7 ta’ Awwissu: San Gejtanu

Verżjoni Vidjo: San Gejtanu

“Fittxu l-ewwel is-saltna t’Alla”. ~ Ġesu’ f’Mattew 6:33.

St CajetanSAN GEJTANU
Saċerdot
1480 – 1547

Tagħrif: San Gejtanu twieled f’Vicenza, l-Italja, fl-1480, minn familja sinjura u nobbli.

Fl-1504, meta kellu 24 sena rċieva d-Dottorat mill-Universita’ ta’ Padova.

Irritorna Vicenza u sar Senatur. Iżda beda jħoss li għandu jservi ‘l Alla iktar mill-qrib. Fl-1506 mar Ruma. Hemm daħal fil-Konfraternita’ tal-Imħabba Divina li għenitu ħafna biex jissaħħaħ fis-sejħa għas-saċerdozju. Sar qassis fl-1516.

Fl-1518 mar Vicenza biex jassisti lil ommu li kienet qed tmut, u wara li amministralha s-sagramenti mietet f’idejh.

F’Vicenza sar membru tal-Oratorju ta’ San Ġirolmu, u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu jdur bil-morda inkurabbli.

Fl-1520 mar Verona fejn waqqaf Oratorju simili. Wara ħames xhur mar Venezja fejn beda jaħdem fi sptar ġdid tal-belt, u tant ħadem fih li kien meqjus bħala l-fundatur ewlieni tiegħu.

Fl-1523 telaq minn Venezja u mar Ruma. Flimkien ma’ Ġwann Pietru Carafa li wara sar il-Papa Pawlu IV, u żewġ qassisin oħra, waqqaf it-Teatini, Kjeriċi Regolari, jiġifieri saċerdoti li jgħixu flimkien taħt regola. Bħala l-ewwel Superjur Ġenerali ntgħażel Carafa li qabel kien Isqof ta’ Chieti, bil-latin Theate. Minn hawn ġej l-isem “Teatini”. Carafa kien irriżenja minn Isqof biex seta’ jingħaqad ma’ Gejtanu.

Huma kienu jirrifjutaw benefiċċji u bla ma jittallbu, kienu jiddependu fuq id-donazzjonijiet volontarji li l-providenza t’Alla kienet tibgħat. Il-motto fuq l-arma tagħhom kien: “Fittxu l-ewwel is-saltna t’Alla.” Fost il-prattiċi piji li tradizzjonalment ġew imxerrda mill-Kjeriċi Regolari nsibu l-“att erojku” li bih wieħed iċedi mhux biss il-valur satisfatorju tal-opri tajba li jwettaq f’ħajtu iżda wkoll is-suffraġji, favur l-erwieħ tal-Purgatorju.

Meta fl-1527, Karlu V għamel straġi minn Ruma, it-Teatini, li darhom kienet ġiet imħarbta, kellhom jaħarbu, u marru Venezja.

Fl-1530, Gejtanu ntgħażel Superjur wara Carafa, u dam it-tliet snin taż-żmien tiegħu. Warajh reġa’ ntgħażel Carafa.

Fl-1543 kien qiegħed Napli, u biex jgħin lill-foqra waqqaf il-“Montes Pietatis”, il-Bank tal-Ħniena, minn fejn il-foqra setgħu jisselfu l-flus billi jħallu xi ħaġa bħala rahan, u wara jeħduha lura. Dak li beda San Gejtanu, illum sar il-Bank ta’ Napli.

San Gejtanu miet f’Napli fis-7 ta’ Awwissu 1547, fl-eta’ ta’ 67 sena. Ġie kkanonizzat fl-1671 mill-Papa Klement X. Gejtanu kien wieħed mir-riformaturi kbar kattoliċi u ħafna mir-riformi li wettaq il-Konċilju ta’ Trentu kienu antiċipati minn San Gejtanu u mqegħdin fil-prattika minnu ħafna qabel ma tlaqqa’ l-konċilju.

Waħda miż-żewġ parroċċi tal-Ħamrun hija ddedikata lill-“Qaddis tal-Providenza”, San Gejtanu Thiene.

Ħsieb: Mill-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna, fil-Parroċċa ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun (6 ta’ Jannar 2018):

Id-devozzjoni lejn il-Verb Inkarnat wasslet lil Gejtanu ta’ Thiene biex imur jitlob qrib il-maxtura ta’ Ġesù. Imma kien konxju tad-dgħjufija tiegħu, kien konxju ukoll tad-dnubiet tiegħu. Quddiem l-imħabba li wrieh l-Imgħallem, dejjem kien iħossu mhux żelanti biżżejjed. “Għal ħafna snin,” jgħid, “ħallejt lill-imsejkna ruħ tiegħi tindarab f’ġerħat li fnew, kont imfissed u nagħti l-għala wisq lill-ġisem, lid-dinja u lill-għadu ta’ ruħi”.

Meta naqraw dawn il-kliem ta’ San Gejtanu, nifhmu li qisna qegħdin naqraw xi kumment li niktbu aħna fuqna nfusna. Meta aħna nersqu lejn il-qaddisin, nagħmlu kuraġġ kbir. L-ewwel kuraġġ li nagħmlu huwa li nifhmu li huma m’għandhom l-ebda problema jistqarru d-dgħjufija tagħhom. M’għandhom l-ebda kumpless żejjed biex jistqarru li huma midinbin u midinbin ta’ vera. Mhijiex umiltà falza din ta’ San Gejtanu, imma umiltà vera ta’ bniedem dgħajjef li għandu bżonn jagħmel għażla.  

Id-deċiżjoni ta’ San Gejtanu aħna nafuha. Id-deċiżjoni ta’ San Gejtanu hija dik li ma jċedix quddiem id-dgħufija u d-dnubiet tiegħu. Hu jsemmi d-dnubiet tal-ġisem, id-dnubiet tad-dinja, il-fatt li jċedi għall-għadu. 

X’inhu l-messaġġ għalina? Jekk San Gejtanu, konxju mid-dgħufija tiegħu, ikollu l-esperjenza tad-dija tal-wiċċ ħanin tal-Mulej jiddi fuqu, inti wkoll, aħna lkoll kemm aħna, imsejħin biex nitpaxxew bil-ħniena u d-dija tas-sebħ tal-Mulej fis-sagramenti, fil-Qrar, fl-Ewkaristija. 

Aħna rridu nkunu bħal San Gejtanu, bħal San Ġorġ Preca, li jindikawlna lil Ġesù, u nħarsu lejh u nilqgħuh mingħand Marija. Bħalma kien jgħid San Ġwann tas-Salib: “Jekk inti tilqa’ lil Marija, hi tiġi għandek, toqgħod għandek u ġġib magħha lill-Verb Inkarnat, il-Kelma ta’ Alla magħmul bniedem.”

Għalhekk, ejjew nilqgħu lill-Madonna hi u tagħtina lil Ġesù, u nitolbu l-interċessjoni ta’ San Gejtanu biex dak li għadda minnu u li kkonvertieh, “inqum, u għalkemm ma jistħoqqlix, jiena nkun qaddej tas-sid umli tiegħek”, aħna wkoll inkunu qaddejja tas-Sid umli tagħna għax nafu li afdalna teżor kbir, nafu li l-“ġarar tagħna tal-fuħħar”, imma għalina biżżejjed il-grazzja tiegħu”.

  • U int, kemm temmen fil-Providenza Divina?
  • Kemm hi kbira l-fiduċja tiegħek f’Alla?
  • Inti tħalli lil Alla jużak biex inti stess tkun providenza għal ħaddieħor?

Talba: O Alla, inti tajt lis-saċerdot San Gejtanu l-grazzja li jgħix ħajja bħal tal-appostli; agħmel li aħna, bl-eżempju u t-talb tiegħu, inqiegħdu dejjem fik it-tama tagħna u qatt ma nieqfu nfittxu s-saltna tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2018/08/saint-cajetan.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-cajetan/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Cajetan

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements