30 ta’ Awwissu: San Pammakju

Verżjoni Vidjo: San Pammakju

“Martek hija issa xhieda tiegħek u dik li tinterċedi għalik ma’ Ġesu’. Agħmilha dik li takkumpanjak fl-atti ta’ karita’ li tagħmel. Hi unurata bil-virtujiet tiegħek u tixba’ bil-ħobż li inti tagħti lill-foqra.” Uħud mill-kliem ta’ nkuraġġiment li San Pawlinu ta’ Nola u xi ħbieb oħra, kitbu lil San Pammakju malli saru jafu bil-mewt ta’ martu f’qasir il-għomor

pammachius_ss_giovanni_e_paolo.jpgSAN PAMMAKJU
Għex fir-4 Seklu
Miet qrib is-sena 409

Tagħrif: Pammakju twieled minn familja nobbli Rumana. F’żogħżitu, ifrekwenta l-iskejjel tar-retorika u sar ħabib ta’ San Ġlormu. Baqgħu ħbieb u żammu kuntatt bejniethom tul ħajjithom. Fis-sena 385, Pammakju żżewweġ lil Pawlina, it-tieni bint ta’ Santa Pawla, ħabiba oħra ta’ Ġlormu. Imma Pawlina mietet waqt li kienet qed twelled fis-sena 397 u San Ġlormu, San Pawlinu ta’ Nola u xi ħbieb oħra kitbu ittri mqanqla lil Pammakju mimlija kondoljanzi, kuraġġ u wegħdi tat-talb tagħhom. “Martek hija issa xhieda tiegħek u dik li tinterċedi għalik ma’ Ġesu’,” kitiblu San Pawlinu ta’ Nola. “Agħmilha dik li takkumpanjak fl-atti ta’ karita’ li tagħmel. Hi unurata bil-virtujiet tiegħek u tixba’ bil-ħobż li inti tagħti lill-foqra.”

Minkejja li Pammakju tnikket ħafna bil-mewt ta’ martu, hu ħa l-parir tal-ħbieb tiegħu, beda jgħix ta’ patri u ngħata kollu kemm hu għal ħidmiet ta’ karità, b’mod speċjali f’ospizju, li kien bena flimkien ma’ San Fabjola f’Porto, fil-bokka ta’ Tiberija, għall-barranin foqra. Kien idur bil-pellegrini foqra, morda jew dawk b’diżabbilta’. Pammakju kien jemmen li l-għażiża martu kienet qed tieqaf miegħu waqt li kien qed jagħmel dawn l-atti ta’ ħniena. Pawlina kienet magħrufa għall-imħabba tagħha lejn il-foqra u l-batuti u hu ried ikompli jimxi fuq il-passi tagħha. Żewġha issa beda jemmen li, li jieħu ħsiebhom, kien l-aqwa tribut possibli li seta’ jagħti għall-memorja ta’ martu.

Fis-sena 399 Pammakju u Oċejanu kitbu lil San Ġlormu u nkoraġġewh biex jagħmel traduzzjoni mill-oriġinal tad-De Principiis ta’ Oriġenu u biex jirriġetta l-insinwazzjoni ta’ Rufinu. San Ġlormu wieġeb is-sena ta’ wara. Pammakju kien aktar ġentili fi kliemu minn San Ġlormu u ġieli ġiebed l-attenzjoni ta’ San Ġlormu dwar dan. Minkejja li Ġlormu rringrazzja lil ħabibu tal-interess tiegħu, baqa’ ma bidilx ċertu ħruxija fi kliemu, l-aktar meta kien jikkumbatti l-ereżiji ta’ żmienhom. Pammakju pprova wkoll jirrikonċilja lil Ġlormu ma’ Rufinu li kellhom nuqqas ta’ qbil fl-argumenti tagħhom, imma Ġlormu baqa’ sod fil-pożizzjoni tiegħu.

Pammakju kien jikkorispondi wkoll ma’ Santu Wistin. Fis-sena 401, Santu Wistin innifsu rringrazzja lil Pammakju għal ittra li kiteb lin-nies ta’ Numidja, fejn hu kellu propjetà, u talabhom biex jabbandunaw ix-xiżma Donatiska. Ħafna mill-kummentarji ta’ San Ġlormu dwar l-Iskrittura, kienu ddedikati lil Pammakju.

Is-sit fejn inbena l-ospizju, ġie skavat, u l-iskavi żvelaw il-pjan u l-arranġament ta’ dan il-bini uniku fit-tip tiegħu, li kien fih kmamar u swali għall-morda u l-foqra mad-dawra kollha.

Interessanti wkoll il-fatt li Pammakju kellu knisja fid-dar tiegħu, dik li llum hi l-Basilika tal-Passjonisti, iddedikata lill-Qaddisin Ġwanni u Pawlu f’Ruma. Din twaqqfet jew minn Pammakju nnifsu, jew minn missieru. Fil-bidu din kienet magħrufa bħala Titulus Bizantis, u mbagħad bħala Titulus Pammachii.

Pammakju miet madwar is-sena 409 meta l-Goti ħadu lir-Ruma.

Ħsieb: Fil-Ktieb ta’ Tobija Kapitlu 4, versi 16 u 18 insibu dan:

“Mill-ħobż tiegħek itma’ lil min hu bil-ġuħ, u minn ilbiesek libbes lil min hu għarwien. Kull ma jkollok żejjed, agħtih karità u tagħtix b’nofs qalb. Fittex il-parir ta’ min hu għaref; tmaqdarx parir siewi.”

U d-Duttur tal-Knisja San Basilju l-Kbir (329-379) isostni li:

“Il-ħobż li taħżen, huwa ta’ dawk li m’għandhomx x’jieklu;
l-ilbiesi li żżomm fil-gwardarobba, huma ta’ dawk li m’għandhomx x’jilbsu;
iż-żraben li ma tilbisx, huma ta’ dawk li m’għandhomx żarbun;
il-flus li għandek żejda, huma tal-foqra.”

Jidher li l-qaddis tal-lum fehem sewwa t-tifsir ta’ dawn il-vrus. Kull nisrani hu msejjaħ biex jagħmel użu tajjeb tal-ġid materjali li Alla pprovdielu u tal-ħin misluf lilu fuq din l-art. Imma x’wassal lil Pammakju biex jibda’ din il-ħidma konkreta tiegħu ta’ karita’ lejn il-proxxmu? Il-mewt ta’ martu u l-pariri siewja tal-ħbieb qaddisa li kellu.

Iva tassew li kien jgħożżha u hu minnu li ħassu mkisser ġewwa fih bit-telfa tagħha, għax din kienet tagħmel parti essenzjali minn ħajtu u magħha kien intrabat għal kollox. Ħsibijiet u tifkiriet imlew lil moħħu, u qalbu li kienet għadha maqsuma bin-niket, bdiet tara kif se ssib mezz biex minkejja l-firda, tibqa’ tesprimi mħabbitha lejn min ħobb. Min ġarrab il-mewt ta’ xi ħadd għażiż, jaf eżatt xi jfisser dan il-kliem.

Il-ħajja trid tkompli, kif kompliet dik ta’ Pawlina fis-sema, li kienet wkoll qalbha miftuħa għall-bżonnijiet ta’ dawk l-aktar batuti. Imma kif se tkompli tagħna hawn fuq l-art? Pammakju, bħalma ħafna drabi nagħmlu aħna, emmen u ttama li martu b’xi mod hi ruħ ħajja li tinsab miegħu f’kull ma’ jagħmel, u li ladarba kienet ruħ tajba, hi kienet qed titlob għalih quddiem Alla.

Imma f’imħabbtu lejha, Pammakju staqsa l-aktar mistoqsija li kienet tinteressah: “Kif nista’ nogħġob lil marti minn fejn hi qiegħda?” U r-risposta, li kienet bħal ispirazzjoni mis-Sema, ħadha mingħand il-ħbieb qaddisa li kellu. Beda jimla’ ħinu u ħajtu b’għemejjel ta’ karita’ kif kienet tagħmel hi, li mbagħad dawn imlewlu wkoll lil qalbu. Kien ċert li b’dan il-mod hu seta’ jagħmilha iżjed kuntenta. U tassew ġara dan, ladarba dawk l-għeżież li qegħdin jistennewna fis-sema, jifirħu jarawna nġemmgħu għalina teżori u post fil-ġenna biex meta jasal il-waqt, ninġabru lkoll flimkien ma ninfirdu qatt iżjed.

  • U aħna, meta ninfirdu minn ma’ xi ħadd għażiż għalina, kif nimlew il-vojt li din il-persuna tkun ħalliet f’ħajjitna u f’qalbna?
  • Nirsistu biex ngħixu b’mod li tabilħaqq ikunu nistgħu ningħaqdu ma’ dawk l-għeżież tagħna li ħallewlna eżempji tajba fuq x’hiex nimxu, ħalli mbagħad nissieħbu magħhom?
  • Min jaf li kieku ningħaqdu ma’ xi gruppi ta’ volontarjat li minnhom għandna bosta f’pajjiżna, biex barra li nkunu qed nagħmlu l-ġid lill-oħrajn, insibu wkoll is-sapport ta’ persuni oħra li jistgħu mbagħad isiru ħbieb tagħna?
  • U xi ngħidu għal dawn li ma jistgħux jerġgħu jiżżewġu għax għad hemm marthom jew żewġhom ħajjin u jinsabu separati minnhom? Kif qed jimlew il-vojt u l-ħin f’ħajjithom? Qed jużawh f’għemejjel li jagħtu glorja lil Alla u jedifikaw lill-proxxmu?

Talba: San Pammakju, itlob għalina, li b’xi mod inġarbu t-telfa ta’ xi ħadd li kien ifisser ħafna għalina; agħtina, li fuq l-eżempju tiegħek, aħna nimlew il-vojt ta’ ħajjitna b’għemejjel qaddisa bħalek, biex dan jimla’ wkoll lil qalbna, bil-paċi li għad tkun bla tmiem fis-Sema pajjiżna. Ammen.

English Version: http://faith.nd.edu/s/1210/faith/interior.aspx?sid=1210&gid=609&pgid=16085&cid=32368&ecid=32368&crid=0&calpgid=61&calcid=53508

Alternative Reading: https://vhoagland.wordpress.com/tag/coelian-hill/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pammachius

Tagħrif dwar San Ġilormu: https://mt.wikipedia.org/wiki/%C4%A0lormu

Advertisements