15 ta’ Awwissu: Il-Verġni Mqaddsa Marija Mtellgħa fis-Sema

“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ‘l quddiem kull nisel isejjaħli hienja, għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu… Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin.” Luqa 1 : 46-49, 52

Assumption_841568IL-VERĠNI MQADDSA MARIJA MTELLGĦA FIS-SEMA

Tagħrif: Fl-ewwel ta’ Novemru 1950, il-Papa Piju XII iddikjara li hi verita’ rrivelata lilna minn Alla li meta l-Vergni Mqaddsa Marija għalqilha ż-żmien tagħha f’din id-dinja, ġiet bi-qawwa ta’ Alla mtellgħa s-sema bir-ruħ u bil-ġisem. Din hi d-domma tal-Assunjoni. Hija differenti mill-Axxensjoni, it-tlugħ tal-Mulej fis-sema, għax Ġesừ tela’ bil-qawwa tiegħu stess.

Sa mill-bidu tal-ħames seklu, f’Ġerusalemm, kienet diġa bdiet issir il-festa tat-tlugħ tal-Madonna bir-ruħ u bil-ġisem fis-sema. Bil-mod il-mod din il-festa bdiet tiġi ċċelebrata fi knejjes oħra.

Storikament ma għandna xejn fiż-żgur fejn u meta ġrat il-mewt tal-Madonna. Wara li Ġesừ tela’ s-sema, il-Madonna baqgħet Ġerusalemm, u kienet mal-appostli meta niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu. Imbagħad flimkien ma’ San Ġwann marret Efesu. Probabbilment wara xi żmien, reġgħet marret Ġerusalemm fejn mietet bejn is-sena 5 u l-15 wara l-Axxensjoni ta’ Ġesừ.

Dawk li jmutu fi Kristu, il-ġisem dgħajjef tagħhom għad jieħu s-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum. Dan hu t-twemmin tagħna.

Bi grazzja speċjali, Alla ried li dak li għad jiġri fl-aħħar jum lil dawk li jmutu fi Kristu, iseħħ fil-Verġni Mqaddsa sa mill-bidu tal-mewt tagħha, billi ġisimha bla ma jara t-taħsir jinbidel f’ġisem glorjuż.

Marija mtellgħa s-sema bir-ruħ u bil-ġisem, hija l-Patruna prinċipali ta’ Malta.

Ħsieb: Il-ħsieb ta’ xi jsir minna wara li ntemmu il-ħajja tagħna fuq din l-art, iqanqal fina emozzjonijiet varji. Meta wieħed jara lill-għeżież tiegħu jmutu u jisfgħu bla ħajja, jew jattendi għad-difna tagħhom, kważi jidher li dan huwa t-tmiem. Ħafna jistaqsu:

  • Tgħid kollox jispiċċa mal-mewt tal-ġisem?
  • Tgħid mhux ser nerġa’ niltaqa’ ma’ dawk li jiena tant ħabbejt f’ħajti?
  • Imma jekk hemm xi tip ta’ ħajja oħra, din f’hiex tikkonsisti?
  • Fejn se nkunu, u xi kwalita’ ta’ ħajja se jkollna… aħjar jew agħar minn din li nafu s’issa?
  • Imma kif se nqattgħuh il-ħin, jew aħjar l-eternita’?
  • Se jkollna dak kollu li bih nimlew qalbna?

Uħud jibqgħu jistaqsu, uħud anki jinfixlu! Imma oħrajn ifittxu bil-għaqal kollu u bil-fidi, x’uriena Alla, anki permezz tal-Knisja mwaqfa minnu, dwar dak li jseħħ minn kull wieħed u waħda minna meta nħallu din l-art. Propju għalhekk, illum il-Knisja tpoġġielna lil Ommna Marija mtellgħa s-Sema bir-ruħ u l-ġisem, għax kien minnha li Alla ried jibda. Ried jurina kif kulħadd huwa msejjaħ għal dan l-istess destin.

Hi propju s-Solennita’ li qed niċċelebraw illum, li tikxef u tħabbar x’futur hemm lest għalija u għalik, jekk bħal Marija ngħixu dak li jitlob minna Alla. Uħud iridu jkunu jafu l-futur. Alla wriena li l-futur etern tagħna, jiddependi fuq kif nagħżlu li ngħixu dan iż-żmien li għad jintemm.

M’għandnix għax induru mal-lewża għax Kristu ma setgħax ikun aktar ċar milli kien rigward l-eżistenza tal-Ġenna għat-tajba u l-Infern għall-ħżiena! Infatti Kristu huwa l-aktar persuna li jitkellem dwar l-infern u jwissina: “Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak (b’referenza għax-Xitan) li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern.” (Mattew 10:28).

Tgħid qalilna dan biex sempliċiment iwerwirna? Imma fir-realta’, l-ebda kelma dwar l-infern fil-Bibbja ma twasslek biex tispiċċa l-infern – mhux jekk tieħu Kelmtu bis-serjeta’.

U jien kemm qed nieħu Kelmtu bis-serjeta’ f’ħajti? Kliem Kristu stess iġġegħelna nagħmlu eżami minn ħajjitna u naraw x’għad hemm bżonn li nirranġaw, innaqsu jew inżidu biex inkunu, kif jgħid il-Malti, dejjem bil-bagalja lesta, għax il-mument tat-tluq huwa mistur għal kulħadd.

Talba: Għażiża Ommi Marija, Alla għolliek fi glorja tassew tal-għaġeb għal mod kif int għext bis-sħiħ ir-rieda t’Alla għalik, nitolbok tgħallimni ngħix dak li naf li Alla jrid minni, ħalli meta jasal il-waqt, jien ukoll ikolli bħalek, l-istess twelid glorjuż fis-sema. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2013/08/feast-of-assumption.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/solemnity-of-the-assumption-of-mary/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Assumption_of_Mary

Film dwar l-aħħar jiem ta’ Marija:

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements