25 ta’ Awwissu: San Ludoviku ta’ Franza

“Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’saħħtek kollha. Mingħajr dawn, m’hemmx salvazzjoni.” San Ludoviku 

2132485633.jpgSAN LUDOVIKU TA’ FRANZA
Re: 1214 – 1270

Tagħrif: San Ludoviku twieled f’Poissy, Franza, fil-25 ta’ April 1214. Kien iben ir-Re Ludoviku VIII.

Fl-1226, tilef lil missieru, u billi kien għadu tifel ta’ tnax-il sena, ommu saret Reġġenti, u mexxiet il-pajjiż floku.

Ta’ dsatax-il sena żżewweġ lil Margerita, u tfal kellhom ħdax: ħames subien u sitt ibniet.

Fl-1235, meta kellu 21 sena, ħa t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh, u sar Ludoviku IX ta’ Franza. Kien mexxej eżemplari, u ħadem ħafna biex ikun hemm il-paċi u l-ġustizzja fis-saltna tiegħu. Kien jinteressa ruħu fil-fqar, bena sptarijiet u skejjel. Kien jgħix ħajja umli u ta’ talb tant li kien isib ħin biex jisma’ quddiesa kuljum, u jfittex li jagħmel ġid spiritwali lil kulħadd. Qatt ma wettaq vendetti, u qatt ma ġera wara ambizzjonijiet u konkwisti.

Fl-1248 mexxa s-seba’ Kruċjata kontra s-Sultan tal-Eġittu li kien qed jhedded l-artijiet imqaddsa, iżda waqa’ priġunier tas-Seraċini. Meta ġie mifdi fl-1250, huwa bl-armata tiegħu, baħħar lejn il-Palestina fejn dam sal-1254. Irritorna lejn pajjiżu hekk kif sema’ li ommu, li kienet qed tmexxi l-pajjiż floku kienet mietet.

Fl-1270 mexxa Kruċjata oħra, iżda waqa’ marid fit-Tuneżija fejn miet fil-25 ta’ Awwissu. Għalkemm iż-żewġ Kruċjati fallew bil-kbir, iżda hu ħalla eżempju mill-isbaħ ta’ eroiżmu.

Il-Papa Bonifaċju VIII ikkanonizzah fl-1927.

Ħsieb: Meta Ludoviku kien għadu tifel kien jisma’ ’l ommu tgħidlu: “Ibni, aktar irrid narak mejjet milli mtabba’ bid-dnub u ’l bogħod mill-grazzja ta’ Alla.” Mhux ta’ b’xejn li minkejja l-pożizzjoni għolja soċjali tiegħu, tela’ b’dawk-il ħafna sentimenti sbieħ li wassluh biex isir qaddis! Jalla l-ġenituri, u dawk li jieħdu ħsieb it-tfal jagħrfu r-responsabbilta’ kbira tagħhom li jagħmlu mat-tfal fdati lilhom mhux biss ġid materjali iżda wkoll spiritwali.

Interessanti wieħed jinnota li t-tradizzjoni tgħidilna li, fost-il ħafna għemejjel ta’ karita’ li għamel dan ir-re, l-aktar waħda li kien iħobb, kienet li jagħti minn ġidu lin-nies għomja. Għalfejn taħsbu? Għax dawn ma setgħux jaraw li kien hu, ir-re, li kien qed jagħtihom din l-għajnuna. Ma riedx it-tifħir tagħhom, imma ried jagħmel dak kollu li hu possibli biex jibqa’ anonimu u umli. U dan hu propju dak li Ġesu’ qalilna biex nagħmlu. Infatti, fid-diskors tiegħu tal-muntanja, f’Kapitlu 6 tal-Vanġelu ta’ San Mattew, Ġesu’ jgħidilna:

“Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in-nies biex tidhru quddiemhom, għax inkella ma jkollkomx ħlas mingħand Missierkom li hu fis-smewwiet. Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis-sinagogi u fit-triqat, biex in-nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu.” (Mattew 6: 1-4)

Din dejjem kienet it-tentazzjoni tan-nies spiritwali u reliġjużi, dik li jagħmlu għemejjel tajba bit-tama li xi nies jarawhom u josservawhom ħalli jfaħħruhom! U hawn fejn tidħol is-suppervja, li ddawwar it-tajjeb li tkun għamilt u tavvalenak. Għalhekk kun bħala San Ludoviku, sakemm ikun possibli. Agħmel l-umilta’ l-pedament ta’ kull opra tajba tiegħek biex umbagħad ikun Alla nnifsu li jonorak u jagħtik il-ħlas xieraq li jkun jistħoqqlok.

U issa niġu għall-parir famuż li Ludoviku ta lil ibnu bħala testment, li tajjeb li nieħduh għalina lkoll għax tassew huwa validu għal kull żmien:

“Għażiż ibni, l-ewwel istruzzjoni tiegħi hi, li għandek tħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’saħħtek kollha. Mingħajr dawn, m’hemmx salvazzjoni. Żomm lilek innifsek, ibni, ‘il bogħod minn kull ħaġa li taf li ma togħġobx lil Alla, jiġifieri fi kliem ieħor, żomm ‘il bogħod mid-dnub il-mejjet. Għandek tippermetti lilek innifsek li tiġi ttormentat b’kull tip ta’ martirju qabel ma tħalli li taqa’ fid-dnub il-mejjet! 

Jekk il-Mulej jippermettielek li tgħaddi minn xi tiġrib, kun paċenzjuż u aċċetta dan bi gratitudni, filwaqt li żżomm f’moħħok li dan seħħ għall-ġid tiegħek u forsi wkoll għax kien ħaqqek. Jekk il-Mulej jagħtik xi tip ta’ prosperita’, irringrazzjah b’umilta’ u ara li ma ssirx bniedem agħar għax taħkmek is-suppervja jew xi ħaġa oħra, għax int m’għandek qatt topponi lil Alla jew toffendih fejn għandhom x’jaqsmu l-istess doni tiegħu.

Segwi b’attenzjoni l-uffiċċju divin, bil-ferħ u bid-devozzjoni. Sakemm għadek fil-knisja, kun attent li ma tħallix lil għajnejk iduru ‘l hemm u ‘l hawn, u tgħidx kliem bla bżonn, imma itlob lill-Mulej bil-qima, bil-fomm jew b’talb interjuri mill-qalb.

Kun ta’ qalb kbira mal-foqra, dawk inqas ixxurtjati u dawk imġarba. Għinhom kemm tiflaħ u kkunslhom kif tista’. Irringrazzja lill-Mulej tal-benefiċċji kollha li jkun tak, ħalli jkun jistħoqqlok tirċievi aktar. Kun ġust man-nies u mingħajr tidwir ‘l hemm jew ‘l hawn, imma żomm biss mal-linja tal-ġustizzja. Kun dejjem man-naħa tal-foqra aktar milli ma’ dik tas-sinjuri, sakemm tista’ tkun ċert mill-verita’. Ara li n-nies tiegħek jgħixu fil-ġustizzja u l-paċi, imma b’mod speċjali dawk li għandhom pożizzjoni ekklesjastika u jagħmlu parti minn ordnijiet reliġjużi.

Kun devot u ubbidjenti lejn Ommna l-Knisja ta’ Ruma u lejn il-Pontifikat Suprem tal-Papa bħala l-missier spiritwali tiegħek. Aħdem biex tneħħi d-dnubiet kollha minn artek, partikolarment tad-dagħa u l-ereżiji.

Fl-aħħar nett, għażiż ibni, nagħtik kull barka li missier li jħobb lil ibnu jista’ jagħti. J’Alla t-Tliet Persuni tat-Trinita’ Qaddisa u l-qaddisin kollha jipproteġuk minn kull ħażen. U j’Alla l-Mulej jagħtik il-grazzja li twettaq ir-rieda tiegħu ħalli b’hekk Hu jkun jista’ jiġi moqdi u unurat permezz tiegħek, ħalli fil-ħajja li jmiss inkunu nistgħu flimkien narawh, inħobbuh u nfaħħruh għal dejjem. Ammen.

TalbaO Alla, int ħadt lil San Ludoviku mit-tmexxija ta’ saltna fuq l-art għall-glorja tas-Saltna tas-Sema; bit-talb tiegħu, agħtina li fil-qadi ta’ dmirijietna, f’din il-ħajja li tgħaddi, infittxu s-Saltna tiegħek, li tibqa’ għal dejjem. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://www.ewtn.com/library/mary/louis.htm

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-louis-of-france/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Louis_IX_of_France

Il-pariri li San Ludoviku ta lil ibnu bl-Ingliż: http://tylertenbarge.blogspot.com/2012/08/saint-louis-letter-to-his-son.html

Dokumentarju dettaljat u interessanti dwar il-ħajja ta’ San Ludoviku:

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements