8 ta’ Awwissu: San Duminku

Verżjoni Vidjo: San Duminku

“Qam bħal nar predikatur ġdid tas-salvazzjoni. Kelmtu kienet tħeġġeġ bħal torċa. Kellu f’fommu tagħlim is-sewwa, u ebda ħażen ma nstablu fuq xufftejh.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Duminku (Sirak 48:1; Malakija 2:6a).

89916952_o.jpgSAN DUMINKU
Saċerdot
1170 – 1221

Tagħrif: San Duminku twieled f’Calaruega, Spanja, fl-1170. Meta kellu erbatax-il sena daħal l-Università, ta’ Palencia, biex jistudja l-filosofija u t-teoloġija. Waqt li kien għadu student sar Kanonku tal-Katidral ta’ Osma. Wara l-Ordinazzjoni tiegħu fl-1195, mar jgħix mal-Kanonċi skont ir-Regola ta’ Santu Wistin. Fl-1201, sar il-Pirjol tal-Kapitlu.

Fl-1204, kien mal-Isqof tiegħu qed jivvjaġġa fi Franza, u ra l-ħsara li kienu qed jagħmlu l-Albiġiżi, (minn Alby, Franza, li fost tagħlim eretiku ieħor kienu jsostnu li l-ispiritwali huwa tajjeb, u l-materjali huwa ħażin, u li Ġesù ma twelidx tassew minn Marija). Flanguedoc iltaqa’ ma’ wieħed Albiġiż u għadda l-lejl kollu jiddiskuti miegħu sakemm ikkonvinċieh u rah jerġa’ jħaddan it-twemmin Kattoliku.

Minn din il-laqgħa, San Duminku ra ċar li l-missjoni tiegħu kienet li jipprietka l-Vanġelu u jikkumbatti l-ereżija ta’ l-Albiġiżi. Għalhekk ġabar madwaru grupp ta’ għalliema biex jgħinuh iwettaq il-ħsieb tiegħu, u b’xi nisa minnhom waqqaf il-kunvent ta’ Prouille fl-1206. Huwa baqa’ f’Languedoc għal kważi għaxar snin jipprietka bla serħan.

Fl-1212, mar Toulouse, u fl-1215, attenda r-Raba’ Konċilju Lateran, f’Ruma.

Lura f’Toulouse waqqaf l-Ordni tal-Predikaturi jew kif saru magħrufin “Id-Dumnikani,” fil-25 ta’ April, 1215. L-għan prinċipali tal-Ordni kien li l-membri tiegħu jgħaqqdu l-għerf mal-qdusija u s-sempliċità, tal-ħajja u jipprietkaw il-Vanġelu ħalli jikkumbattu l-ereżija ta’ l-Albiġiżi. Il-Papa Onorju III approva l-Ordni f’Diċembru, 1216.

F’qasir żmien id-Dumnikani xterdu fi Spanja, fi Franza, l-Ingilterra, l-Italja u f’pajjiżi oħra. Fl-1220, il-Papa Onorju III ħatar lil San Duminku bħala Superjur Ġenerali tal-Ordni. F’dik l-istess sena, San Duminku sejjaħ l-ewwel Kapitlu Ġenerali, f’Bologna.

San Duminku kien ikun spiss ħsiebu f’Alla, jekk ma kienx jitkellem fuq Alla bil-prietki tiegħu, kien jitkellem ma’ Alla fit-talb. Ma kienx jgħaddi mument li ma jaħsibx f’Alla.

F’Bologna marad u wara xi tliet ġimgħat miet, fis-6 ta’ Awwissu, 1221. Il-Papa Girgor IX ipproklamah Qaddis, fl-1234.

Huwa għamel ir-Rużarju devozzjoni mill-aktar popolari speċjalment biex jikkumbatti l-ereżija tal-Albiġiżi.

Il-fdal tiegħu jinsab meqjum Bologna, fil-Bażilika tal-Patrijiet Dumnikani. Dakinhar li miet il-Fundatur, kien hemm diġà fuq 60 kunvent tal-patrijiet, li kienu fl-Italja, fi Franza, fi Spanja, fl-Ingilterra, fil-Polonja, fil-pajjiżi Skandinavi, fil-Palestina, eċċ.

Illum id-Dumnikani jinsabu mxerrdin ma’ kullimkien. Kellhom tul 700 sena, iktar minn 40 qaddis, mijiet ta’ beati, fosthom ħafna martri, 4 Papiet, mal-100 kardinal u mijiet kbar ta’ Isqfijiet, barra minn tant għorrief ewlenin, fosthom San Tumas t’Aquino u San Albertu Manju.

Duminku, bniedem ta’ talb, ta’ penitenzi ħorox, imma wkoll ta’ ħlewwa u tjieba ma’ kulħadd, kien ċertament wieħed mill-ikbar ġganti ta’ għerf u ta’ qdusija, li qatt kellha l-Knisja Mqaddsa.

Ħsieb: Qari minn dokumenti fuq l-istorja tal-Ordni tal-Predikaturi bit-titlu ‘Kien jitkellem ma’ Alla jew fuq Alla’:

“Duminku kien bniedem ta’ virtù kbira, imħeġġeġ kollu kemm hu bl-imħabba ta’ Alla; bla dubju ta’ xejn, kien mimli bil-ġieħ u bil-grazzja. Kellu karattru tassew qawwi u dejjem l-istess, u ma kienx jinbidel ħlief meta jħoss u jħenn għall-oħrajn. U billi l-hena tal-qalb jidher f’wiċċ il-bniedem, it-tjieba u l-ferħ li kienu jidhru fuq il-wiċċ ta’ Duminku kienu jixhdu s-sliem u l-hena ta’ qalbu.

Kien iġib ruħu ta’ bniedem evanġeliku kullimkien, bil-kliem u bl-għemil. Matul il-ġurnata, ħadd daqsu ma kien ikun hekk twajjeb u ħlejju ma’ ħutu u sħabu. Fis-sigħat tal-lejl, ħadd daqsu ma kien idum jishar u jitlob b’ħafna modi. Ma kontx tarah wisq jitkellem jekk mhux ma’ Alla, jiġifieri fit-talb, jew fuq Alla; u kien iwissi lil ħutu r-reliġjużi biex jagħmlu hekk huma wkoll.

L-aktar ħaġa partikolari li sikwit kien jitlob lil Alla kienet dik li jimlieh bi mħabba tassew, u li jqawwih fil-ħidma u t-tħabrik għas-salvazzjoni tal-bnedmin; kien iqis li ma jistax ikun tassew membru ta’ Kristu qabel ma jingħata kollu kemm hu u b’ħiltu kollha biex jirbaħ l-erwieħ, bħalma Sidna Ġesù, is-Salvatur tal-bnedmin, ta lilu nnifsu kollu kemm hu għas-salvazzjoni tagħna. Għal din il-ħidma, wara li kien ilu żmien twil jaħseb, waqqaf l-Ordni tal-Predikaturi.

Bosta drabi, bil-kliem u bil-kitba, kien iwissi lil ħutu r-reliġjużi ta’ dan l-Ordni biex jitgħallmu fuq il-Kotba Mqaddsa tat-Testment il-Ġdid u l-Qadim. Hu nnifsu kien dejjem iġorr miegħu l-Evanġelju ta’ San Mattew u l-Ittri ta’ San Pawl u kien jistudjahom ħafna hekk li sar qisu jafhom bl-amment.

Darbtejn jew tliet darbiet għażluh biex isir Isqof, iżda hu qatt ma ried, għax aktar xtaq jibqa’ jgħix fil-faqar ma’ ħutu r-reliġjużi milli jsir Isqof xi mkien. Sa l-aħħar ta’ ħajtu baqa’ jħares bla mittiefes il-ġieħ tas-safa tiegħu. Kien jixtieq li jiġi msawwat u mqatta’ bċejjeċ u jmut għall-fidi ta’ Kristu. Il-Papa Girgor IX stqarr dan fuqu: ‘Jiena nafu b’raġel li mexa għalkollox fuq il-mudell tal-Appostli. Ma hemmx dubju li ssieħeb mal-istess Appostli fil-glorja tas-sema.’

Min jaf kemm ġid sar permezz tar-Rużarju! Kemm nies għamlu mewta tajba, kemm nies biddlu ħajjithom, kemm grazzji nqalgħu! Ejjew ma ninsewx li hu l-aktar talba li tagħti unur lill-Madonna u dik li hi tkun qed tistenniena nitolbu bil-ħerqa. Tassew li kulħadd jafu dan, imma kulħadd jitolbu? Bħala għajnuna biex wieħed jitlob ir-Rużarju, tistgħu tidħlu fil-Youtube Channel bl-isem ta’ Rużarji u Devozzjonijiet bil-Malti. Fih issibu ġabra ta’ vidjows kollha fuq ir-Rużarju. Ara din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/youtube/

Il-Beatu Ġordan tas-Sassonja (ara Ġordan tas-Sassonja) kiteb hekk fuq San Duminku:
“Xejn ma kien ifixkel l-ekwanimità tiegħu, il-paċi u s-serenità tar-ruħ, jekk mhux is-simpatija lejn il-batuti. Wiċċu kien jirrifletti l-vera ferħ li kien iħoss. Duminku kien ħabib u ferrieħi. Kont tara fih dik il-paċi ġenwina tar-ruħ.”

  • U fik, taħseb lin-nies jistgħu jaraw dik il-paċi li l-Mulej wiegħed lil dawk li jimxu fit-triq tas-Sewwa?
  • Qiegħed/ Qiegħda xxandar lil Kristu bi kliemek u l-aktar b’għemilek?

Talba: Mulej, int għamilt lil San Duminku predikatur mill-aqwa tal-verità tiegħek: agħmel li huwa jgħin lill-Knisja tiegħek bil-merti u t-tagħlim tiegħu, u li jidħol għaliha quddiemek bit-talb qaddis tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-dominic/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-dominic-556

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Dominic

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements