19 ta’ Awwissu: San Ġwann Eudes

“L-għaqda tan-nisrani ma’ Ġesu’ Kristu hija aktar nobbli, aktar intima u aktar perfetta mill-għaqda tal-membri kollha tal-ġisem mar-ras tagħhom.” San Ġwann Eudes

maxresdefault (1)SAN ĠWANN EUDES
Saċerdot: 1601 – 1680

Tagħrif: San Ġwann twieled f’Ri, Normandija (Franza), fl-1601. Meta kellu 14-il sena, missieru daħħlu jistudja fil-Kulleġġ tal-Ġiżwiti ta’ Caen.

Fl-1623, daħal fil-Kongregazzjoni tal-Oratorju ta’ Franza. Ordna saċerdot fl-1625, u beda l-ħajja appostolika billi mar jaħdem man-nies li kienu mardu bil-pesta li kienet qed tagħmel straġi fin-Normandija.

Fl-1631, faqqgħet epidemija oħra, u Ġwanni reġa’ mar jgħin lill-vittmi. Biex ma jinfettax lil sħabu r-reliġjużi bil-marda, kien jgħix għalih waħdu f’daqxejn ta’ għarix f’nofs għalqa. Imbagħad għall-għaxar snin li ġew wara, intefa’ jiġri ma’ Franza kollha jippriedka l-missjonijiet fil-parroċċi.

Fl-1641, bil-għajnuna ta’ Madaleine Lamy, fetaħ dar għan-nisa u x-xebbiet li kienu jixtiequ jinqalgħu minn ħajja ħażina. Tliet snin wara fdaha f’idejn is-Sorijiet Visitaturi ta’ Caen.

Fl-1643 ħareġ mill-Kongregazzjoni tal-Oratorjani biex iwaqqaf il-“Kongregazzjoni ta’ Ġesù u ta’ Marija”, magħrufa wkoll bħala “tal-Ewdisti”, għall-formazzjoni tal-kleru u għax-xogħol tal-Missjonijiet. Il-Qaddis fetaħ numru ta’ Seminarji.

Fl-1650, waqqaf “is-Sorijiet tal-Karita’ tar-Rifuġju” li l-għan prinċipali tagħhom kien li jaħdmu għan-nisa penitenti. Din il-kongregazzjoni baqgħet dejjem tikber, u fl-1835 ħarġet minnha l-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Buon Pastur.

Waqqaf ukoll l-“Għaqda tal-Qalb tal-Omm l-aktar Ammirabbli”, li hi bħat-Terz Ordni ta’ San Franġisk.

San Ġwann kellu jħabbat wiċċu ma’ oppożizzjoni qawwija mill-Ġansenisti, u minn xi Oratorjani. Kien ġie kkalunjat speċjalment wara li waqqaf is-Sorijiet tal-Karita’ tar-Rifuġju. Għal xi żmien kien itteħidlu l-permess li jippriedka u jqarar. F’dak iż-żmien, intefa’ jikteb u jxerred id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù u lejn il-Qalb ta’ Marija. Fost il-kitba spiritwali tiegħu nsibu “Id-devozzjoni lejn il-Qalb Adorabbli ta’ Ġesù” u “L-Ammirabbli Qalb tal-Wisq Imqaddsa Omm Alla”.

Miet f’Caen, fid-19 ta’ Awwissu 1680, meta kellu 79 sena, u ġie kkanonizzat mill-Papa Piju XI fl-1925.

San Ġwann Eudes hu magħruf bħala wieħed minn tal-ewwel nett u mill-aqwa li xerrdu d-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù u l-Qalb Immakulata ta’ Marija.

Ħsieb: Għaliex qiegħed/qegħda hawn? Ma rridx infisser hawn f’dan is-sit, imma għaliex qiegħed/qegħda hawn f’din id-dinja? X’inhu l-iskop ta’ ħajtek? Din hija l-aktar mistoqsija importanti li wieħed għandu jistaqsi. U minkejja dan, huwa faċli li wieħed jinjora din il-mistoqsija meta jinqabad fid-dettalji tal-ħajja ta’ kuljum.

L-aktar tweġiba sempliċi għal din il-mistoqsija hija li: Int tinsab hawn għall-Imħabba. Int ġejt maħluq/a għall-imħabba. Anzi ġejt maħluq/a biex ikollok għaqda mal-Imħabba Nnifisha li hi Alla nnifsu. Għax kif jgħid San Ġwann: ‘Alla huwa Mħabba.’ (1 Ġwanni 4:8)

Hi propju din l-għaqda ma’ Alla Mħabba, li l-aktar tispikka f’dan il-qaddis tal-lum, Ġwann Eudes, li kellu devozzjoni speċjali lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’. Araw ftit x’kiteb dwar l-għaqda ma’ Alla li tibda f’din id-dinja u tilħaq il-milja tagħha fis-Sema:

“M’hemmx ħajja vera għalik jekk mhux f’Ġesu’ Kristu, għax huwa Hu s-sors tal-ħajja vera. Irid ikun kemm is-sors kif ukoll l-iskop ta’ ħajtek. Int magħqud ħaġa waħda ma’ Ġesu’ kif il-ġisem hu magħqud mar-ras. Għalhekk għandu jkollok nifs wieħed miegħu, ruħ waħda, ħajja waħda, rieda waħda, moħħ wieħed, qalb waħda u Hu għandu jkun in-nifs tiegħek, qalbek, imħabbtek, ħajtek, kollox. Dawn id-doni kbar f’min qed jimxi wara Kristu, jibdew malli tirċievi s-Sagrament tal-Magħmudija. Jiġu miżjuda u msaħħa permezz tas-Sagrament tal-Konfermazzjoni (tal-Griżma) u billi wieħed jagħmel użu tajjeb minn grazzji oħra li jagħti Alla, (u billi ma jitraskurax is-Sagrament tal-Qrar). Permezz tas-Sagrament tat-Tqarbin, din l-għaqda tilħaq il-perfezzjoni.”

Hekk kitbilna San Ġwann Eudes. Inti temmnu dan? Verament temmnu? Inħeġġek iġġedded il-fidi tiegħek f’din ir-realta’ li inti tagħmel parti mill-Ġisem Mistiku ta’ Kristu. U issa, f’dak kollu li se tgħix, kun dak li verament int u għix dak li nħlaqt għalih.

Talba: O Mulej, Int ħlaqtni għalik, biex inħobbok u ngawdik, Tjubija infinita’, Sbuħija li ma tistax tiġi deskritta; tħallinix nitlef il-viżjoni sublimi tiegħek, li Int l-għan aħħari ta’ ħajti u r-raġuni għalfejn għandi nitqabad; tħallix li jiena nintilef fi pjaċiri tal-mument li mbagħad jisfgħu fix-xejn u li ħlejjaq oħra jistgħu joffruli. Ammen. (Talba ta’ San Ġwann Eudes)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2015/08/saint-john-eudes.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-john-eudes/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Eudes

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements