17 ta’ Awwissu: Santa Ġiovanna Delanoue

“Kompli f’dak li bdejt. L-Ispirtu t’Alla jinsab miegħek. Obdi kull ma jgħidlek u tibża’ xejn.” San Alwiġi de Montfort lil Santa Ġiovanna Delanoue

jeanne-et-enfts-m-m-vitSANTA ĠIOVANNA DELANOUE
(Santa Ġiovanna tas-Salib)
1666 – 1736

Tagħrif: Iż-żgħira fost 12-il aħwa, Ġiovanna twieldet fis-sena 1666. Il-familja tagħha kellha negozju żgħir imma ta’ suċċess. Meta ommha li kienet armla mietet, ħalliet il-ħanut li kellhom f’Saumur fi Franza f’idejn bintha ta’ 25 sena, li fih il-ġenituri tagħha kienu jservu l-ikel lill-pellegrini.

Ma kienitx tifla ħażina, imma moħħha kien kif ser tagħmel il-flus u wetqet diversi dnubiet żgħar biex jirnexxielha tagħmel dan. Hija bdiet tiftaħ il-ħanut il-Ħadd.

Darba kienet tifla devota, imma issa ftit kien għad fadlilha mħabba f’qalbha. Ommha kienet dejjem ġeneruża mat-tallaba. Ġiovanna, għall-kuntrarju, kienet tixtri l-ikel ftit qabel il-pranzu, biex b’dan il-mod, hija setgħet tgħid lit-tallaba li kienu jiġu jħabbtu mal-bieb matul il-ġurnata: “M’għandi xejn x’nagħtikom.”

Ġiovanna ma sabitx kuntentizza f’din it-tip ta’ ħajja. Darba żammet għandha b’xejn lil mara xiħa li kienet tara l-viżjonijiet. Din ħabritilha li xi darba hi għad tkun ta’ għajnuna kbira għall-foqra. Ġiovanna laqgħet din it-taħbira b’xettiċiżmu, imma ż-żjara ta’ din il-mara, ħawdet tant lil Ġiovanna spiritwalment, li din marret talbet parir mingħand saċerdot, għalqet in-negozju l-Ħadd u bdiet tagħmel għemil ta’ penitenza. Meta l-mara xiħa reġgħet ġiet għandha, Ġiovanna għarfet li l-vokazzjoni tagħha ma kinitx in-negozju, iżda li taqdi lill-foqra.

Sa fl-aħħar meta hija kellha 27 sena, saċerdot twajjeb għenha tibda tgħix skont il-fidi, u bdiet tixgħel bl-imħabba u bil-fervur nisrani. Hija mbagħad fehemet li kellha tagħti flusha lil min jeħtieġ u mhux trekkinhom għall-gwadann tagħha personali. Hi bdiet tieħu ħsieb il-familji foqra u l-orfni. Eventwalment, għalqet il-ħanut tagħha biex tkun tista’ tiddedika aktar ħin għalihom u għat-38 sena li segwew wara, hija kienet aktar tagħti milli tirċievi.

Hija tat l-aqwa libsa li kellha u Alla ħallasha b’esperjenza spiritwali li damet tlett ijiem, li fiha rat minn qabel il-kongregazzjoni tagħha. In-nies kienu jsejħu lid-dar tagħha mimlija orfni, “Dar tal-Providenza” li setgħet tilqa’ fiha 300 marid. Hi kkonvinċiet nisa oħra biex jgħinu f’din il-ħidma.

Ġiovanna għexet ħajja ta’ sagrifiċċju u kienet tipprattika l-penitenza. Meta ltaqha magħha San Alwiġi de Montfort, għall-ewwel ħaseb li kienet ħarxa magħha nnifisha, minħabba li kienet supperva. Imma mbagħad irrealizza li qalbha kienet mimlija mħabba għal Alla. Hu qallha: “Kompli f’dak li bdejt. L-Ispirtu t’Alla jinsab miegħek. Obdi kull ma jgħidlek u tibża’ xejn.”

Ġiovanna mietet fil-paċi fis-17 ta’ Awwissu tas-sena 1736 fl-eta’ ta’ 70 sena. In-nies ta’ Saumur qalu, “Dik in-negozjanta ċkejkna għamlet aktar ġid lill-foqra ta’ Saumur mill-kunsilliera kollha f’daqqa tal-pajjiż. X’mara dik! U x’persuna qaddisa!” Hi ġiet iddikjarata “beata” mill-Papa Piju XII fl-1947, l-istess sena meta San Alwiġi de Montfort kien iddikjarat qaddis. Ġiet ikkanonizzata fil-31 ta’ Ottubru tas-sena 1982 minn Papa Ġwanni Pawlu II, u hija l-fundatriċi tas-sorijiet ta’ Sant Anna tal-Providenza ta’ Saumur li jieħdu ħsieb il-fqar, il-morda u dawk li ħadd ma jagħti kashom.

Ħsieb: Jgħidu li ‘bil-flus tagħmel triq fil-baħar’ u li ‘bla flus, la tgħannaq u lanqas tbus’, imma jgħidu wkoll li ‘ħdejn il-paċi u l-kuntentizza tal-qalb, ma joqgħod xejn’. Nistgħu ngħidu li l-flus huma kollox, jew li min għandu l-flus hu l-aktar bniedem kuntent u li ma jonqsu xejn? Kristu jwissina: “Xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ruħu?” (Mattew 16:26)

Il-paċi u s-serħan tal-moħħ u l-qalb, li jiġu biss minn Alla, huma b’xejn. Madanakollu, biex wieħed jakkwisthom, ma jridx ikollu qalbu mimlija b’xi ħaġa oħra li m’għandha l-ebda valur etern – bħall-flus! Imma kif nistgħu ngħaddu mingħajr flus? Le ma nistgħux tassew, imma nistgħu ma nkunux regħba għall-flus tant li nissagrifikaw lilna nfusna u ġieli anki lill-għeżież tagħna. Kemm inċaħdu lit-tfal mill-attenzjoni meħtieġa li jkollhom bżonn fi tfulithom f’isem il-bżonn li naqalgħu il-flus! Kemm nitraskuraw ġieli anki lill-membri l-oħra tal-familja; bħal żwiġijietna u forsi l-ġenituri tagħna anzjani jew morda! U xi ngħidu għad-drabi meta jkollha taqbeż barra l-Quddiesa tal-Ħadd u/jew il-ħin ta’ talb, għax minħabba x-xogħol, ma nsibux ċans għalihom, u wara nkunu wisq għajjiena!

Kemm hu sewwa mela, li wieħed jgħix bil-moderazzjoni u bl-għaqal f’kollox u mbagħad jiddependi fuq il-Providenza Divina għal dak li jkollu bżonn tassew. Filfatt, Kristu jgħidilna li Missierna tas-Sema jaf x’neħtieġu, (Mattew 6:33) u wkoll: “Ħarsu lejn l-għasafar tas-sema; la jiżirgħu u lanqas jaħsdu u lanqas igeddsu fl-imħażen, u madankollu Missierkom li hu fis-smewwiet jitmagħhom! Intom ma tiswewx aktar minnhom?” (Mattew 6:26) u f’Ġakbu 1:17, insibu li “Kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier”. Mela ejjew ma nħallux lix-xitan iqarraq bina, jgħamina bix-xenxilli tal-flus, biex umbagħad jitilfilna ruħna!

Jgħaddi ż-żmien u aktar ma nikbru, aktar nirrealizzaw li l-flus mhux kollox, u li m’għandnix ninvestu wisq fil-ħajja t’hawn, għax hemm oħra tistenniena. Il-kwalita’ tal-ħajja li jmiss, mhux talli ma tiddependix minn kemm jirnexxielna nakwistaw u naqalgħu ġid materjali f’din id-dinja, talli għall-kuntrarju, huwa dak li nkunu tajna lill-ħaddieħor – dan u dan biss nieħdu magħna fl-eternita’ u fuq dan ser nieħdu l-ħlas.

Nistgħu ngħidu għalhekk, li malli Ġiovanna ngħatat il-grazzja li tagħraf kemm kienet żbaljata fil-fehma tagħha fejn jidħlu l-flus, hija bdiet issib il-ferħ tagħha f’li tgħin lil ħutha fil-bżonn. U hawn niftakru fi kliem il-Mulej Ġesù li qal, “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.” (Atti 20:35) u Kristu jkompli jgħidilna: “Tgeddsux għalikom teżori f’din id-dinja, iżda ġemmgħu għalikom teżori fis-sema. Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll.” (Mattew 6:19-21) U hekk issuktat tagħmel Ġiovanna u dan mela’ tassew lil qalbha li issa kienet imfawra bl-imħabba t’Alla. F’dan naraw kemm hu tassew minnu dak li stqarr Santu Wistin meta sab lil Alla f’ħajtu wara ħafna snin jgħix fil-frugħa: “Int għamiltna għalik, o Alla, u qalbna ma ssib qatt kwiet, jekk ma tistrieħx Fik.”

Talba: Bl-interċessjoni tiegħek, għażiża negozjanta ċkejkna tas-Sema, agħmel li aħna nagħrfu npoġġu l-valur tal-flus bħala dak li hu, dak li jgħinna ngħaddu hawn f’din l-art u ngħinu lil dawk li nieqsa mill-ħtiġijiet tal-ħajja. J’Alla fuq l-eżempju sabiħ tiegħek, qalbna tkun dejjem iżjed miftuħa u mimlija mogħdrija lejn ħutna l-bnedmin. Ammen.

English Version: http://www.holyspiritinteractive.net/dailysaint/august/0817.asp

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-joan-of-the-cross/

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_19821031_delanoue_en.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Jeanne_Delanoue

 

Advertisements