22 ta’ Awwissu: Il-Verġni Mqaddsa Marija, Reġina

Verżjoni Vidjo: Il-Verġni Mqaddsa Marija, Reġina

“F’lemintek is-sultana mżejjna b’deheb ta’ Ofir.” Salm 45:10

Diego_Velázquez_-_Coronation_of_the_Virgin_-_Prado

IL-VERĠNI MQADDSA MARIJA, REĠINA

Tagħrif: Wara l-festa tat-Tlugħ tal-Verġni Mqaddsa Marija fis-sema, fil-15 ta’ Awwissu, huwa xieraq li jiġi wkoll iċċelebrat il-post tagħha fost l-anġli u l-qaddisin bħala r-Reġina tas-sema u tal-art.

Fil-11 ta’ Ottubru 1954, il-Papa Piju XII, bl-enċiklika tiegħu “Ad Coeli Regina”, waqqaf il-festa tal-Verġni Mqaddsa Marija Reġina, u ddikjara li għandha tiġi ċċelebrata mal-Knisja kollha, fil-31 ta’ Mejju ta’ kull sena.

Il-festa twaqqfet b’tifkira tas-Sena Marjana li l-istess Papa kien nieda bl-enċiklika “Fulgens Corona” fl-okkażjoni ta’ għeluq iċ-ċentinarju tad-definizzjoni tad-domma tat-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Marija.

Wara l-Konċilju Vatikan II, il-festa ġiet trasferita għat-22 ta’ Awwissu, nhar l-ottava tat-Tlugħ tal-verġni Marija fis-sema, biex hekk tkun tidher aħjar ir-rabta bejn ir-Regalita’ tal-Verġni Marija u Tlugħ tagħha fis-sema.

Sa mill-ewwel sekli tal-Knisja, l-Insara emmnu li l-Verġni Mqaddsa hija Reġina. Hi ġabet fid-dinja Iben li sa mill-mument tat-tnissil tiegħu, minħabba l-għaqda ipostatika tan-natura umana ma’ dik divina, ukoll bħala bniedem, kien Sultan u Mulej ta’ kollox. Għalhekk kien tassew xieraq li l-Knisja twaqqaf din il-festa biex tunura lill-Verġni Marija b’dan it-titolu ta’ Reġina.

ĦsiebIllum jaħbat it-tmien jum fost l-ottava tas-Solennita’ tal-Assunta li għadna kif ċċelebrajna. Tassew kien jixraq li l-Knisja tmexxi d-data tal-festa tal-lum mill-31 ta’ Mejju għat-22 ta’ Awwissu, għax filwaqt li fl-Assunta fakkarna r-rebħa totali ta’ Marija fuq il-mewt, rebħa li Kristu ta lil Ommu l-għażiża, hekk illum infakkru l-unur li żejjinha bih, dak ta’ Reġina. Dan il-misteru jagħmel sens għaliex Marija kienet Omm ir-Re tar-Rejiet. Hawn għandna kliem il-Papa Piju XII f’1954 meta waqqaf din il-festa ta’ Marija Reġina:

“Sa mill-bidu tal-Knisja Kattolika, l-insara, kemm fi żmien ta’ rebħa u b’mod speċjali fi żmien ta’ kriżi, indirizzaw talb ta’ supplika, innijiet ta’ tifħir u qima lil Marija Reġina, u t-tama tagħhom qatt ma naqset, li poġġew f’Omm ir-Re Divin, Ġesu Kristu; u lanqas falliet dik il-fidi li aħna tgħallimna, li Marija, il-Verġni Omm Alla, issaltan fuq id-dinja kollha bħala Omm li jinteressha mill-ħtiġijiet tagħna wliedha, hekk kif hi ġiet inkurunata bil-barka tas-Sema, bil-glorja ta’ Reġina.”

Wieħed jista’ jaqra wkoll x’qal il-Papa maħbub Ġwanni Pawlu II dwar Marija s-Sultana tal-Univers fil-Lumen Gentium (Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja – 21 ta’ Novembru, 1964) f’paragrafu 56, billi jagħfas fuq dawn il-links: PDF jew WORD.

Meta nsegwu tant ġrajjiet tal-waħx li seħħew fl-istorja tal-umanita’ – il-waqgħa ta’ postijiet u nazzjonijiet kbar, ma nistgħux ma nosservawx, li anki fi żminijietna donna għaddejja bħal mewġa ta’ vjolenza u ħażen minn fuq d-dinja kollha. It-theddida ta’ din il-kriżi, dejjem imliet il-qalb tan-nisrani bl-uġigħ u għalhekk b’kunfidenza kbira rrikorrejna għand Marija, ir-Reġina tagħna. Urejniha s-sentimenti filjali ta’ qima lejha, li m’humiex tagħna biss, imma ta’ kull min hu kburi li hu nisrani. B’dan f’moħħna, ejjew nitolbuha: Marija, Reġina tas-Sema u tal-art, itlob għalina u magħna sabiex Ibnek Ġesu’ jsaltan fuq il-qlub kollha tad-dinja.

U x’titlob minna uliedha din r-Reġina Omm? ‘Għidu r-Rużarju! Għidu r-Rużarju! Għidu r-Rużarju!’ Din is-sentenza, li Marija tenniet kull darba li dehret fuq din l-art, tibqa’ tidwi tul is-snin, għax bħal donnu għadna ma kkuntentajnijiex! Jekk hi titlob minna propju din l-istess talba kull darba, mela x’qawwa hemm fiha?! Int temmen fil-qawwa tar-Rużarju li hi talba ma’ Marija? Jekk iva, mela xieraq li titlobha fuq bażi regolari.

Bħala għajnuna biex wieħed jitlob ir-Rużarju, tistgħu tidħlu fil-Youtube Channel bl-isem ta’ Rużarji u Devozzjonijiet bil-Malti. Fih issibu ġabra ta’ vidjos kollha fuq ir-Rużarju. Ara din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/youtube/

Talba: Is-Sliem, o Sultana tas-sema, Sidt l-anġli; int l-għerq u l-bieb safi mnejn ġie dawl id-dinja. O Verġni Glorjuża, ta’ ġmiel u sbuħija, is-sliem għalik! Itlob lil Kristu għalina. (Waħda mill-antifoni tal-Madonna li tingħad wara t-Talba ta’ Għeluq il-Jum)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicireland.net/saintoftheday/the-queenship-of-mary/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Queen_of_Heaven

Information about the encyclical of Pope Pius XII ‘Ad Caeli Reginam’: https://en.wikipedia.org/wiki/Ad_Caeli_Reginam

‘Ad Caeli Reginam’ as a whole encyclical: http://w2.vatican.va/content/pius-xii/en/encyclicals/documents/hf_p-xii_enc_11101954_ad-caeli-reginam.html

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements