4 ta’ Awwissu: San Ġwann Marija Vianney

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Marija Vianney

“Din id-daqsxejn ta’ tbatija, li għaddejjin minnha issa, għad taqlgħalna glorja bla qjies għal dejjem. Għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, x’lesta Alla għal dawk li jħobbuh”. ~ Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Ġwann Marija Vianney (1 Ġwanni 4:16. 7).

maxresdefault (2)SAN ĠWANN MARIJA VIANNEY
Saċerdot
1786 – 1859

Tagħrif: Ġannmari Vianney twieled ħdejn Lyons, Franza, fl-1786, tliet snin qabel ir-Rivoluzzjoni Franċiża. Ta’ 13-il sena rċieva l-Ewwel Tqarbina bil-moħbi fir-razzett ta’ missieru waqt li l-ħaddiema baqgħu jaħdmu bħas-soltu biex ma jiġbdux l-attenzjoni tal-Awtorita’ Rivoluzzjonarja.

Fl-1804, meta kellu 18-il sena wera lil missieru x-xewqa li jsir qassis. Sa dan iż-żmien kien jaħdem fir-razzett ta’ missieru. Sentejn wara beda jattendi skola żgħira li Abbe’ Balley kien fetaħ għall-abbatini.

Fl-1809 sejħulu bil-lieva, iżda wara ftit ħalla.

Fl-1811 daħal is-Seminarju biex jibda l-filosofija, u fl-1813 beda t-teoloġija. Fl-istudju ma kien tajjeb xejn iżda fil-qdusija kien jgħaddi lil kulħadd. Kien mudell ta’ żagħżugħ tajjeb. Fl-1815, ta’ 29 sena ħa l-Quddiesa, u mar bħala assistent ta’ Abbe’ Balley.

Fl-1817 inbtagħat bħala Kappillan tar-raħal ta’ Ars, b’370 ruħ li kellhom antipatija kbira lejn ir-reliġjon. Ħafna minnhom ma kinux jisimgħu quddies. Kienu mehdijin wisq bil-ħwejjeġ tad-dinja. Fir-raħal kien hemm numru ta’ ħwienet tax-xorb u tad-divertiment.

Bil-mod, bit-talb, bil-visti lill-familji u b’attivitajiet reliġjużi, huwa rnexxielu jikkonverti ħafna minnhom u l-ħwienet tax-xorb u tad-divertiment bdew jagħlqu.

Fl-1824, bil-għajnuna ta’ żewġ xebbiet fetaħ skola b’xejn għall-bniet li wara saret l-istitut magħruf “La Providence”, għat-tfal orfni u abbandunati. Dawk li kienu jieħdu ħsiebu ma kellhomx salarju.

Il-fama qaddisa ta’ dan il-qassis ħarġet barra mir-raħal u xterdet fil-bogħod saħansitra barra Franza. Ars sar ċentru tal-pellegrinaġġi. Wasal żmien meta kienu jaslu f’Ars iktar minn tliet mitt pellegrin kuljum, għonja u foqra, qaddisin u midinbin, kbarat u mhumiex. Kien iqatta’ tnax-il siegħa kuljum fil-konfessinarju fix-xitwa, u sittax-il siegħa fis-sajf.

Il-Kurat ta’ Ars, kif kien sar magħruf, għamel 42 sena f’din il-ħajja, sakemm miet fl-4 ta’ Awwissu 1859. Il-kanonizazzjoni tiegħu għamilha l-Papa XI fl-1925.

Aktar dettalji
Is-superjuri tiegħu billi kienu jafu kemm moħħu ma jtihx, bagħtuh f’Ars għax qalu li hemm żgur ma setax jagħmel ħsara. F’dan il-post, il-knisja kienu jmorru xi ftit nisa xjuħ, in-nies kienu jaħdmu nhar ta’ Ħadd, jiskru u jħobbu jiżfnu. Wara għaxar snin, dan ir-raħal inbidel, saru konverżjonijiet u fejqan tal-għaġeb. Il-kurat kien iħabbar il-ġejjieni u jaqra l-qlub tan-nies. Huwa kien jitlob u jsum u jqarar ħafna. Kien jorqod biss xi tlieta jew erba’ sigħat. Kienu jiġu għall-pariri tiegħu bosta u bosta nies minn kull naħa ta’ Franza, tant li l-gvern kellu jwassal il-linji tal-ferrovija sa hemm.

Minkejja li kien miżmum b’qaddis minn ħafna, kien hemm oħrajn li kienu jippruvaw iwaqqgħuh għaċ-ċajt minħabba n-nuqqas ta’ għerf tiegħu. Għal 30 sena kien ukoll molestat spiss minn attakki tax-xitan li żgur ma kienx jaħmel jara dawk il-konverżjonijiet kollha jsiru f’riġlejn il-qaddis. Kien miġbud ħafna għall-ħajja iebsa tal-Kartużjani, u tliet darbiet ittanta jaħrab mill-parroċċa biex imur magħhom. Irrifjuta l-unuri kollha li riedu jagħtuh fl-aħħar snin ta’ ħajtu. Meta ġabulu l-Vjatku qal: “Kemm hija ħaġa ta’ niket li titqarben għall-aħħar darba!” Il-Papa Piju, erba’ snin wara li għamlu qaddis, ħatru Patrun tal-kappillani.

Ħsieb: Qari mill-katekeżi ta’ San Ġwann Marija Vianney, saċerdot bit-titlu ‘Dmir ħelu tal-bniedem: li jitlob u jħobb’:

“Uliedi, ġibu quddiem għajnejkom illi t-teżor tan-nisrani m’huwiex fuq din l-art, imma fis-sema. Mela għandna nżommu ħsibijietna fejn hemm it-teżor tagħna.

Dan hu d-dmir u l-uffiċċju ħelu tal-bniedem: li jitlob u jħobb. Jekk titolbu u tħobbu, araw, dan hu tabilħaqq l-hena tal-bniedem fuq din l-art.

It-talb mhux ħaġ’oħra ħlief l-għaqda tagħna ma’ Alla. Min għandu qalbu nadifa u marbuta ma’ Alla jħoss bħal għaxqa u ħlewwa tal-għaġeb, u madwar jxerred dawl li ma bħalu. F’din l-għaqda sħiħa, Alla u r-ruħ isiru qishom żewġ xemgħat imdewwba f’waħda u ħadd ma jkun jista’ jifridhom iżjed. Kemm hi ħaġa sabiħa din l-għaqda ta’ Alla mal-ħlejqa ċkejkna tiegħu! X’ferħ kbir li ħadd ma jista’ jifhmu!

Aħna konna sirna nies li ma jistħoqqilhomx jitolbu: imma Alla, ta’ tajjeb li hu, ħalliena nkellmuh. It-talb tagħna huwa inċens ta’ fwieħa li togħġbu mill-iżjed.

Uliedi, intom għandkom qalbkom ċkejkna, imma t-talb iwessagħhielkom u jagħmilha li tkun tista’ tħobb lil Alla. It-talb iħallina nduqu s-sema minn issa stess, iniżżlilna biċċa mill-ġenna. Qatt ma jċaħħadna mill-ħlewwa tiegħu; għax hu qisu għasel li jixxerred fir-ruħ u jagħmel kollox ħelu. Fit-talb, meta jsir sewwa, it-tbatijiet kollha jinħallu bħas-silġ fix-xemx.

It-talb jagħmel ukoll li ż-żmien itir ħafif, b’ferħ kbir għall-bniedem, li anqas jintebaħ li ż-żmien għaddej. Isimgħu din: meta jien kont kappillan fi Bresse, darba sħabi kważi kollha mardu, u għalhekk kien ikolli nagħmel mixjiet twal; imma fit-triq kont nitlob lis-Sid twajjeb tagħna, u, kif ngħidilkom jien, il-ħin xejn ma kont narah twil.

Hemm ukoll xi wħud li jegħrqu għalkollox fit-talb qishom ħuta fl-ilma, għax huma mogħtijin kollhom kemm huma lit-tjieba ta’ Alla. Lil dawn ma ssibilhom ebda firda f’qalbhom. Kemm inħobbhom lil dawn l-erwieħ ġenerużi San Franġisk ta’ Assisi u Santa Koleta kienu jaraw lil Sidna u jitħaddtu miegħu kif nitħaddtu aħna bejnietna.

Aħna, għall-kuntrarju, kemm drabi nidħlu fil-knisja bla ma nafu x’għandna nagħmlu jew x’għandna nitolbu! Safrattant, kull meta mmorru għand xi ħadd inkunu nafu sewwa għalfejn sejrin. Anzi xi wħud donnhom jgħidulu hekk lil Alla: “Kelmtejn biss se ngħidlek: li tagħtina l-maħfra….” Jien sikwit naħseb fuq dan: meta niġu biex naduraw lil Alla, naqilgħu mingħandu kull ma nitolbuh, jekk it-talb tagħna nagħmluh b’fidi ħajja ħafna u b’qalb tassew nadifa”.

Riflessjonijiet minn San Ġwann Marija Vianney:

  • “M’hemmx għalfejn nitkellmu ħafna biex nitolbu tajjeb. Aħna nafu li Alla qiegħed hemm; ejjew mela niftħu qalbna miegħu. Ejjew nieħdu pjaċir fil-preżenza tiegħu. Din hi l-aħjar talba.”
  • “Huwa dejjem żmien ir-rebbiegħa, fil-qalb ta’ min iħobb ’l Alla.”
  • “Aħna bħal tfal żgħar ma nafux nimxu fit-triq li tagħti għall-ġenna għax nogħtru u naqgħu, jekk id il-ħanin Alla ma tkunx pronta li tweżinna bil-grazzja tiegħu.

Li kieku xi ħadd ma jafekx, ngħidu aħna xi ħadd minn dinja oħra, kellu jifli ħajtek, u jara fik dak li jidher u wkoll dak li ma jidhirx, tgħid kien jasal għall-konklużjoni li:

  • int sempliċiment pellegrini fuq din l-art, jew
  • jieħu l-impressjoni li inti ma temminx fil-ħajja eterna, u ġej daqslikieku ser tibqa’ hawn?

Talba: Talba għas-saċerdoti: Mulej, agħtina qassisin jixbhu lilek, qassisin adattati għad-dinja tal-lum. Qassisin mimlija bl-Ispirtu s-Santu, iħobbu lilek, l-Ewkaristija u l-Kelma. Mulej, agħtina qassisin li jitolbu u li jgħallmuna nitolbu. qassisin li jħobbu ħafna liż-żgħażagħ lill-fqar u lil dawk li huma tal-aħħar. Qassisin li kapaċi juru l-ħlewwa u l-ħniena għall-miżerji kollha tad-dinja tal-lum. Missier qaddis, ħares fil-verità lis-saċerdoti tiegħek. Huma qegħdin fid-dinja, ħarishom mill-ħażen. Ammen.

O Alla ta’ setgħa u ħniena bla tarf, int għażilt lis-saċerdot San Ġwann Marija Vianney u żejjintu b’ħeġġa ta’ l-għaġeb fil-ħidma tiegħu bħala kappillan ta’ parroċċa; agħmel li, bl-eżempju u t-talb tiegħu, nirbħu bl-imħabba aħwa oħra għal Kristu, u li magħhom niksbu l-glorja ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/news/the-feast-of-saint-john-vianney—a-model-for-priests-57699

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-john-vianney/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Vianney

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements