26 ta’ Awwissu: Santa Eliżabetta Bichier

Verżjoni Vidjo: Santa Eliżabetta Bichier

“Jien iddedikajt u kkonsagrajt lili nnifsi lil Ġesu’ u lil Marija għal dejjem.” Kitba li Eliżabetta kitbet meta kienet għada żagħżugħa fuq wara ta’ santa tal-Madonna 

image

SANTA ELIŻABETTA BICHIER
Verġni, 1773 – 1836

Tagħrif: Imwielda Le Blanc fi Franza fl-1773, Eliżabetta kienet ġejja minn familja tajba. Hija għaddiet it-tfulija tagħha f’kunvent fi Poitiers.

Matul il-perjodu tar-Revuluzzjoni Franċiża, il-familja ta’ Eliżabetta tilfu kull ma’ kellhom. Dan minħabba li r-republikani kienu qed jieħdu propjeta’ mingħand in-nobbli.

Imma din iż-żagħżugħa Franċiża inteliġenti tad-19-il sena, studjat il-liġi ħalli tkun tista’ tiddefendi l-kawża tal-familja tagħha fil-qorti. Peress li kienet avukata tajba, hija rebħet il-kawża u salvat lill-familja tagħha. Kull ma’ kien jonqosha kienet li tiżżewweġ lil xi ħadd nobbli bħalha.

Imma Eliżabetta ma kellha l-ebda intenzjoni li tiżżewweġ. Fuq wara ta’ santa tal-Madonna, hija kitbet: ‘Jien iddedikajt u kkonsagrajt lili nnifsi lil Ġesu’ u lil Marija għal dejjem.’

Wara xi żmien hija daħlet fil-kunvent u saret soru. Fl-1806, bl-għajnuna tas-saċerdot Indri Fournet (li mbagħad ġie wkoll iddikjarat qaddis), bdiet kongregazzjoni reliġjuża ġdida ta’ nisa, biex jieħdu ħsieb il-morda u l-anzjani, l-edukazzjoni tat-tfal u biex joffru riparazzjoni għad-dagħa u s-sagrileġġi kontra s-Santissimu Sagrament fi żmien ir-Revuluzzjoni Franċiża. Il-kongregazzjoni kienet ġiet rikonoxxuta uffiċċjalment fis-sena 1816 u ngħataw l-isem ta’ “Daughters of the Cross.”

Bħala tifla ċkejkna, l-aktar logħba li kienet tħobb tilgħab din il-qaddisa, kienet dik li tibni kastelli fir-ramel. Ħafna snin wara, hija kellha tieħu fuqha r-responsabbilta’ li tibni ħafna kunventi għall-kongregazzjoni tagħha. Biex tiċċajta, kienet tħobb tgħid: “Naħseb ix-xogħol tal-bini kellu jkun in-negozju tiegħi, ladarba bdejtu minn ta’ eta’ żgħira.”

Eliżabetta kienet lesta taffaċċja kull tip ta’ periklu biex tgħin lin-nies. Darba sabet vagabond marid mixħut fl-istalla. Hi ġabitu fl-isptar tal-kunvent u għamlet kull ma setgħet miegħu sa ma miet. L-għada filgħodu il-pulizija ġew jgħidulha li setgħet ġiet arrestata talli kienet għenet raġel kriminali.

Eliżabetta ma kienitx tibża’. “Jien għamilt biss dak li kieku kont tagħmel int,” wieġbet lill-pulizija. “Jiena sibt lil dan ir-raġel fqir u marid u ħadt ħsiebu sa ma’ miet u lesta li ngħid lill-Imħallef dak li ġara.”

Ovvjament, bl-onesta’ u l-karita’ tagħha rebħet ir-rispett tan-nies. Kienu jammiraw il-mod ċar u bla tlaqlieq li bih kien dejjem ikollha risposta għal kollox. Sas-sena 1830, Eliżabetta kienet fetħet aktar minn 60 kunvent.

Il-ko-fundatur tagħha, is-saċerdot qaddis Indri Fournet, miet fis-sena 1834. Hi kitbet lis-sorijiet tagħha, “Din hi telfa kbira u ta’ niket kbir għalina.”

Umbagħad, 4 snin wara, fl-1836, Eliżabetta mardet gravament u wara 10 ijiem ta’ sofferenza akuta, mietet fis-26 ta’ Awwissu. Hi ġiet iddikjaratha qaddisa minn Papa Piju XII fis-sena 1947.

ĦsiebL-għaqal u l-kuraġġ ma jonqsux fil-qalb tan-nisrani. U dawn huwa riżultat ta’ min jiddeċiedi li jwieġeb b’mod radikali għall-Vanġelu. Aħna lkoll imsejħa biex bil-qlubija kollha, inkunu fuq in-naħa ta’ Kristu, li hu preżenti fil-proxxmu tagħna b’mod speċjali f’dawk l-aktar mistmerra, mitlufa u mwarba. Id-dinjita’ tagħna ta’ nsara tinsab f’li nħobbu lil xulxin, anki lill-kriminali. Jekk indewquhom xi tfisser il-karita’ nisranija, inkunu qed nuruhom li Alla jinsab preżenti anki fid-dinja mħawda tagħhom, u lest biex juri ħniena magħhom jekk dawn ikunu lest li jilqgħuha.

Forsi int li qed taqra għandek lil xi ħadd fil-familja jew taf b’xi ħadd, li qed jgħix ħajja ‘l bogħod minn Kristu u t-tagħlim tiegħu. Taf li forsi ilek titlob u tipprova tħobb jew tgħin lil din il-persuna u jista’ jkun li kkonkludejt li kollu għal xejn! Fuq l-eżempju ta’ din il-qaddisa, li xejn ma żammha milli b’fidi tkompli tħobb lil kulħadd bla distinzjoni, agħmel kuraġġ u kompli poġġi t-tama tiegħek f’Alla, filwaqt li ma tieqafx milli tħobb b’kull mod possibli. Ftakar fuq kollox, li t-talb hu l-aktar effettiv għax huwa arma moħbija li bija bil-mod il-mod, il-Mulej jibda’ jeqred il-ħażen minn ġol-qlub tan-nies li nitolbu għalihom.

Għada niċċelebraw il-festa ta’ Santa Monika, li nistgħu ngħidu li għexet għal skop wieħed biss; dak li titlob għall-konverżjoni ta’ binha Wistin. U tassew, wara 30 sena sħaħ tippersevera f’talb mimli dmugħ u swied ta’ qalb, il-Mulej mhux talli rattab il-qalb kiesħa u mudlama ta’ binha, talli għamel minnu qaddis kbir u kolonna soda fil-Knisja tiegħu.

  • U inti, għandek fidi li Alla jisma’ talbek, qed jara l-isforzi tiegħek u se jberikom żgur, meta u kif irid hu?
  • Se tkompli tippersevera fit-tajjeb, b’tama f’Alla li dan mhux kollox għal xejn?

Dur bil-qalb lejn din il-qaddisa tal-lum u itlobha biex bl-interċessjoni tagħha taqlalek il-grazzji li għandek bżonn ħalli ma taqtax qalbek quddiem nies diffiċli u qlub nieqsa mill-imħabba vera ta’ Alla. Hu l-Mulej innifsu li qed jafdak b’persuni bħal dawn, biex int iddewwaqhom mill-Għajn tal-Imħabba qaddisa, li hi Alla nnifsu. Kuraġġ! Alla jinsab miegħek f’dan kollu! 

Talba: O Alla, li bil-grazzja tiegħek, Eliżabetta Bichier ipperseverat fl-imitazzjoni tagħha ta’ Kristu, fqir u umli, agħtina li bl-interċessjoni tagħha għalina, aħna ngħixu b’fedelta’ l-vokazzjoni tagħna, ħa naslu għall-perfezzjoni li tixtieq tara fina. Ammen.

English Version: https://vitaesanctorum.wordpress.com/2015/08/26/st-elizabeth-bichier-foundress/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-jeanne-elizabeth-des-bichier-des-anges-346

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Joan_Elizabeth_Bichier_des_%C3%82ges

Advertisements