6 ta’ Awwissu: It-Trasfigurazzjoni tal-Mulej

“Wiċċ Ġesù sar jiddi bħax-xemx u d-dixxipli stagħġbu kif raw il-glorja tiegħu, u mtlew bil-biża’. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu”. ~ Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej (Mattew 17:2.3; Luqa 9:32. 34).

jesus_transfigurationIT-TRASFIGURAZZJONI TAL-MULEJ

Tagħrif: Meta Ġesù kien fil-Galilija, xi sena qabel il-Passjoni, huwa ħa lil San Pietru, San Ġakbu u San Ġwann, fuq il-għolja Tabor u mmanifesta l-glorja tiegħu lilhom billi tbiddel quddiemhom, u wiċċu beda jiddi bħax-Xemx, u lbiesu saru bojod bħad-dawl. Fl-istess waqt Mose’ u Elija dehru wieħed fuq kull naħa tiegħu jitkellmu miegħu fuq il-mewt li Hu kellu jsofri f’Ġerusalemm.

Pietru maħruġ barra minnu nnifsu qal lil Ġesù: “Tajjeb li aħna hawn; jekk trid, nagħmel tliet għarajjex, wieħed għalik, wieħed għal Mose’ u wieħed għal Elija. Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom, u ġie leħen mis-sħaba: “Dan hu ibni l-maħbub li bih nitgħaxxaq; lilu isimgħu”.

Malli d-dixxipli semgħu dan waqgħu b’wiċċhom mal-art u beżgħu ħafna. Imbagħad resaq Ġesù, messhom u qal: ”Qumu u la tibżgħux”. X’ħin refgħu għajnejhom, ma raw ’il ħadd ħlief ’il Ġesù waħdu. U huma u neżlin mill-muntanja, Ġesù ordnalhom: “La tgħidu lil ħadd fuq id-dehra sa ma jqum Bin il-bniedem mill-imwiet. (Mattew 17:1-13; Mark 9:2-9; Luqa 9:28-36)

L-appostli tant issaħħru bl-isplendur li raw li ma xtaqux jitilqu minn hemm. Pero’ Ġesù ma żammhomx hemm. Niżżilhom minn fuq l-għolja u reġa’ daħħalhom fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum, fejn ftit żmien wara sofra l-passjoni u l-mewt. Ġesù ried juri lill-appostli (u lilna) li kien jeħtieġ li jgħaddu mit-taħbit, mill-hemm, mit-tbatija tal-ħajja qabel ma jidħlu miegħu fil-glorja.

Ninnutaw ukoll li San Pietru tant kien barra minnu nnifsu li meta wera x-xewqa li jibni l-għarajjex nesa jsemmi l-għarix għalih u għal sħabu. U dan għax Ġesù dewwaqhom ftit glorja – ftit li xejn – li hemm lesta għal dawk li jħobbuh!

Il-festa tat-trasfigurazzjoni ilha tiġi ċċelebrata b’solennità kbira fil-Lvant sa mis-seklu sitta. Kienet iċċelebrata wkoll f’xi nħawi fil-Punent fil-Medjuevu, sakemm ġiet estiża għall-knisja kollha fl-1457 minn Kallistu III biex tfakkar ir-rebħa tal-insara fuq it-Torok f’Belgrade s-sena ta’ qabel. F’Malta, il-parroċċa ta’ Ħal Lija hi ddedikata lit-trasfigurazzjoni li fostna nsejħulha l-Festa tas-Salvatur.

Ħsieb: Qari minn Diskorsi ta’ l-isqof Anastasju tas-Sinaj f’jum it-Trasfigurazzjoni tal-Mulej bit-titlu ‘Hu sew li aħna hawn’:

“Ġesù għarraf lid-dixxipli tiegħu b’dan il-misteru fuq it-Tabor: huwa u miexi magħhom, kellimhom fuq is-Saltna tas-Smewwiet u fuq it-tieni miġja tiegħu fil-glorja. Huma setgħu ma fehmux biżżejjed dak li qalilhom fuq is-Saltna tas-Smewwiet, għalhekk, biex ikunu żguri għal kollox f’qalbhom fuq dak li qalilhom, fuq it-Tabor deher quddiemhom f’dehra tal-għaġeb, biex jagħtihom ħjiel tad-dehra tal-glorja fis-Saltna tas-Smewwiet, u hekk minn dak li raw setgħu jaslu biex jemmnu f’dak li kellu jseħħ għal li ġej. Qisu ried jgħidilhom: “Biex iż-żmien li għad irid jgħaddi ma jġibx fikom nuqqas ta’ fidi, minn issa stess tassew ngħidilkom, li hawn xi wħud minn dawk li qegħdin hawn, li ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw Bin il-bniedem ġej fil-glorja ta’ Missieru.

L-Evanġelista, biex juri li Kristu kellu s-setgħa li jagħmel dan, żied jgħid Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ‘l Ġakbu u ‘l ħuh Ġwanni weħidhom, tellagħhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħas-silġ. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu.

Dan hu l-miraklu li tfakkar il-festa ta’ llum, dan hu l-misteru tas-salvazzjoni li seħħ issa fuq il-muntanja, u aħna nġbarna hawn flimkien biex niċċelebraw kemm il-mewt ta’ Kristu u kemm il-glorifikazzjoni tiegħu. Ejjew mela nkunu mħejjija biex nisimgħu l-leħen qaddis ta’ Alla ġej mis-sema, li qed isejjħilna mill-għoli tal-muntanja, biex, flimkien ma’ dawk li l-Mulej għażel minn fost id-dixxipli li għażillu Alla, naslu biex nifhmu l-għoli ta’ dan il-misteru tal-għaġeb.

Lejn din il-muntanja għandna nħaffu – u dan ngħidu bil-kuraġġ kollu – bħal Ġesù, li fis-sema, fejn mar qabilna, hu l-mexxej tagħna; hemm fuq miegħu, bl-għajnejn ta’ ruħna jiddu, imġeddin b’xi mod fis-sura ta’ ruħna, aħna nsiru nixbħuh, u bħalu ninbidlu bla heda, għax, imħejjija dejjem għal glorja aqwa, aħna mseħbin fin-natura tiegħu ta’ Alla.

Lejn din il-muntanja niġru qalbna qawwija u ferħanin nidħlu ‘l ġewwa fis-sħaba, qisna Mosè u Elija, jew Ġakbu u Ġwanni. Ħa nkunu bħal San Pietru, kollu medhi fid-dehra tal-glorja ta’ Alla, trasfigurat minn dik it-Trasfigurazzjoni tal-għaġeb, maqtugħ mid-dinja, u merfugħ mill-art. Bħalu nħallu l-ġisem, nitbiegħdu mid-dinja, induru lejn min ħalaqna, lejn dak li San Pietru, mitluf minn sensih f’hena bla qjies, mar jgħidlu: Kemm hu sew li aħna hawn.

U tassew, Pietru, kemm hu sew li aħna hawn ma’ Ġesù, kemm hu sew li nibqgħu hawn għal dejjem. X’hemm aqwa, x’hemm aktar ta’ hena, x’hemm aħjar milli tkun dejjem ma’ Alla, tkun tixbħu, timxi fid-dija tad-dawl tiegħu? Iva, kull wieħed minna, kull min għandu lil Alla fih, kull min sar xebħ ma’ Alla, bil-ferħ kollu jista’ jgħid: Kemm hu sew li aħna hawn fejn kollox jiddi, fejn ma hawnx ħlief ferħ u hena u gost u pjaċir, fejn il-qalb hi f’sikkitha fis-sliem u l-paċi, fejn naraw lil (Kristu) Alla. Hawn aħna ngħammru, u meta nidħlu ngħidu: F’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni; hawn ma’ Kristu jinsabu teżori bla qjies ta’ l-għana ta’ dejjem, hawn jinsab il-bidu u d-dehra qisu f’mera taż-żminijiet li għad iridu jiġu”.

  • U int, kif tħares lejn Ġesù?
  • Tarah bħala s-Salvatur tiegħek; bħala Alla tiegħek; u tħobbu għax Hu hekk tabilħaqq?
  • Qed tħallieh jitrasformak bid-Dawl tal-Kelma tiegħu?

Talba: O Alla, fit-Trasfigurazzjoni glorjuża ta’ Ibnek il-waħdieni int saħħaħt il-misteri tal-fidi bix-xhieda ta’ missirijietna, u b’mod tal-għaġeb urejt minn qabel kif aħna konna se nsiru tassew ulied adottivi tiegħek: agħmel li aħna, qaddejja tiegħek, nisimgħu leħen Ibnek il-għażiż biex jistħoqqilna nsiru werrieta miegħu, Ibnek Ġesù Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2018/08/feast-of-transfiguration-of-our-lord.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/the-transfiguration-555

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Transfiguration_of_Jesus

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements