14 ta’ Awwissu: San Massimiljanu Marija Kolbe

Verżjoni Vidjo: San Massimiljanu Marija Kolbe

“Għal Ġesu’ Kristu, jien lest li nsofri ħafna aktar.” San Massimiljanu Marija Kolbe

maxresdefaultSAN MASSIMILJANU MARIJA KOLBE
Saċerdot u Martri
1894 – 1941

Tagħrif: Dan il-Qaddis twieled fis-7 ta’ Jannar tas-sena 1894 f’Zdunska-Wola, fil-Polonja, bl-isem ta’ Rajmond.

Fl-1907, Rajmond u ħuh Franġisku qasmu l-fruntiera u marru f’Leopoli, l-Awstrija biex jistudjaw fil-Kulleġġ tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali. Fl-1910 Rajmond beda n-novizzjat magħhom, u fl-istess waqt bidel ismu f’Massimiljan. Sena wara għamel il-professjoni reliġjuża. Fl-1912 intbagħat Ruma biex jistudja l-Filosofija u t-Teoloġija.

Fl-1914 għamel il-professjoni solenni tiegħu, u b’qima lejn il-Madonna żied l-isem “Marija” ma’ Massimiljan.

Fl-1917, flimkien ma’ sitta minn sħabu waqqaf il-“Unjoni Pija tal-Milizzja tal-Immakulata”.

Fit-28 ta’ April tas-sena 1918 ġie ordnat saċerdot, u sena wara malli ħa l-lawrija fit-teoloġija, telaq lejn Krakov fil-Polonja. Hawn ukoll beda l-Milizzja tal-Immakulata. U fl-1922 beda joħroġ rivista, “Il-Kavallier tal-Immakulata,” u wara rivista oħra għat-tfal, “Il-Kavallier Ċkejken.”

Fl-1930, flimkien ma’ erba’ reliġjużi oħra mar il-Ġappun, f’Nagasaki. Hawn ukoll beda joħroġ ir-rivista tal-Kavallier tal-Immakulata.

Fl-1935 reġa’ lura lejn art twelidu. Fl-1939 faqqgħet it-tieni gwerra dinjija, u l-armata Ġermaniża ma damitx ma qabżet il-fruntiera u daħlet fil-Polonja.

Fis-17 ta’ Frar tas-sena 1941 ġie arrestat u fit-28 ta’ Mejju ħaduh fil-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz fejn, fl-ifran tiegħu ġew maħruqin fuq il-ħames miljun ruħ. Hawnhekk, Patri Kolbe sar numru: 16670. F’Lulju ntbagħat fil-kamp tal-invalidi. Ġara li wieħed mill-priġunieri ħarab u skont il-liġi kiefra tal-kamp, għaxar priġunieri mill-istess blokk tiegħu kellhom jiġu maqtula bil-ġuħ fiċ-ċella tal-mewt.

Is-surġent Franġisk Gajowniczek meta ġie magħżul biex ikun wieħed mill-għaxra għajjat: “Għażiża marti miniex ser narak iżjed! Għeżież uliedi li llum ser issiru ltiema minn missierkom, insellmilkom darba għal dejjem!” Għal dan il-kliem Patri Kolbe ħareġ mil-linja tiegħu, neħħa l-berritta minn rasu, mar quddiem il-kmandant u waqt li wera b’idejh is-surġent, qallu: ”Jiena saċerdot kattoliku mill-Polonja; jiena xiħ; għalhekk irrid nieħu postu għax hu għandu l-mara u t-tfal.”

Patri Kolbe u d-disgħa l-oħra ġew imneżżgħin minn ħwejjiġhom u mitfugħin f’bunker biex imutu bla ikel u bla xorb. Wara ġimgħatejn, sitta kienu mietu, tlieta kienu mitlufin minn sensihom u Patri Kolbe biss kien għadu ħaj u f’sensih. Temmewlu ħajtu b’injezzjoni tal-velenu. Dakinhar kien l-14 ta’ Awwissu tas-sena 1941.

Fl-10 ta’ Ottubru tas-sena 1982, il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjarah Qaddis u Martri.

Ħsieb: F’sitwazzjoni ta’ tbatija kbira, l-għajta tas-Surġent turina l-imħabba li kellu lejn martu u lejn uliedu li ma xtaqx iħallihom mingħajru. Għall-offerta tal-qaddis li talab li joħodlu postu għax tħassru, nistgħu npoġġu kliem Kristu li qalilna: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” (Ġwanni 15:13)

L-imħabba vera hija dik li tingħata għal min tħobb, jiġifieri tkun offerta ta’ mħabba li ma toqgħodx tqis kemm se jiswielek biex tissagrifika lilek innifsek kull fejn hemm bżonn. Dan naraw li għamel Kristu nnifsu għal kull wieħed u waħda minna biex salvana mid-dnub!

Fejn aħna fl-imħabba tagħna lejn l-oħrajn, b’mod speċjali lejn dawk li huma tant qrib tagħna? Kemm qed inġibuhom qabilna u nibqgħu nħobbuhom anki jekk dan mhux dejjem faċli u komdu għalina u jitlob minna sagrifiċċji u offerta tagħna nfusna? Ejjew niftakru li Ġesu’ kkmandana: “Ħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom Jien,” (Ġwanni 13:34) u nafu kif ħabbna Ġesu’.

Żgur li d-devozzjoni li Kolbe kellu lejn il-Verġni Marija wasslitu biex jagħtina eżempju mill-isbaħ ta’ din it-tip ta’ mħabba li tingħata. Marija wkoll tibqa’ tingħata għas-servizz tagħna kull meta nduru lejha.

  • Imma x’tip ta’ qima tistenna minn għandna din l-Omm tagħna tas-Sema?
  • Forsi trid il-briju u piki tal-festi fil-jum iddedikat għaliha?
  • Mhux aktar tridna nersqu lejn Binha, nindmu minn dnubietna u nirċievu s-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin b’mod frekwenti?
  • Mhux li nimitaw il-virtujiet tagħha, b’mod speċjali dik tal-umilta’ u d-dispożizzjoni tagħha li tisma’ l-Kelma t’Alla u twettaqha?
  • Kemm qed nagħtu widen għall-Kelma t’Alla fil-Bibbja?
  • Mhux li ngħixu ħajja ta’ talb bħalha u ningħaqdu magħha fit-talba tant għal qalbha tar-Rużarju?
  • Kemm qed nixbhu lil Ommna li tiddi bil-barkiet għax kienet lesta li tħobb lil Alla, akkost ta’ kull sagrifiċċju u tbatija personali li wassalha sal-Kalvarju?

Illum tinsab glorjuża, kif se niċċelebraw għada, għax ħadet il-prempju li stħaqqilha. Il-qima vera li tixtieq minn għandna hi prinċiparjament dik li bħalha ngħixu dak li Alla kkmandana.

Talba: Ħuna Massimiljanu, int li issa qed tgawdi l-glorja tal-martri qrib il-Verġni Immakulata u Binha li inti tant ħabbejt, għinni biex fuq it-tagħlim u l-eżempju tiegħek jien ukoll nipprattika bla ma naqta’ qalbi l-imħabba tiegħi lejn Alla u lejn kulħadd bla riservi. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2013/08/st-maximilian-kolbe.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-maximillian-kolbe-560

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maximilian_Kolbe

Film dwar il-ħajja ta’ Kolbe:

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements