28 ta’ Awwissu: Santu Wistin ta’ Ippona

Verżjoni Vidjo: Santu Wistin ta’ Ippona

“Tard jien ħabbejtek Sbuħija bla tarf, tard jien ħabbejtek Ġmiel tassew qadim tassew ġdid. Inti Mulejja kont tgħammar ġewwa fija, fittixtek barra minni. U jien bla ebda sura, tgħaxxaqt b’dik is-sbuħija tal-ħolqien tiegħek. Int kont miegħi u miegħek jien ma kontx. Żammewni l-istess ħwejjeġ li ma kinux jeżistu li kieku m’humiex Fik. Inti għajjattli u l-widnejn torox infetħu bis-sejħa li għamiltli. Bħal berqa xħettli d-dija tiegħek fuqi. Neħħejtli l-għamad. Xerridt il-fwieħa tiegħek u jien ġbidt nifs ‘il ġewwa. Għalik kollni mxennaq. Issa li doqtok, imġewwaħ u għatxan. Messejtni u jien tħeġġiġt. ” Santu Wistin wara li kkonverta.

ST. AUGUSTINE OF HIPPO DEPICTED IN STAINED-GLASS WINDOW IN PHOENIXSANTU WISTIN TA’ IPPONA
Isqof u Duttur tal-Knisja: 354 – 430

Tagħrif: Santu Wistin twieled fit-13 ta’ Novembru, 354 minn missier pagan, Patrizju, li kien Kunsillier ta’ muniċipju, u minn omm nisranija Kattolika, Monika, ta’ razza bérbera f’Tagaste, fin-Numidja, Souk-Ahras, illum l-Alġerija.

Minħabba l-edukazzjoni li kellu, hu kien marbut b’ruħu u b’ġismu ma’ Ruma, mal-Imperu Ruman, u mal-kultura Rumana. Studja f’Tagaste fejn twieled, wara kompla jistudja fil-belt ta’ mad-dawra (ġewwa l-Alġerija) u mbagħad temm l-istudji f’Kartaġni. Meta kellu tnax-il sena kien se jmut minħabba x-xedda li qabditu, u kien se jitgħammed. Imma billi għaddielu, hu baqa’ ma tgħammidx żgħir.

Ta’ dsatax-il sena tbiegħed mill-fidi Kattolika. Wara li qara l-ktieb L-Ortensju ta’ Ċiċerun li kien iħajjar għat-triq tal-filosofija, Wistin sar Manikew. Issa mietlu missieru (370), u reġa’ lura lejn Tagaste, u miegħu ħa l-mara li kien jgħix magħha u lil binhom Adeodatu. Ommu ma laqgħethomx għandha.

Hu beda jgħallem il-grammatika Latina fl-istess Tagaste (374). Wara dan huwa qabad jgħallem ir-retorika l-ewwel f’Kartaġni (375-383), imbagħad f’Ruma (384), u fl-aħħar Milan (Ħarifa 384 – Sajf 386). Kien għatxan għall-għerf u sab dak li xtaq meta sama’ lill-Isqof ta’ Milan, San Ambroġ, jipprietka. Dan l-Isqof qaddis flimkien mal-istudji tan-neoplatoniċi, għenuh iħoll il-problema tal-materjaliżmu u tal-ħażen. Bil-qari ta’ San Pawl hu għeleb il-problema tan-naturaliżmu, u fehem li Kristu mhux biss hu l-Imgħallem, imma wkoll il-Feddej. Hekk wasal biex aċċetta l-medjazzjoni divina u l-grazzja. U fl-aħħar wasal ukoll għall-konverżjoni tiegħu.

Wistin ikkonverta fl-ewwel jiem tax-xahar ta’ Awwissu tas-sena 386, jiġifieri 44 sena qabel ma miet bħala Isqof ta’ Ippona. Bejn il-konverżjoni u l-episkopat tiegħu għaddew ftit inqas minn għaxar snin, imma dan kien perjodu mimli progress spiritwali u kisba ta’ tagħlim tat-teoloġija Kattolika.

Hekk kif ikkonverta hu ħa żewġ deċiżjonijiet kbar:

  • dik li jirrinunzja għat-tagħlim tar-retorika, u
  • dik li jirrinunzja għaż-żwieġ.

Hekk, qrib it-tmiem ta’ Ottubru tas-sena 386 Wistin irtira f’Kassiċijaku, x’aktarx Cossago fil-Brianza, biex hemm iħejji ruħu għall-magħmudija. F’dan il-post hu għamel inqas minn ħames xhur għaliex fl-ewwel ġranet ta’ Marzu tas-sena 387 hu reġa’ lura lejn Milan, inkiteb katekumenu, segwa l-kors tal-katekeżi li għamel Ambroġju u kien mgħammed flimkien ma’ Alipju, sieħbu, u Adeodatu, ibnu, fil-lejl ta’ bejn l-24 u l-25 ta’ April, il-viġilja tal-Għid tas-sena 387. Ommu kienet preżenti għall-magħmudija tiegħu, għax hi kienet marret tfittxu u kienet iltaqgħet miegħu f’Milan, xi sena qabel.

Wara l-Magħmudija Santu Wistin flimkien ma’ ommu u xi ħbieb tiegħu, kien ser jirritorna lejn l-Afrika, imma ftit wara li waslu f’Ostia Tiberina, ommu mardet u mietet. Wistin reġa’ lura lejn Ruma u baqa’ sas-sena ta’ wara jikteb il-kotba u jitkixxef iżjed dwar il-ħajja monastika. Wara l-mewt tal-Imperatur Massimu li ġrat f’Lulju jew f’Awwissu tas-sena 388, Wistin ħalla Ruma u mar Tagaste fejn beda l-ħajja komunitarja flimkien mal-ħbieb tiegħu u ma’ Adeodatu li mbagħad miet minn sena sa tliet snin wara (389-391).

Fis-sena 391, Wistin mar Ippona bil-ħsieb li jsib xi post fejn ikun jista’ jwaqqaf knisja. F’dik l-okkażjoni hu aċċetta kontra qalbu li jkun ordnat saċerdot. L-Isqof Valerju tah biċċa mill-kwartier nisrani biex iwaqqaf hemm il-monasteru tal-lajċi li xtaq jibni. Hawn beda jagħti ruħu għal iżjed ħajja axxetika, għal iżjed studji tat-teoloġija, u fl-istess ħin beda l-ħidma tiegħu tal-predikazzjoni.

Fis-sena 395 jew 396 hu kien ikkonsagrat Isqof. Għadda xi żmien jgħin lill-Isqof Valerju, imbagħad, għallinqas minn Awwissu tas-sena 397, hu beda l-ħidma tiegħu proprja bħala Isqof ta’ Ippona. Meta sar Isqof tal-post, Wistin ħalla l-monasteru tal-lajċi fejn qabel kien superjur, u mar fid-dar tal-Isqof u għamel minn din monasteru tal-Kjeriċi.

Bħala Isqof, Santu Wistin ħadem bis-sħiħ kemm fid-djoċesi tiegħu, kemm fi djoċesijiet oħra fejn mar ħafna drabi l-iktar biex jipprietka, u kemm għall-Knisja universali l-iktar bil-kotba tiegħu. Fid-djoċesi tiegħu, Wistin kien jipprietka regolarment darbtejn fil-ġimgħa, jiġifieri s-Sibt u l-Ħadd. F’xi okkażjonijiet kien jipprietka għal ġranet sħaħ wara xulxin, meta mhux ukoll jagħmel żewġ prietki kuljum.

Kellu wkoll laqgħat tal-Isqof mal-membri tad-djoċesi, li kienu jissejħu audientia episcopalia, u dan biex jisma’ u jaqta’ s-sentenzi fil-kawżi li kienu jippreżentawlu l-fidili. Xi kultant dawn il-laqgħat kienu jdumu l-ġurnata kollha.

Kellu wkoll jieħu ħsieb il-fqar, ir-romol u l-iltima permezz ta’ tqassim ta’ affarijiet meħtieġa għall-ikel u għall-ħajja mill-imħażen li kien hemm apposta fil-kwartier nisrani.

Kien jieħu ħsieb it-tagħlim reliġjuż tal-kleru li fosthom ġab riforma kbira bil-ħsieb li s-saċerdoti jkunu iktar kapaċi teoloġikament u liturġikament. Organizza l-monasteri kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa.

Kien iżur il-morda fi djarhom stess. U kien jaqbeż għall-fidili quddiem l-awtorità ċivili. Kien ukoll jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tal-ġid tal-Knisja, xogħol li kien jagħmel kontra qalbu.

Għall-Knisja tal-Afrika u b’xi mod għall-Knisja Universali, hu ħa sehem f’diversi konċilji Afrikani. Kiteb ħafna ittri bħala tweġiba għall-problemi jew mistoqsijiet li kienu jagħmlulu. Ħa sehem f’disputi pubbliċi mal-eretiċi meta tqum l-okkażjoni, fosthom fil-konferenza tas-sena 411 bejn Isqfijiet Kattoliċi u Isqfijiet Donatisti. Hu ħadem ħafna għas-soluzzjoni tax-xiżma Donatista u tal-kontroversja Pelaġjana.

Meta miet fit-28 ta’ Awwissu tas-sena 430, fit-tielet xahar tal-assedju ta’ Ippona mill-Vandali, ħalla warajh ħafna opri mhumiex mitmuma. L-aħħar xogħol tiegħu kienet l-Ittra 228 li x’aktarx li ddettaha fuq is-sodda ta’ mewtu u indirizzaha lis-saċerdoti tad-djoċesi dwar id-dmirijiet tagħhom għal waqt l-invażjoni barbarika.

Hu kien midfun fil-Bażilika Pacis ġewwa Ippona. Iktar tard l-għadam tiegħu, f’data inċerta, ittieħed f’Sardinja, u qrib is-sena 725 kien ittrasportat f’Pavia fil-Bażilika ta’ San Pietru f’Ciel d’Oro, fejn għadu sal-lum.

L-iktar kotba famużi ta’ Santu Wistin huma “Il-Belt ta’ Alla” u “L-Istqarrijiet.” Fosthom, “Il-Belt ta’ Alla” (De Civitate Dei) hi l-aqwa biċċa xogħol tiegħu. Fiha hu jagħti fil-qosor il-ħsieb tiegħu filosofiku, teoloġiku u politiku. Dan kitbu bejn is-snin 413-426.

Ħsieb: Il-bieraħ iċċelebrajna l-festa ta’ omm bl-isem ta’ Monika, li għamlet snin twal (30 sena) imnikta minħabba l-ħajja ħażina ta’ binha. Hi talbet u xerdet id-dmugħ bix-xewqa li tarah mibdul. Illum niċċelebraw il-festa ta’ binha, magħruf bħala Santu Wistin, Isqof u Duttur tal-Knisja.

Fl-awtobiografija tiegħu magħrufa bħala “L-Istqarrijiet” huwa kiteb din is-sentenza famuża: “O Alla, inti għamiltna għalik, u qalbna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistrieħx fik.” F’waħda mid-diski tiegħu, Bruce Springsteen jgħid ukoll li: “F’kull qalb hemm il-ġuħ.” Bħal donnu hemm vojt f’qalb kulħadd u nibqgħu bil-ġuħ u bla mistrieħ, sakemm ma nimlewhx. U aħna nippruvaw minn kollox: pjaċiri tal-mument, relazzjonijiet, ikel tajjeb, affarijiet materjali, kumditajiet, lussu, eċċ… Dan il-ġuħ jista’ bħal jittaffa għal ftit tal-ħin, imma l-vojt ta’ qalbna jibqa’! Dan għaliex, kif skopra Wistin, aħna maħluqa biex ngħixu f’għaqda ma’ Alla-Imħabba, u xejn ħlief din l-għaqda, ma timla’ l-qalb. Dan il-vojt fina huwa infinit u jista’ jimtela’ biss b’Alla, għax Alla biss infinit.

Fl-Istqarrijiet,’ Wistin ikompli jirrakkonta li dam ħafna jfittex din l-Imħabba f’postijiet żbaljati, imma fl-aħħar sabha f’Alla, jew aħjar Alla sab lilu. U hawn Wistin joħroġ bil-għanja tiegħu ta’ mħabba lejH, li nsibu bħala kwotazzjoni bil-blu fil-bidu ta’ dan l-artiklu. Din turina li wara ħafna snin, Wistin sab li hu Alla l-unika Mħabba li tissodisfa lill-bniedem. Xi ġmiel ta’ kliem, li juri l-qsim ta’ qalb ta’ Wistin għax dam wisq biex skopriH u beda jħobbU! Jgħid li ħaseb li se jsib il-ferħ f’affarijiet maħluqa, u li fl-istess ħin Alla kien tant qrib tiegħu, anzi ġewwa fih. Imma kif seta’ jgħid li Alla kien ġewwa fih? Iva, għax l-Ispirtu s-Santu hu qrib tagħna, hu bħan-nifs li nieħdu.

L-Ispirtu s-Santu bħalissa jinsab fik u lest li jkun il-gwida, l-ispirazzjoni u l-għalliem tiegħek, u jitlob minn ġewwa fik. Dan jagħmlu biss jekk inti tħalliH. Itolbu bil-qalb biex ikompli jieħu kontroll ta’ ħajtek f’dan il-mument u afdah li hu jista’ jimliek b’dak il-ferħ u b’din il-paċi li jekk iddur id-dinja kollha ma’ ssibhiex! Warrab minn ħajtek dak li taf li bih qed iżżomm lil Alla milli jkun jista’ jagħtik dan f’qalbek, li forsi bla ma taf, inti tant imxennaq għalih!

Talba: Lilek biss inħobb, Mulej, warajk biss irrid nimxi.
Lilek biss irrid infittex, u lilek biss irrid naqdi.
Nitolbok, Mulej, ikkmandani dak li trid.
Irrid naqdik bil-ferħ kollu ta’ qalbi.
Għaliex mhux l-indiema, imma l-imħabba qiegħda ssejjaħli lejk.
Agħmel, Mulej, li nkun kapaċi nisma’ dak li int tixtieq minni.
Għinni ngħix dak li tikkmandani, u kkmandani dak li trid.
Agħmel li nsibuk, għax qabel ma nsibuk, ma nistrieħux.
Fik biss tinsab il-hena u l-mistrieħ tagħna.
Int għamiltna għalik, o Alla, u qalbna ma ssib qatt kwiet,
jekk ma tistrieħx fik. Ammen.
(Talba ta’ Santu Wistin)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/news/august-28-marks-feast-of-st.-augustine-convert-who-changed-church-history

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-augustine-of-hippo/

Wikipedia in English: https://en.wikipedia.org/wiki/Augustine_of_Hippo

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-Wikidepia.

Advertisements