2 ta’ Awwissu: San Ewsebju ta’ Vercelli

Verżjoni Vidjo: San Ewsebju ta’ Vercelli

“Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ Dak li jqawwini.” – Filippin 4:13.

Saint_Eusebius_049SAN EWSEBJU TA’ VERCELLI
Isqof
? – 371

Tagħrif: San Ewsebju twieled fil-gżira ta’ Sardinja għall-bidu tas-seklu erbgħa, minn ġenituri nsara. Meta kien għadu tifel żgħir tilef lil missieru.

Ommu ġabitu Ruma. Hemm ħa l-edukazzjoni tiegħu, u sar membru tal-Kleru ta’ Ruma.

Fis-sena 345 sar l-ewwel Isqof ta’ Vercelli, f’Piedmonti. Introduċa għall-ewwel darba fil-Punent il-ħajja monastika billi hu bħala Isqof beda jgħix f’komunità mas-saċerdoti tiegħu.

Ħadem ħafna kontra l-ereżija tal-Arjani li tiċħad id-Divinità ta’ Ġesù.

Fis-Sinodu ta’ Milan fis-sena 355 huwa ma riedx jiffirma l-kundanna kontra San Atanasju, u minħabba f’hekk l-Imperatur Arjan Kustanz eżiljah fil-Palestina. Hemm kien taħt is-sorveljenza tal-Isqof Arjan, u bosta drabi kien jiġi umiljat u mmaltrattat mill-Arjani, sakemm fl-aħħar mar l-Eġittu.

Meta fis-sena 361 miet l-Imperatur Kustanz, Ġuljanu l-Apostata li laħaq floku, ta l-permess lill-Isqfijiet eżiljati li jkunu jistgħu jirritornaw fid-djoċesi tagħhom, iżda San Ewsebju baqa’ fl-Orjent bħala l-Legat tal-Papa.

Flimkien ma’ San Atanasju ppresieda s-Sinodu ta’ Lixandra fis-sena 362, u sena wara rritorna fi Piedmonti. Flimkien ma’ San Ilarju ta’ Poitiers ħadem ħafna kontra l-Ereżija Arjana.

Fil-Katidral ta’ Vercelli hemm ippreservati l-iktar manuskritti antiki tal-Vanġelu bil-Latin antik u jaħsbu li kienu miktubin minn San Ewsebju.

Miet fil-paċi fid-djoċesi tiegħu fl-1 ta’ Awwissu tas-sena 371.

Aktar dettalji
Ewsebju kien iben martri. Trabba f’Ruma fejn ommu ħaditu meta kien għadu żgħir ħafna. Jista’ jitqies bħala l-fundatur tal-kanoniċi regolari. Fil-konċilju ta’ Milan fis-sena 355, Ewsebju kien wieħed mit-tliet Isqfijiet li, għalkemm kienu mhedda bil-mewt, irrifjutaw li jiffirmaw il-kundanna ta’ San Atanasju, kif riedu l-Isqfijiet Arjani. Minflok, dan il-qaddis poġġa kopja tal-Kredu ta’ Niċea fuq il-mejda u insista li kull wieħed jiffirmah qabel ma jaqbdu l-każ kontra Atanasju. Qam storbju kbir.

Xi wħud jagħtu lil Ewsebju t-titlu ta’ martri; dan forsi minħabba li sofra ħafna tul l-eżilju, imma safejn nafu hu miet mewta naturali meta kien diġà mgħobbi sewwa bis-snin. San Ewsebju hu wieħed mill-awturi tal-Kredu msejjaħ ta’ San Atanasju. Kopja manuskritta tal-Vanġelu bil-latin li jingħad li għamel hu, il-Codex Vicellensis, hi l-eqdem manuskritt tax-xorta tiegħu li jeżisti. Il-festa tiegħu tinżamm fit-2 ta’ Awwissu.

ĦsiebBla dubju li l-Ispirtu s-Santu ta lil San Ewsebju d-don tal-qawwa biex huwa seta’ jissaporti kull tip ta’ tbatija, umiljazzjoni, eżilju u abbużi oħra kontra tiegħu u jibqa’ xorta waħda ma jiċċaqlaqx mill-pożizzjoni tiegħu għax kien jaf li hu kien fis-sewwa u xhud tal-Verità. Imma x’inhu dan id-don tal-qawwa? Kif nistgħu nkabbruh fina ladarba rċevejnieh bl-inżul tal-Ispirtu s-Santu fis-Sagramenti?

Il-Papa Franġisku, fl-Udjenza tiegħu tal-Erbgħa, 14 ta’ Mejju, 2014 dwar id-Doni tal-Ispirtu s-Santu – Il-Qawwa, jgħid hekk:

“Il-Mulej dejjem lest biex iweżinna fid-dgħufija tagħna u dan jagħmlu b’don speċjali: id-don tal-qawwa. Hemm parabbola, li jirrakkonta Ġesù, li tgħinna nifhmu l-importanza ta’ dan id-don. ‘Bidwi ħareġ jiżra’; imma mhux iż-żerriegħa kollha li xeħet għamlet il-frott. Dik li spiċċat fuq il-mogħdija naqqruha l-għasafar; dik li waqgħet fuq il-blat jew qalb ix-xewk, qabdet, imma malajr nixfet bix-xemx jew sfat maħnuqa mix-xewk. Dik biss li waqgħet fuq art tajba setgħet tikber u tagħmel il-frott.’ (ara Mark 4:3-9 // Mattew 13:3-9 // Luqa 8:4-8).

Kif Ġesù stess ifisser lid-dixxipli tiegħu, dak il-bidwi jirrappreżenta lill-Missier, li jxerred bil-kotra ż-żerriegħa tal-Kelma tiegħu. Imma ż-żerriegħa spiss tħabbat wiċċha man-nixfa ta’ qalbna u, anki meta tiġi milqugħa, tirriskja li tibqa’ ma tagħmilx frott. Bid-don tal-qawwa, imma, l-Ispirtu s-Santu jeħles l-art ta’ qalbna, jeħlisha mill-ħedla, mid-dubji u mill-biżgħat kollha li jistgħu jżommuh lura, hekk li l-Kelma tal-Mulej tkun tista’ titqiegħed fil-prattika, b’mod awtentiku u hieni. Hu tassew ta’ għajnuna dan id-don tal-qawwa, iqawwina, jeħlisna anki minn tant ħwejjeġ li jżommuna lura.

Hemm ukoll mumenti diffiċli u sitwazzjonijiet estremi fejn id-don tal-qawwa jidher b’mod straordinarju, eżemplari. Bħal fil-każ ta’ dawk li jsibu ruħhom f’esperjenzi partikularment iebsin u ta’ niket, li jħarbtulhom ħajjithom u dik ta’ l-għeżież tagħhom. Il-Knisja tilma bix-xhieda ta’ tant aħwa rġiel u nisa li qatt ma hedew jagħtu ħajjithom, biex jibqgħu fidili lejn il-Mulej u l-Vanġelu tiegħu. Anki l-lum ma jonqsux insara li f’tant irkejjen tad-dinja jissoktaw jiċċelebraw u jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom, b’konvinzjoni u b’serenità qawwija, u jżommu sodi anki meta jafu li dan jista’ jwassalhom iħallsu prezz ogħla. Anki aħna, ilkoll kemm aħna, nafu persuni li għaddew minn sitwazzjonijiet diffiċli, tant tbatijiet.

Imma jiġuna f’moħħna dawk l-irġiel, dawk in-nisa, li għandhom ħajja diffiċli, iridu jissieltu biex iżommu l-familja għaddejja, biex jedukaw lil uliedhom: dan kollu jagħmluh għax hemm l-ispirtu tal-qawwa li jgħinhom. Kemm irġiel u nisa – isimhom ma nafuhx – li jagħmlu ġieħ lill-poplu tagħna, jagħmlu ġieħ lill-Knisja tagħna, għax huma qawwija: qawwija fil-mod kif imexxu ħajjithom, il-familja tagħhom, ix-xogħol tagħhom, il-fidi tagħhom. Dawn ħutna huma qaddisin, qaddisin tal-ħajja ta’ kuljum, qaddisin moħbija f’nofsna: iġorru sewwa sew id-don tal-qawwa biex iwettqu d-dmir tagħhom ta’ persuni, ta’ missirijiet, ta’ ommijiet, ta’ aħwa, ta’ ċittadini. Minnhom għandna ħafna! Irroddu ħajr lill-Mulej għal dawn l-Insara li jġorru qdusija moħbija: hu l-Ispirtu s-Santu li għandhom ġo fihom li jmexxihom! U nagħmlu sew naħsbu f’dawn in-nies: jekk huma qed jagħmlu dan kollu, jekk huma kapaċi jagħmluh, għax mhux jien ukoll? U nagħmlu sew nitolbu lill-Mulej jagħtina d-don tal-qawwa.

Ma rridux naħsbu li d-don tal-qawwa neħtieġuh biss f’xi okkażjonijiet jew sitwazzjonijiet partikulari. Dan id-don irid ikun in-nota bażika tal-jien Nisrani tagħna, fl-ordinarjetà tal-ħajja tagħna ta’ kuljum. Kif għidt, f’kull ġurnata tal-ħajja tagħna ta’ kuljum irridu nkunu qawwija, għandna bżonn ta’ din il-qawwa, biex nistgħu nibqgħu mmexxu ħajjitna, il-familja tagħna, il-fidi tagħna. L-Appostlu Pawlu qal frażi li nagħmlu sew nisimgħuha: ‘Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini’ (Filippin 4:13). Meta nħabbtu wiċċna mal-ħajja ordinarja, meta jiġu d-diffikultajiet, niftakruha din: ‘Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini.’ Il-Mulej jagħti l-qawwa, dejjem, qatt ma jħallina nieqsa minnha. Il-Mulej ma jippruvaniex iżjed milli nifilħu. Hu dejjem magħna. ‘Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini.’

Għeżież ħbieb, xi kultant jista’ jkollna t-tentazzjoni li nħallu l-għażż jirbaħna, jew agħar, il-qtiegħ il-qalb, fuq kollox quddiem it-taħbit u l-provi tal-ħajja. F’dawn il-każi, ejjew ma naqtgħux qalbna, insejħu l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, biex bid-don tal-qawwa jerfa’ lil qalbna u jimla b’qawwa u ħeġġa ġdida lil ħajjitna u l-mixja tagħna wara Ġesù.”

  • U int, kemm titlob għad-don tal-qawwa biex bħal San Ewsebju jirnexxielek twettaq ir-rieda ta’ Alla fost ħafna kuntrarju u kurrenti opposti?

Talba: Agħtina l-grazzja, Mulej Alla tagħna, li nistqarru bis-sħiħ li Ibnek huwa Alla, kif xandar b’qawwa kbira l-Isqof San Ewsebju, u agħmel li nħarsu l-fidi kif hu għallimhielna, biex ikollna sehem fil-ħajja tal-istess Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-eusebius-of-vercelli/

Alternative Reading: https://www.catholicireland.net/saintoftheday/st-eusebius-of-vercelli-283-371-bishop-and-preacher-against-arianism/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Eusebius_of_Vercelli

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements