16 ta’ Awwissu: San Stiefnu tal-Ungerija

Verżjoni Vidjo: San Stiefnu tal-Ungerija

“Kun ħanin ma dawk kollha li qed isofru l-vjolenza. Żomm dejjem f’qalbek l-eżempju tal-Mulej li qal, “Ħniena rrid mhux sagrifiċċju.” San Stiefnu tal-Ungerija

St. Stephen King of HungarySAN STIEFNU TAL-UNGERIJA
Re
975 – 1038

Tagħrif: San Stiefnu twieled fis-sena 975, fi Gran, il-belt ewlenija tal-Ungerija ta’ dak iż-żmien, u tawh l-isem ta’ Vajk.

Tgħammed fis-sena 985, flimkien ma’ missieru li kien Duka tal-Maġjari (Ungeriżi) u ħa l-isem ta’ Istvan (Stiefnu).

Meta kellu 20 sena, Stiefnu żżewweġ lil Gisela, oħt l-Imperatur San Enriku II. Sentejn wara, miet missieru, u hu laħaq floku bħala d-Duka tal-Maġjari.

Wara li saħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fit-tmexxija tal-Ungerija, xtaq jikkonverti ’l pajjiżu kollu u jagħmlu nisrani. Għalhekk bagħat lil San Asteriku għand il-Papa Silvestru II, biex jikseb min għandu l-permess li jkun jista’ jwaqqaf djoċesijiet ħalli jorganizza l-Knisja f’pajjiżu, u biex il-Papa jagħtih it-titlu ta’ Re.

Asteriku, li wara sar l-Arċisqof tal-Ungerija ġie lura minn Ruma bil-permess u b’kuruna. Din il-kuruna kienet maħduma b’mod li setgħet toqgħod eżatt fuq il-kuruna li l-Imperatur Mikiel II kien ta lil Missier San Stiefnu.

Illum din “il-kuruna ta’ San Stiefnu” hi miżmuma bħala waħda mir-rikkezzi l-iktar għeżież u prezzjużi tal-Ungerija.

Stiefnu ġie nkurunat Sultan tal-Ungerija minn Asteriku li issa kien il-Legat tal-Papa, fil-belt ta’ Gran, fl-1001.

San Stiefnu ntefa’ b’ruħu u b’ġismu biex jistabbilixxi l-Knisja fuq pedamenti sodi billi waqqaf djoċesijiet, ġab ħafna missjunarji biex jippridkaw il-Vanġelu f’kull rokna tal-pajjiż, u bena bosta knejjes u monasteri fosthom il-magħruf monasteru ta’ San Martin għall-Patrijiet Benedittini.

Fl-1031, tilef l-uniku iben li kellu, Emeriku, li kien werriet tat-tron, f’diżgrazzja waqt li kien għall-kaċċa.

San Stiefnu miet fil-15 ta’ Awissu tas-sena 1038, nhar il-festa tat-Tlugħ fis-Sema tal-Madonna li lejha kellu devozzjoni kbira u kien għamilha l-Patruna ta’ pajjiżu.

Difnuh ħdejn ibnu Emeriku, u t-tnejn ġew ikkanonizzati flimkien, fl-1083, mill-Papa San Girgor VII.

Ħsieb: Li kellna nistaqsu fil-qalb tagħna x’tip ta’ gvernijiet u mexxejja jeżistu fid-dinja, nistgħu verament inwieġbu li dawn huma kollha ambaxxaturi spiritwali li jiddefendu l-valuri vera, il-qdusija tas-Sagrament taż-Żwieġ, u li dejjem lesti biex itaffu l-faqar sal-punt li anki joħorġu minn bwiethom biex jgħinu lin-nies? San Stiefnu tal-Ungerija kien propju dan it-tip ta’ mexxej. U tassew, kull min hu fl-awtorita’, għandu l-piż ta’ dawk li ngħatawlu għall-kura tiegħu fuq spaltu u jrid jagħti kont lil Alla ta’ kif ikun inqeda bil-pożizzjoni awtorevoli tiegħu. Kristu jwissina li: “Lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu.” (Luqa 12:48)

Forsi jien u int m’għandna l-ebda awtorita’ fuq livell għoli, imma s-sehem tagħna bħala nsara jeħtieġ li nagħtuh, anzi, nistgħu u għandna nieħdu sehem fit-tmexxija. Imma, tgħiduli, mhux kulħadd jista’ jkun fil-parlament jew f’xi pożizzjoni awtorevoli li jkollha saħħa biżżejjed li tinfluenza it-tmexxija. Allura, tgħiduli, kif nistgħu nagħtu l-kontribut tagħna ta’ nsara? Tajjeb li nippruvaw insemmgħu kif nistgħu leħenna u l-pożizzjoni tagħna kulħadd kif jista’ (anki forsi bil-facebook), imma l-aktar li hu meħtieġ u mitlub minna huwa t-TALB.

Jekk nitolbu bil-fidi, b’impenn u b’dedikazzjoni għall-mexxejja tad-dinja, nafu li t-talb, minkejja li mhix xi ħaġa li taqa’ taħt is-sensi, huwa l-arma moħbija u qawwija li biha n-nisrani konvint, iċaqlaq il-muntanji! Iva, iċaqlaq l-imħuħ u l-qlub ta’ dawk li forsi b’nuqqas ta’ għarfien għaqli, ikunu ser jagħmlu deċiżżjonijiet żbaljati b’effett negattiv fuq il-pajjiż. Iċaqlaq qlub ġenerużi biex b’intenzjonijiet retti, jagħżlu li jidħlu għal impenji kbar u jieħdu responsabbiltajiet fuqhom b’kuraġġ u b’fedelta’ ġenwina lejn Alla u lejn il-poplu.

Imma kemm hawn min verament jitlob b’impenn għall-mexxejja tagħna? Nitolbu għall-morda, għall-mejtin għeżież tagħna jew għal dawk bi problemi. Imma għall-gvernijiet? Għall-membri parlamentari? Għall-kunsillieri? Għall-imħalfin? Għall-għalliema? U l-lista ta’ dawk li l-aktar jinfluwenzaw lill-oħrajn tkompli …

Talba: Għażiż Re twajjeb u għaqli Stiefnu, lejk ukoll induru fit-talb tagħna għall-mexxejja tal-pajjiżi. Kun int li bl-interċessjoni tiegħek għalihom, iddawwalhom fl-għażliet tagħhom, ħalli dawn ikunu bħalma kienu tiegħek, imdawla mill-valuri tal-Vanġelu. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2013/08/st-stephen-of-hungary.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-stephen-of-hungary/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Stephen_I_of_Hungary

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements