27 ta’ Awwissu: Santa Monika

Verżjoni Vidjo: Santa Monika

“Ibni, ngħid għalija, ma għandi xejn iżjed x’jiġbidni f’din il-ħajja. Issa li ntemmet għalija t-tama ta’ din id-dinja, ma nafx x’jien nagħmel iżjed hawn jew għalfejn għadni hawn. Ħaġa waħda kelli, li minħabba fiha xtaqt nibqa’ ftit ieħor f’din il-ħajja: dik li nara lilek nisrani kattoliku qabel immut. Alla tani aktar minn hekk, għax int stmerrejt l-hena tad-dinja u issa qiegħda narak taqdi lilu. X’jien nagħmel hawn?” Santa Monika lil binha Wistin xi ftit jiem qabel mewtha

Saint-MonicaSANTA MONIKA
Armla: 332 – 387

Tagħrif: Santa Monika twieldet fi ħdan familja nisranija sinjura fis-sena 332, f’Tagaste, illum Souk-Arras, fl-Afrika ta’ Fuq. Meta kellha madwar sittax-il sena, kif kienet id-drawwa ta’ dawk iż-żminijiet, tgħammdet u għamlet l-Ewwel Tqarbina. Xi erba’ snin wara żżewwġet lil wieħed żagħżugħ pagan jismu Patrizju, u kellha tlitt itfal, żewġ subien u tifla.

Monika sofriet ħafna minn żewġha minħabba n-natural qalil li kellu u wkoll minħabba n-nuqqas ta’ fedeltà lejha. Hi ma nfexxitx fil-ġlied u fit-tgħajjir, imma fittxet li tgħix sewwa u tkun twajba, ħelwa u paċenzjuża miegħu.

Anke omm żewġha kienet tal-istess natural ta’ binha, u Santa Monika sofriet ħafna minnha wkoll.

Wara tmintax-il sena f’din il-ħajja ta’ żwieġ, Monika rat lil żewġha jinbidel u jaqbad ħajja tajba u saħansitra sar nisrani. Wara sena miet, fis-sena 370.

Għall-aħħar tal-istess sena, binha l-kbir Wistin meta kellu sittax-il sena, mar jistudja f’Kartaġni li dak iż-żmien kienet il-belt ewlenija tal-Afrika. Hemm iltaqa’ ma’ mara u għex magħha bla ma żżewwiġha sas-sena 385, u kellhom tifel, Adeodatu. Sadanittant kien ħaddan l-ereżija tal-Manikej. Minn Kartaġni mar Ruma u wara Milan.

B’qalbha maqsuma Santa Monika kienet issus u tiġri wara binha biex ma jkomplix f’dik il-ħajja. Fis-sena, 383 marret Ruma warajh u fis-sena 386, marret Milan.

F’Milan kellha x-xorti tara l-konverżjoni ta’ binha u għenitu jipprepara ruħu għall-Magħmudija minn idejn l-Isqof San Ambroġ fl-Għid tas-sena 387.

Ftit wara l-Magħmudija, Santa Monika flimkien ma’ binha telqu minn Milan biex imorru lura lejn l-Afrika. Meta kien f’Ostia jistennew il-bastiment biex jimbarkaw fuqu għal Kartaġni, Monika mardet u fi żmien disat ijiem mietet meta kellha 54 sena. Difnuha f’Ostia, iżda fl-1430 il-Papa Martin V ġab ir-relikwi tagħha Ruma fejn illum jinsabu fil-Knisja ta’ San Wistin.

Ħsieb: Illum tiltaqa’ ma bosta nies, b’mod speċjali ġenituri, li għandhom storja ta’ qsim-il qalb x’jirrakuntaw dwar xi iben jew bint, jew xi ħadd qarib tagħhom, li ħarġu ‘l barra mit-triq tal-fidi, li ma għadhomx imorru quddies jew qed jgħixu ħajja immorali, jew li lanqas għammdu lil uliedhom. Huma jistaqsu: “Imma x’nistgħu nagħmlu?” Ir-risposti huma dawn:

  • Itolbu u ibqgħu ipperseveraw fit-talb!
  • Agħtu eżempju tajjeb bil-mod kif tgħixu intom.
  • Ħobbu bi mħabba qaddisa kif ħabbna u għallimna Kristu.
  • Armaw ruħkom b’ħafna paċenzja u tama kbira f’Alla.
  • Il-fidi tagħkom f’dan kollu, tgħinkom tkomplu għaddejja fil-ħajja u tagħmilkom nies aħjar.

Xi kultant tistgħu toħorġu bi stqarrija oħra: “Imma Alla mhux qed jisma’ talbi!” Filfatt, Alla jisma’ kull talba li nagħmlu għall-oħrajn, imma hemm ċerti limitazzjonijiet fil-mod kif huwa jwieġeb għal talbna. Per eżempju, Alla ma jistax ineħħi l-libertà tal-għażla mill-persuni u jġelgħelhom jerġgħu lura lejn il-fidi bilfors. Alla huwa Mħabba u jħobbna tant, li ma joħdilnix il-libertà tagħna, għax tassew l-imħabba hekk titlob.

Mela meta inti tagonizza fuq persuna/i li telqu l-fidi, għandek tiftakar li Alla qed jaqsam miegħek din is-sofferenza. Jekk int jiddispjaċik tant għalihom, immaġina kemm aktar hu ddispjaċut Alla – hu li xerred demmu fuq is-salib għas-salvazzjoni tagħhom! Meta naqsmu tbatijiet simili ma’ xulxin, dan iressaqna qrib xulxin. U għalhekk, meta inti taqsam is-sofferenza tiegħek ma’ Alla, żomm f’moħħok li Hu qed jaqsam tiegħU miegħek dwar l-għeżież tiegħek, u dan iressqek qribU.

Imma x’se jsir mill-persuna/i mitlufa? Ejjew inkunu bħal Monika li talbet b’fiduċja u bkiet fuq binha Wistin għal 30 sena sħaħ! Afda dak li San Ambroġ qal lil Monika meta din fetħet qalbha miegħu dwar il-qagħda ta’ binha: “Ħallih! Kompli itlob għalih. Huwa impossibli li dan ibnek, li fuqu xerridt ħafna dmugħ, jintilef!”

“Min jistenna jithenna!” Imma rridu nistennew kif stenniet Santa Monika – bis-sabar, bil-kuraġġ, bil-għaqal u bit-talb. Għada niċċelebraw il-festa ta’ binha Wistin li mhux biss tgħammed, imma sar Isqof ta’ Hippo, għex ħajja ta’ qdusija u minħabba l-kitbiet prezzjużi li ħallielna, ġie ddikjarat Qaddis u Duttur tal-Knisja. Altru semax talbha Alla! Monika rnexxielha tara l-konverżjoni ta’ żewġha, tal-kunjata u ta’ binha Wistin. Nistgħu ngħidu li għexet propju biex titlob sa ma jseħħ dan u mietet hienja tassew!

  • U int, għalfejn qed tgħix?
  • X’inhu l-iskop ewlieni ta’ ħajtek?
  • Taħdem biex tara l-konverżjoni ta’ dawk ta’ madwarek?

Talba: O Alla, faraġ tal-imnikktin, int, kollok ħniena, ilqajt id-dmugħ li Santa Monika xerrdet bil-qalb għall-konverżjoni ta’ binha Santu Wistin; bit-talb tagħhom it-tnejn, agħtina li aħna nibku ħtijietna biex naqilgħu l-grazzja u l-maħfra tiegħek. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2013/08/today-is-feast-of-st-monica.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-monica/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Monica

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements