bħalma kien jgħid San Ġwann tas-Salib: “Jekk inti tilqa’ lil Marija, hi tiġi għandek, toqgħod għandek u ġġib magħha lill-Verb Inkarnat, il-Kelma ta’ Alla magħmul bniedem.”

Għalhekk, ejjew nilqgħu lill-Madonna hi u tagħtina lil Ġesù, u nitolbu l-interċessjoni ta’ San Gejtanu biex dak li għadda minnu u li kkonvertieh, “inqum, u għalkemm ma jistħoqqlix, jiena nkun qaddej tas-sid umli tiegħek,” aħna wkoll inkunu qaddejja tas-Sid umli tagħna għax nafu li afdalna teżor kbir, nafu li l-“ġarar tagħna tal-fuħħar,” imma għalina biżżejjed il-grazzja tiegħu”.

  • U int, kemm temmen fil-Providenza Divina?
  • Kemm hi kbira l-fiduċja tiegħek f’Alla?
  • Inti tħalli lil Alla jużak biex inti stess tkun providenza għal ħaddieħor?

Talba: O Alla, inti tajt lis-saċerdot San Gejtanu l-grazzja li jgħix ħajja bħal tal-appostli; agħmel li aħna, bl-eżempju u t-talb tiegħu, inqiegħdu dejjem fik it-tama tagħna u qatt ma nieqfu nfittxu s-saltna tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2018/08/saint-cajetan.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-cajetan/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Cajetan

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.