5 ta’ Awwissu: Id-Dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore f’Ruma

Verżjoni Vidjo: Id-Dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore f’Ruma

“Qaddisa Marija, Omm Alla, itlob għalina midinbin, issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna”. ~Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa tad-Dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore f’Ruma.

basilcamarymajor.jpgID-DEDIKAZZJONI TAL-BAŻILIKA TA’ SANTA MARIJA MAGGIORE F’RUMA

Fis-sena 355, fi żmien il-Papa San Liberju (352-366), kienet inbniet knisja fuq il-għolja Eskwilin, f’Ruma, iddedikata lill-Madonna, li biż-żmien kienet saret magħrufa bħala l-“Bażilika Liberjana”.

Fis-sena 431, ftit wara l-Konċilju ta’ Efesu kien stqarr li Omm Ġesù hi Omm Alla, il-Papa Sistu III kabbar din il-knisja u kkonsagraha f’ġieħ l-Omm qaddisa ta’ Alla.

Din il-Bażilika hija l-iktar waħda antika fost il-knejjes tal-Punent li huma ddedikati f’ġieħ il-Madonna, taħt it-titlu ta’ Omm Alla. Biż-żmien saret magħrufa bħala ”Santa Marija Maggiore”. Ġieli tissejjaħ ukoll “Santa Maria ad praesepe” għax fiha hemm miżmuma s-suppost relikwija tal-maxtura ta’ Betlem.

Hi wkoll waħda mit-tliet knejjes patrijarkali, li fihom il-Papa jmexxi l-funzjoni f’ċerti okkażjonijiet. Iż-żewġ knejjes patrijarkali l-oħra huma ta’ San Pietru u ta’ San Ġwann Lateran.

Fis-seklu disgħa xterdet leġġenda li wasslet biex din il-festa tibda tissejjaħ “Il-Festa tal-Madonna tas-Silġ”. Li skont il-leġġenda, għatta l-post fejn il-Madonna riedet li tibnielha knisja. Permezz ta’ dehra tagħha, lil wieħed għani jismu Ġanni, talbitu li tinbena knisja ddedikata lilha fuq il-post li kellha turih. B’hekk inbniet il-knisja fil-pontifikat tal-Papa Liberju fuq il-post muri mill-Madonna fuq il-għolja Esquilino. Fl-iskrizzjoni tad-dedika tal-Papa Sistu dan il-fatt mhux imsemmi. Ebda tifkira ma nsibu ta’ dan il-miraklu qabel xi mijiet ta’ snin wara, u issa hu magħruf bħala leġġenda.

Kummissjoni għar-riforma tal-Brevjarju rrikkmandat lill-Papa Benedittu XIV, fl-1742, biex din il-festa terġa’ tissejjaħ “Id-Dedikazzjoni ta’ Santa Marija” bħal qabel. Dan it-tibdil għadu ma sarx ħlief fil-kalendarju l-ġdid tal-Benedittini (1915).

Din il-knisja hi waħda mill-aktar magħrufa fid-dinja għad-devozzjoni tal-fidili lejn il-Madonna. Ġewwa l-Knisja hemm pittura tal-Madonna bit-tfajjel ċkejken li jingħad li kien ix-xogħol ta’ San Luqa. Din hija magħrufa bħala “Salus Populi Romani” jiġifieri l-protettriċi tal-poplu Ruman. Il-Papa Franġisku, l-għada li kien elett, kmieni filgħodu għamel vista privata quddiem dan il-kwadru, poġġa bukkett ward u qagħad jitlob lill-Madonna.

Ħsieb: Fl-Eżortazzjoni Appostolika “Marialis Cultus” il-Qaddis Papa Pawlu VI għat-tmexxija tajba u l-iżvilupp tad-devozzjoni lejn l-Imqaddsa Verġni Marija, insibu dan:

“Marija mhux biss hija mudell tal-Knisja kollha fit-taħriġ tal-qima divina, imma hija wkoll għalliema tal-ħajja spiritwali għal kull nisrani. Sa mill-bidu l-insara bdew iħarsu lejn Marija u bħalha jagħmlu ħajjithom qima ‘l Alla u jagħmlu l-qima bħala l-impenn ta’ ħajjithom. Sa mir-raba’ seklu, San Ambroġ meta kien ikellem lin-nies kien jgħidilhom li jittama li kull wieħed minnhom ikollu l-ispirtu ta’ Marija biex ifaħħar ‘l Alla: “Għandu jkun f’kull nisrani l-ispirtu tagħha biex jifraħ f’Alla”.

Fuq kollox Marija hija l-mudell ta’ dik il-qima li tagħmel mill-ħajja offerta lil Alla. Dan hu tagħlim antik, imma li jiswa għal dejjem u li kulħadd jista’ jisma’ billi jagħti każ tat-tagħlim tal-Knisja, u billi jisma’ l-leħen tal-Verġni meta minn qabel wettqet it-talba tal-għaġeb li għamel il-Mulej: “Ikun li trid int” (Mattew 6:10), billi wieġbet għall-ħabbâr ta’ Alla: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej: isir minn skont kelmtek” (Luqa 1:38). L-“iva” ta’ Marija hija tagħlima u eżempju għall-insara kollha biex l-ubbidjenza għar-rieda tal-Missier tkun it-triq u l-mezz tal-qdusija tagħhom.

Min-naħa l-oħra huwa importanti li tara kif il-Knisja turi b’ħafna modi ta’ qima, r-relazzjoni tagħha ma’ Marija:

  • b’qima kbira meta taħseb fuq il-kobor tal-Verġni li saret Omm il-Verb inkarnat permezz tal-Ispirtu;
  • b’imħabba li tħeġġeġ meta tara ‘l Marija, omm spiritwali tal-membri kollha tal-ġisem mistiku;
  • b’tama meta tħoss l-id tal-Avukata u l-Għajnuna tagħha;
  • b’servizz ta’ mħabba meta tara fil-qaddejja umli tal-Mulej is-Sultana tal-Ħniena u l-Omm tal-grazzja;
  • b’eżempju ħerqan meta taħseb fuq il-qdusija u l-virtujiet tal-“Mimlija bil-Grazzja” (Luqa 1:28);
  • bi stagħġib kbir meta tara fiha “ix-xbieha l-aktar safja li tixtieq u tittama li tkun”;
  • bi studju bir-reqqa meta tara fis-Sieħba tal-Feddej li ġa għandha sehem sħiħ mill-frott tal-misteru tal-Għid, minħabba l-milja tagħha tal-futur, sakemm jasal il-jum li fih, imnaddfa minn kull tikmixa u minn kull tebgħa (Efesin 5:27), issir bħal għarusa mżejjna għall-Għarus, Ġesù Kristu (Apokalissi 21:2).

Marija hija l-unika mara li stħaqqilha tissejjaħ “omm” u “għarusa”. Waqt li l-omm tan-nisel tagħna daħħlet il-piena fid-dinja, l-Omm tal-Mulej tagħna reġgħet wildet il-fidwa tagħha. Eva, meta qatlet, ħassret; Marija meta tat il-ħajja, ġabet ir-risq. Eva sawtet, Marija fejqet. Il-Verġni, b’mod tal-għaġeb u uniku, nisslet lis-Salvatur tagħha u ta’ kollox. Hija t-tempju ta’ Alla, l-għajn imħabbra, il-bieb fid-dar tal-Mulej! ~ Ambroġ Autperto, Seklu VIII

Jeħtieġ li nivveneraw b’qima kbira u nuru devozzjoni tenera lil Sidtna Marija għaliex hija l-akwadott li permezz tiegħu aħna nirċievu l-grazzji li “Alla jogħġbu jibagħtilna.” ~ San Bernard

Talba: Sliem għalik, kewkba tal-baħar, Omm qaddisa u kbira t’Alla, dejjem Verġni bla mittiefsa, bieb il-hena u ferħ tas-sema. Uri li tassew int Ommna, wasal talbna quddiem Alla, li fi ħnientu twieled minnek biex isir għalina bniedem. (Mill-Innu tal-Għasar)

Warrab minn quddiem għajnejk, Mulej, il-ħtijiet tal-poplu tiegħek, biex aħna, li ma għandniex ħila nogħġbuk b’dak li nagħmlu aħna, insalvaw bit-talb ta’ Omm Ibnek, Ġesu’ Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://catholicexchange.com/dedication-of-the-basilica-of-st-mary-major

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/dedication-of-saint-mary-major-basilica/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Dedication_of_the_Basilica_of_St_Mary_Major

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements