30 ta’ Settembru: San Ġilormu

Verżjoni Vidjo: San Ġilormu

“Min ma jafx l-Iskrittura, ma jafx lil Kristu.” San Ġilormu

st-jerome-icon-432SAN ĠILORMU
Saċerdot u Duttur tal-Knisja
340 – 420

Tagħrif: San Ġilormu twieled bejn is-snin 340 u 345, minn ġenituri għonja nsara, fi Stridonju, qrib Akwileja, mhux ‘il bogħod minn Trieste, mal-fruntiera tad-Dalmazja (Jugoslavja).

Il-ġenituri tiegħu bagħtuh Ruma biex jistudja taħt il-famuż għalliem Donatu. Tħarreġ sew fil-Grieg u fil-Latin.

F’madwar is-sena 360 tgħammed minn idejn il-Papa San Liberju. Billi kien tal-fehma li biex wieħed jikber fil-għerf ried bilfors jivvjaġġja, ħalla Ruma u mar idur mal-Imperu Ruman, fejn iltaqa’ ma’ ħafna persuni prominenti, sakemm waqaf f’Akwileja għall-ħabta tas-sena 370.

Fis-sena 374 telaq lejn l-Orjent fejn wara ħafna ġiri wasal Antjokja. Wara ftit mar f’deżert fil-qrib, Kalċide, jgħix ħajja ta’ eremita. Fl-istess waqt beda jistudja l-Ebrajk mingħand għalliem Lhudi.

Wara xi sentejn raġa’ lura lejn Antjokja, fejn l-Isqof An Pawlinu ordnah saċerdot, għad li hu xtaq li jibqa’ kif kien (x’aktarx li qatt ma qaddes).

Minn Antjokja mar Kostantinopli fejn beda jistudja l-Iskrittura Mqaddsa mingħand San Girgor Nazjanzenu, u fis-sena 382, telaq lejn Ruma.

F’Ruma l-Papa San Damasu I ħatru segretarju tiegħu. F’din il-kariga beda dak li fuq medda ta’ tletin sena kellu jsir ix-xogħol monumentali tiegħu, il-Vulgata. Kien ukoll il-mexxej spiritwali ta’ bosta nisa twajbin rumani, fosthom Santa Pawla.

Ftit wara l-mewt tal-Papa Damasu (Diċembru 384), Ġilormu erħielha lejn l-Art Mqaddsa fejn wasal fis-sena 386. Hawn bena monasteru għall-irġiel, ieħor għan-nisa, u ieħor biex jilqa’ l-pellegrini fih halli jekk Marija u Ġużeppi jerġgħu jiġu jżuru Betlem, isibu post ta’ kenn. Hu mar jgħix f’għar fil-qrib imħejji apposta għalih.

Meta Alariku għamel ħerba minn Ruma, ħafna mill-Insara ħarbu u marru Betlem. Ġilormu ħadem bla serħan biex jgħinhom.

Kiteb opri ta’ għerf kbir fuq il-Bibbja, it-traduzzjoni tat-Testment il-Qadim mill-Ebrajk għal-Latin, u tat-Testment il-Ġdid mill-Grieg, kummentarji fuq il-biċċa l-kbira taż-żewġ Testmenti. Barra minn hekk, ma kienx hemm ereżija fi żmienu li hu ma kkumbattihiex bl-aħrax, fost l-oħrajn, id-difiża tax-xbubija perpetwa ta’ Marija. L-qima tar-relikwi tal-martri, iċ-ċelebat tal-kleru.

San Ġilormu miet f’Betlem fit-30 ta’ Settembru 420 wara marda twila. Difnuh fil-monasteru tiegħu, f’Betlem. Wara xi żmien, il-fdal ta’ ġismu ttieħed Ruma fejn illum jinsab midfun fil-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore.

Ħsieb: “Ix-xemx maż-żernieq ta’ filgħodu għandha ssibek bil-Ktieb tal-Iskrittura Mqaddsa f’ħoġrok, u filgħaxija n-ngħas jieħdok waqt li inti żżomm miftuħ quddiemek dan il-Ktieb għażiż, u l-paġna qaddisa tilqagħlek wiċċek waqt li tongħos bin-ngħas fuqha għax f’dan il-Ktieb imqaddes insibu miġbura l-misteri kollha tal-Mulej. Isaija jxandar lill-Mulej bħala Għimmanu-El, imwieled mill-Verġni. Dak li għamel għeġubijiet u sinjali, miet u difnuh. Qam mill-imwiet u sar is-Salvatur tal-ġnus kollha. Xi rrid insemmi l-fiżika u l-etika u l-loġika? Dan kollu li hemm fl-Iskrittura Mqaddsa, dak kollu li lsien ta’ bniedem jista’ jgħid u moħħ ta’ bniedem jista’ jifhem, kollu nsibuh f’dan il-Ktieb.” (San Ġilormu)

Bla dubju li San Ġilormu jikkonvinċik li għandek taqra, anzi li għandek titlob bil-Bibbja, imma kif titlob bil-Bibbja? L-ewwel nett, irid ikollok Bibbja, mela jekk għad m’għandekx, mur ixtri waħda. Illum għandna diversi modi kif jista’ jkollna l-Bibbja f’idejna. Għandna l-mezzi elettroniċi. B’tablet, smartphone, jekk tuża l-internet… il-Bibbja se ssibha miegħek kullimkien online. Imma tajjeb li jkollok il-Bibbja bħala ktieb għaliex biex titlob bil-Kelma t’Alla jkun aħjar jekk ikollok inqas distrazzjonijiet minħabba li ġeneralment meta tkun online, jibdew deħlin ħafna notifikazzjonijiet minn diversi programmi.

Bħala Bibbja bil-Malti għandna żewġ traduzzjonijiet differenti, dik ta’ Saydon (li  miktuba b’Malti propju – Semitiku – u għalhekk diversi kliem li ntużaw, m’għadnix nużawh) u dik tal-Għaqda Biblika Maltija li hi aktar riċenti u faċli biex nifmuha fi żminijietna llum. Bħala Bibbja bl-Ingliż hemm Revised Standard Version (RSV) 2nd Catholic Edition u dik b’Ingliż aktar mexxej New Living Translation (Catholic Edition). Importanti li tkun Kattolika għax f’dik Protestanta hemm 7 kotba neqsin u wkoll xi interpretazzjonijiet li ma jaqblux ma dawk Kattoliċi. Tajjeb għalhekk li nedukaw rwieħna dwar dan ħalli ma nitfixklux.

Meta tkun akkwistajt il-Kelma t’Alla għandek (il-Bibbja) issa nħeġġek biex tibda tużaha fit-talb tiegħek. Imma kif? L-ewwel ħaġa sempliċi li trid tagħmel hija li ssib post u ħin tajjeb għat-talb. Il-ħin biex titlob m’intix se ssibu. Trid tagħmlu. Trid tkun dixxiplinat/a biex titlob b’mod effettiv. Hawn min jitlob filgħodu kmieni jew qabel jorqod. Attenti li ma jiġrilnix li minflok nitolbu qabel norqdu, nispiċċaw norqdu qabel nitolbu! Imbagħad … xi trid tagħmel? Imbagħad:

INĠABAR: L-Ewwel ħaġa li trid tagħmel hija li tinġabar, tikkalma, tieqaf, tirrilassa l-moħħ u l-qalb. Xi mużika rilassanti, ftit dawl ta’ xi xemgħa, jew ftit nifsijiet il-ġewwa u ‘l barra bil-mod jistgħu jgħinu.

ATT TA’ FIDI: It-Tieni ħaġa hija li tidħol b’dispożizzjoni ta’ fidi, jiġifieri li inti temmen li tinsab fil-preżenza t’Alla. Għax mhux jekk tarax jew le, jew jekk tħossx jew le il-preżenza ta’ Alla li tgħodd, għax inkella tkun qed tiġri wara esperjenzi li jqanqlu emozzjonijiet u mhux wara l-preżenza reali t’Alla li rari taqa’ taħt is-sensi. Għalhekk importanti li temmen li Alla qiegħed hemm għalik kif int ħejjejt ruħek biex tkun hemm għalih.

ITLOB LILL-ISPIRTU S-SANTU: Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu għax kif jgħidilna San Pawl, aħna ma nafux nitolbu kif imiss u huwa Hu li jimla ‘l qalbna, jitlob u jitkarrab quddiem Alla għalina, imexxina, jiggwidana, jagħtina l-ħajja u jgħinna. Għalhekk importanti li f’din il-mixja, aħna nsiru ħbieb u kumpanni tal-Ispirtu s-Santu. Aħna qatt ma mmorru nitlobu waħedna, imma dejjem fl-Ispirtu, mal-Ispirtu u fil-preżenza tal-Ispirtu u li nirrealizzaw dan hija estremament importanti. Ma ninsewx li l-Bibbja hija ispirata mill-Ispirtu li hu n-nifs ta’ Alla (li jagħtina l-Ħajja). Nistgħu ngħidu li l-Bibbja hija l-unika ktieb li int u taqrah, għandek il-privileġġ li l-Awtur tagħha qiegħed miegħek – l-Ispirtu s-Santu.

AQRA T-TEST LI SE TITLOB BIH: Imma liema? L-aħjar tibda bil-Vanġelu li jinqara fil-quddiesa ta’ kuljum. Tista’ tfittxu fuq l-internet jew tixtri ktieb jismu l-Kelma Kuljum jew tuża l-Messalin ta’ matul il-ġimgħa u jista’ jkollok xi applikazzjoni fuq it-tablet jew mobile. Inkwantu l-Bibbja, l-aħjar li taqbad ktieb eżempju Vanġelu u tibda taqrah kuljum, jew xi ittra ta’ San Pawl jew l-Atti tal-Appostli jew is-Salmi. Tajjeb li wieħed jibda bl-Evanġelju skont San Mark għax qasir, l-aktar antik u li fih insibu r-rakkonti ta’ Ġesu’ b’mod ħaj, dinamiku, attiv u deskrittiv ħafna. Ma ninsewx li l-Bibbja mqassma f’Kotba, kull Ktieb imqassam f’Kapitli u kull Kapitlu mqassam fi Vrus. Ġieli jkun hemm sotto titli li jgħinuk taqra tema tema kuljum. Dan jgħin b’mod speċjali għal min ikun għadu qed jibda jipprattika talb bil-Bibbja.

ISMA’ LIL ALLA JKELLMEK: Aqra bil-mod, vers vers, jekk hemm bżonn b’vuċi għolja għal xi 3 darbiet ħalli bil-mod il-mod din il-Kelma tibda tinżel u tegħreq ġewwa fik filwaqt li inti tkun qed taqraha. Dan inaqqas id-distrazzjonijiet li jkollna f’moħħna. Importanti li int u taqra tagħti każ xi jkun qed jiġri ġewwa fik. Ibda innota xi kliem li jkun qed jolqtok u dan tista’ timmarkah fuq il-Bibbja jew tiktbu. X’aktarx li dak huwa l-vers li l-Mulej ikun qed ikellmek bih! M’hemmx għalfejn bilfors tifhem kollox minn dak li tkun qed taqra fl-Kelma t’Alla għax inti trid tħalli l-Mulej ikellmek kif irid Hu. Hu jaf x’għandek bżonn tisma’.

IMMEDITA, AĦSEB, IRRIFLETTI: Tista’ timmaġina s-silta li tkun qrajt. L-immaġinazzjoni hi rigal li Alla tana biex nesperjenzaw xi ħaġa li ġrat fil-passat  u bħal ngħixuha fil-preżent. Umbagħad innotta l-personaġġi u ara bħal min qed tħossok. Immaġina lilek innifsek kif qed issib ruħek quddiem Ġesu’ u l-Kelma tiegħu jew dak li qed jagħmel. Eżempju tħossok flok xi marid li Ġesu’ qed ifejjaq, jew flok xi ħadd li qed jistaqsih xi ħaġa eċċ … Issa ara fil-qalb tiegħek Ġesu’ x’qed jgħidlek fil-mument preżenti fil-ħajja tiegħek għax fuq kollox, it-talb idur kollu mal-Persuna ħajja ta’ Ġesu’ li jkellimna b’mod ħaj fil-mumenti tat-talb tagħna. Tista’ tistaqsi lilek innifsek:

  • Din il-Kelma xi tfisser għalija?
  • U x’qed jgħidli l-Mulej biha?
  • Kif qed tolqot il-ħajja tiegħi?

Jekk tkun midħla tal-Kelma t’Alla (aktar ma titlob biha, aktar issir midħla tagħha) tista’ anki tqabbel dik is-silta ma’ siltiet oħrajn u tiftakar li Ġesu’ diġa għamel aċċenn għal dik il-Kelma. B’hekk dan jgħinek tifhem aħjar din il-Kelma li qed jgħidlek u tħallih ikellmek dejjem iżjed fil-fond. Importanti li nifhmu lit-talb bil-Bibbja huwa t-talb tas-smiegħ – li nisimgħu lil Alla jkellimna.

TKELLEM MA’ ĠESU’: L-ewwel kellmek Hu b’dak li qrajt, u issa se tkellmu inti dwarha. Importanti li lill-Mulej tkellmu fuq dak li jkun kellmek Hu l-ewwel għax hawn trid …

  • titolbu jagħtik il-qawwa li għandek bżonn biex twettaq dik il-Kelma li forsi għalik tista’ tidher iebsa jew impossibli,
  • titolbu l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex twettaqha,
  • tfaħħru,
  • tirringrazzjah,
  • titlob għalik innifsek ,
  • titlob għal persuni oħrajn,
  • tista’ titlob il-grazzja ta’ xi fejqan.

Din hija l-esperjenza tad-djalogu m’Alla mibni fuq dak li Alla jrid jgħidilna.

ISKOT: Issa oqgħod fis-skiet. Issa huwa l-mument meta d-djalogu ma’ Alla jkun wasslek biex toqgħod fis-skiet fil-preżenza tiegħu, qalbek tiltaqa’ ma’ Qalbu fil-fidi, anki jekk ma tħoss u ma tara xejn. Oqgħod ma’ dik il-Kelma li laqtitek u ħalli lill-Mulej jimla l-qalb tiegħek. Din bħal meta tmur tixxemmex. Dan għaliex il-Qari tal-Kelma mhux studju, imma punt ta’ kuntatt ma’ Ġesu’. In-nisrani hu msejjaħ mhux biex jieqaf fuq il-Bibbja imma biex jużaha ħalli tressqu lejn Alla.

GĦIX FIL-PRATTIKA DAK LI QRAJT: Mistoqsija prattika li tista’ ssaqsi hawn hija:

  • Li kieku Ġesu’ kien fiċ-ċirkustanzi tiegħi, x’kien jagħmel?
  • Kieku Ġesu’ minn floki, x’kien jagħmel?
  • Kif kien jgħixha?

Din importantissima għaliex jekk it-talb li nagħmlu bil-Bibbja ma jissarrafx f’azzjonijiet u f’bidla u f’ġesti konkretti tal-istil tal-ħajja tagħna, ikunu qegħdin infaqqru dan il-mument billi ma nieħdux il-milja kollha miegħu. Araw kif bil-mod il-mod il-qari u t-talb bil-Bibbja jista’ jibdel u jitrassforma lil ħajjitna, lil ħajtek!

Talba: O Alla, int nissilt fis-saċerdot San Ġilormu mħabba kbira u qawwija għall-Kotba Mqaddsa: agħmel li l-poplu nisrani jfittex dejjem iżjed l-għajxien spiritwali tiegħu fil-Kelma tiegħek u jsib fiha l-għajn tal-ħajja. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-jerome-610

Alternative reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-jerome/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Jerome

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Il-ħsieb huwa ta’ Fr Hayden Williams OFM Cap irrekordjat LIVE minn fuq il-paġna tal-Facebook tiegħu: https://www.facebook.com/frhayden/

Advertisements

29 ta’ Settembru: L-Arkanġli Mqaddsa, Mikiel, Gabrijel u Rafel

Verżjoni Vidjo: L-Arkanġli Mqaddsa, Mikiel, Gabrijel u Rafel

“O Alla, int ordnajt lill-anġli tiegħek biex iħarsuna fi triqatna kollha: mexxina llum fil-mogħdijiet tiegħek. U intom anġli kollha, bierku l-Mulej.” Mill-Preċi ta’ Sbiħ il-Jum. 

archangels-e28094-iconL-ARKANĠLI MQADDSA, MIKIEL, GABRIJEL U RAFEL

Tagħrif: l-Iskrittura titkellem mill-anġli bħala l-ministri ta’ Alla li wasslu l-messaġġi tiegħu lill-bnedmin.

L-Arkanġli huma t-tieni mill-aħħar fost id-disa’ kori ta’ l-anġli – Serafini, Kerubini, Troni, Dominazzjoni, Virtujiet, Qawwiet, Prinċipati, Arkanġli u Anġli.

Fl-Iskrittura nsibu lil San Mikiel miżmum bħala l-Anġlu kustodju ta’ Israel (Daniel 12:1). L-isem Mikiel ifisser: “Min hu bħal Alla?” Sa minn żmien l-appostli, San Mikiel inħatar bħala l-Patrun u l-Protettur tal-Knisja (Apokalissi 12:7). Is-Santi Padri Griegi poġġewh bħala l-pinċep tas-Serafini.

Gabrijel ifisser “Alla wera lilu nnifsu l-Qawwi”. Fl-Iskrittura nsibu ismu fil-ktieb ta’ Danjel (Daniel 9:21-27), meta għarraf lil Danjel il-profezija tas-seba’ ġimgħat; fil-Vanġelu, meta ħabbar lil Żakkarija t-twelid ta’ San Ġwann il-Battista (Luqa 1:11); u meta ħabbar lil Marija li kienet ser tnissel Iben bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu (Luqa 1:26).

Rafel ifisser “Alla jfejjaq”. Insibu ismu fil-ktieb ta’ Tobit fejn narawh jiggwida lil Tobija fil-vjaġġ tiegħu, u fejjaq lil missier Tobit li kien agħma. Hu stess stqarr: “Jien Rafel, wieħed mis-seba’ anġli li qegħdin quddiem il-maesta’ tal-Mulej” (Tobija 12:15).

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mill-Omeliji tal-Papa San Girgor il-kbir dwar l-Arkanġli Mqaddsa:

“Alla ma bagħatx għand Marija Verġni wieħed mill-anġli, kien min kien, iżda bagħtilha lill-arkanġlu Gabrijel; għax kien jixraq li Alla jibgħat l-aqwa anġlu biex jaqdi servizz hekk kbir li jwassal l-aqwa messaġġ li qatt intbagħat.

Hu għalhekk li jingħata isem proprju lill-anġli, biex l-istess isem ifisser kull wieħed minnhom x’ħila għandu jagħmel. Kull meta tinqala’ xi ħaġa li titlob qawwa tal-għaġeb, dejjem Mikiel jintbagħat, biex l-istess isem u għemil iġagħalna nifhmu li ħadd ma jista’ jagħmel dak li Alla jagħmlu b’mod aqwa. L-għadu antik, li tkabbar u ried isir daqs Alla, qal: Nitla’ fis-sema. Inqiegħed it-tron tiegħi ‘l fuq mill-kwiekeb, u nkun bħal Alla l-Għoli; imma bil-qawwa kollha li għandu, fl-aħħar tad-dinja, meta jkun wasal għall-kastig ta’ dejjem, se jkun l-arkanġlu Mikiel li jqum biex jitqabad miegħu, kif jgħid Ġwanni: Qamet gwerra, u l-arkanġlu Mikiel tqabad.

U għand Marija wkoll, Alla bagħat lil Gabrijel, li jfisser “Qawwa ta’ Alla”: għax hu ġie jħabbar lil dak li għoġbu jiġi fostna umli ħalli jxejjen lis-setgħat qawwija ta’ l-ajru. Mela dak li kien ġej bħala l-Mulej ta’ l-eżerċti, qawwi fit-taqbida, kellu jitħabbar mill-Qawwa ta’ Alla.

U fl-aħħarnett Rafel li, kif għedna, ifisser “Duwa ta’ Alla”; għax meta mess għajnejn Tobija bħal wieħed li kellu l-missjoni biex ifejjqu, neħħielu d-dlamijiet tal-agħma minn għajnejh. Mela kien jixraq li, dak li ġie mibgħut biex ifejjaq, jissejjaħ “Duwa ta’ Alla”.

“Min-natura kollha tagħhom, l-anġli huma qaddejja u messaġġiera ta’ Alla. Għaliex “dejjem jaraw wiċċ missieri li hu fis-smewwiet” (Mattew 18:10) huma “jagħmlu l-ordni tiegħu, malli jisimgħu l-kelma tiegħu.” (Salm 103:20).

  • San Mikiel huwa l-anġlu li jiipproteġina – ejjew nitolbuh jeħlisna minn kull ħsara, lilna u l-familji tagħna. (ara Talba ta’ San Mikiel tal-Papa Ljun XIII ftit linji ‘l isfel)
  • San Gabriel huwa l-messaġġier ta’ Alla – ejjew nitolbuh jgħinna nisimgħu l-vuċi ta’ Alla.
  • San Rafel huwa l-anġlu li jfejjaq – ejjew nitolbuh ifejjaqna minn kull nuqqas ta’ mard jew ħsara.

TalbaSan Mikiel Arkanġlu, idħol għalina fit-taqbida; kun int l-għajnuna tagħna kontra l-ħażen u t-tnassis tad-demonju. Irażżnu Alla, nitolbuk bil-ħerqa. Int l-aqwa fost il-qtajja’ tas-sema, itfa’ bil-qawwa t’Alla, fil-qiegħ tal-infern lix-xitan u l-ispirti ħżiena l-oħra li jiġġerrew fid-dinja għat-telfien tal-erwieħ. Ammen. (Talba tal-Papa Ljun XIII)

O Alla, int tqassam b’ordni ta’ l-għaġeb il-ħidmiet ta’ l-anġli u tal-bnedmin: fil-ħniena tiegħek, agħtina li ħajjitna f’din l-art tkun imħarsa mill-anġli li fis-sema dejjem quddiemek jaqduk. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicculture.org/culture/liturgicalyear/calendar/day.cfm?date=2014-09-29

Alternative reading: https://www.franciscanmedia.org/saints-michael-gabriel-and-raphael/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Archangel

Nota: It-Tagħrif dwar il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

28 ta’ Settembru: San Vinċeslaw

Verżjoni Vidjo: San Vinċeslaw

“Ħi, il-Mulej jaħfirlek.” L-aħħar kelmiet li San Vinċeslaw qal lil ħuh Boleslaw, li ma’ grupp ta’ nies, qabeż fuqu u qatlu fil-bieb tal-knisja biex joħodlu t-tron.

2f57d3384686edc515d7ca8f9352fa93SAN VINĊESLAW
Re tal-Boemja u Martri
907 – 929

Tagħrif: San Vinċeslaw twieled ħdejn Praga, Ċekoslovakja, fis-sena 907. Missieru Ratislav, Duka ta’ Boemja, kien nisrani, waqt li ommu Drahomira, għalkemm kienet ikkonvertiet mill-paganiżmu baqgħet pagana f’qalbha.

Fortunatament, Vinċeslaw trabba man-nanna tiegħu, Santa Ludmilla li edukatu u tellgħetu bħala nisrani.

Meta kien għadu żagħżugħ ta’ madwar 13-il sena, missieru miet jitqabad kontra l-Maġjari (Ungeriżi), u ommu saret Reġġenti, u bdiet persekuzzjoni kontra l-Insara. Fost affarijiet oħra, keċċiet lill-qassisin u lis-sorijiet li ma kinux mill-pajjiż, ipprojbiet it-tagħlim tar-Reliġjon nisranija barra minn ġol-knejjes, u nsistiet li binha Vinċeslaw ma jibqax nisrani, għalkemm hu ssaħħaħ iktar fil-fidi.

Meta Santa Ludmilla bdiet tħeġġeġ lil Vinċeslaw biex jieħu t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh malli jkollu l-eta’, għax hu ma kienx inklinat li jagħmel hekk, ġiet assasinata fis-sena 921.

Fis-sena 925, Vinċeslaw għalaq it-tmintax-il sena, u ħa l-gvern f’idejh. Malajr beda jaħdem b’ħiltu kollha biex jgħaqqad il-poplu tiegħu kollu fir-Reliġjon Nisranija, u waqqaf relazzjoni tajba ma’ l-Imperatur Enriku I tal-Ġermanja.

Din il-politika tiegħu favur ir-reliġjon nisranija, u ta’ ħbiberija mal-Ġermanja, qajmet partit kontrieh. Fl-istess waqt, meta ħuh Boleslaw, ra li kien tilef iċ-ċans li jieħu t-tmexxija tal-pajjiż kollu f’idejh, ftiehem mal-partit kuntrarju, u beda jikkonfoffa biex joqtol lil Vinċeslaw. Boleslaw trabba ma’ ommu li tant kienet influwenzatu u bħalha tela’ b’mibegħda kontra l-Insara.

Boleslaw stieden lil San Vinċeslaw biex imorru f’Boleslava ħalli jiċċelebraw il-festa tal-Qaddisin protetturi, San Kosma u San Damjan. Vinċeslaw laqa’ l-istedina u mar. Meta filgħodu Vinċeslaw kien fi triqtu lejn il-knisja biex jisma’ quddiesa, Boleslaw, bi grupp ta’ nies miegħu, qabeż fuqu u qatlu, fl-20 ta’ Settembru 929.

San Vinċeslaw miet fil-bieb tal-knisja bil-kelmiet fuq fommu: “Ħi, il-Mulej jaħfirlek”. Kellu 22 sena. Vinċeslaw laħaq mexxa biss 7 snin u kien għadu kif kellu iben li assiguralu s-suċċessjoni.

Tliet snin wara, Boleslaw nidem, u difen bl-unuri kollha l-ġisem ta’ ħuh Vinċeslaw fil-knisja ta’ San Vitu, fi Praga, waħda mill-knejjes li l-Qaddis stess kien bena.

San Vinċeslaw huwa l-Patrun taċ-Ċekoslovakja.

ĦsiebDan il-qaddis tal-lum ifakkarna fi żmien il-Milied. Dan minħabba l-innu tal-Milied Good King Wenceslaus fejn jissemma dan ir-re twajjeb li ħareġ fil-festa ta’ San Stiefnu (26 ta’ Diċembru) u meta ra raġel fqir jiġbor il-ħatab biex iqabbad in-nar dlonk tah l-għajnuna kollha li seta’. U dan li ġej, inkiteb minn Kosma ta’ Praga, dwar San Vinċeslaw madwar is-sena 1119. Diversi sekli wara din l-istqarrija ġiet ikkomfermata bħala fatt mill-Papa Piju II:

“Kull lejl mis-sodda nobbli tiegħu, ħafi u bi gwardja wieħed biss, kien imur fil-knejjes ta’ Alla u jagħti għotjiet ta’ karita’ ġenerużi lir-romol, lill-orfni, lil dawk fil-ħabs u dawk milquta b’kull tip ta’ diffikultà, tant hu hekk li kien ikkunsidrat, mhux prinċep, iżda missier ta’ dawk kollha li spiċċaw f’xi miżerja.”

Dan l-ispirtu ta’ servizz hu wieħed mill-affarijiet li jeħtieġ li jerġa’ jiġi stabbilit fis-soċjetà tagħna. Il-flus huma meħtieġa, imma mhux biżżejjed li niffirmaw ċekk umbagħad infarfru jdejna minn dak is-servizz lin-nies fil-bżonn ikunu jeħtieġu. In-nisrani tal-lum, għandu bżonn iġedded il-viżjoni tiegħu ta’ Kristu li għandu jara, isib u jservi fil-foqra tiegħu.

Ħaġa oħra li tispikka f’dan il-qaddis hija s-sens qawwi ta’ maħfra, li saħansitra wasal biex miet bi kliem ta’ maħfra għal ħuh li biex joħodlu t-tron, irnexxielu joqtlu għal għarrieda. Kien għad kellu biss 22 sena.

Kemm insibuha diffiċli biex naħfru! Xi nies ġieli jgħidu li kien ikun aħjar li kieku l-Mulej qatt ma kkmandana naħfru, imma dan mhux biss huwa kmand dirett mingħand il-Mulej imma saħansitra huwa l-kundizzjoni biex wieħed jinħafrulu dnubietu!

F’Luqa 6: 27-38 Ġesù jgħid: “Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena. Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra.”

Fil-Missierna lil Alla ngħidulu: ‘AĦFRILNA BĦALMA NAĦFRU’ jiġifieri jekk ma naħfrux lil xulxin minn qalbna, ma nistgħux nirċievu l-maħfra għal dnubietna… u Alla dejjem joħodna bis-serjeta’ meta jgħidilna jew iwegħedna xi ħaġa. Ġesu’ għadu u jibqa’ jaħfrilna! Hu jtella’ x-xemx kemm fuq it-tajbin kif ukoll fuq il-ħżiena. Mela aħna għax m’għandix naħfru u nixtiequ t-tajjeb lil kulħadd? Tassew li meta jasal il-waqt, kulħadd jieħu li ħaqqu mingħand Alla, imma f’din id-dinja, Alla ħallina liberi nagħżlu jekk irridux nagħmlu l-ġid jew id-deni.

X’aktarx li San Vinċeslaw l-għażla tiegħu li jaħfer, qanqlet lil ħuh Boleslaw tant li aktar tard nidem mid-dnub tiegħu u kkonverta. Il-maħfra u t-talb għall-għedewwa tiegħek tista’ wkoll twassal biex dawn jindmu u jsalvaw ruħhom. Kemm nistgħu nferħu lil Ġesu’ b’atteġġjament bħal dan. Jista’ jkun li l-proċess tal-maħfra jieħu ftit fit-tul imma l-maħfra tibqa’ dejjem għażla libera u l-ewwel priġunier li tillibera huwa int għax tikseb il-paċi ta’ Alla f’qalbek li hi imprezzabli.

Ġesu’ rebaħna b’imħabbtu! Ejjew nkomplu niġġieldu l-battalja l-qaddisa billi nħobbu kif iħobbna Hu u meta jweġġgħuna, (jgħaffġu fuqna bħal fuq is-sagħtar) noħorġu għalihom riħa tfuħ. Ejjew nirbħu l-erwieħ għal Kristu u ngħinuh jaħtafhom hekk kif ħataf lilna b’imħabbtu!

Talba: O Alla, int għallimt lill-martri San Vinċeslaw biex aktar jagħżel is-saltna tas-sema milli saltna ta’ l-art; bit-talb tiegħu, agħtina li niċħdu lilna nfusna u ningħaqdu miegħek b’qalbna kollha. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-wenceslaus-608

Additional Reading: https://anastpaul.wordpress.com/2017/09/28/saint-of-the-day-28-september-st-wenceslaus-907-935-king-of-bohemia/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Wenceslaus_I,_Duke_of_Bohemia

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

27 ta’ Settembru: San Vinċens De Paul

Verżjoni Vidjo: San Vinċens De Paul

“Mur għand il-foqra u ssib lil Alla.” San Vinċens De Paul

700c36_450379d7c938438f81163d14456d11bb_mv2SAN VINĊENS DE PAUL
Saċerdot
1581 – 1660

Tagħrif: San Vinċens twieled f’Pouy, qrib il-muntanji Pirinej, Franza, fl-24 ta’ April 1581. Il-ġenituri tiegħu kellhom daqsxejn ta’ razzett żgħir li minnu kienu jaqgħilu l-għajxien tagħhom. Meta l-missier ra li ibnu Vinċens kien inklinat ħafna lejn l-istudju, iddeċieda li jedukah, u bagħtu jistudja f’kulleġġ immexxi mill-Franġiskani.

Meta Vinċens kien qed jistudja, laqa’ talba ta’ wieħed sinjur mid-distrett biex ikun l-għalliem privat ta’ wliedu. Hekk ma baqax iktar ta’ piż finanzjarju fuq missieru.

Fl-1596 daħal l-Universita’ ta’ Toulouse biex jistudja l-filosofija u t-teoloġija. Fl-1600 sar saċerdot u baqa’ jistudja sal-1605, meta telaq lejn Marsilja biex jiġbor somma ġmielha ta’ flus li kienet imħollija lilu. Hu u ġej lura bil-baħar, il-pirati qabżu fuq il-ġifen tiegħu, u lilu ħaduh Tuneż. Hemm dam madwar sentejn u qeda tliet sidien bħala lsir, l-aħħar wieħed kien apostata, minn Nisrani sar Mawmettan. Bl-eżempju tal-ħajja tajba tiegħu Vinċens ħajru jerġa jsir Nisrani, u flimkien miegħu ħarab minn Tuneż. Wara mawra qasira f’Ruma rritorna Franza fl-1607.

Mar Pariġi u hemm iltaqa’ ma’ Monsinjur de Berulle li wara nħatar Kardinal, u fuq il-parir tiegħu sar Kapillan ta’ Clinchy, raħal żgħir qrib il-belt, fl-1611. Fl-istess waqt kien ukoll kappillan tar-Reġina Margerita ta’ Valois, u għalliem privat ta’ wlied il-Konti de Gondi li kien Ġeneral tax-xwieni kollha ta’ Franza.

Fl-1617 beda jippriedka l-missjonijiet. Darba meta kien f’raħal, sama’ l-aħħar qrara ta’ wieħed fqir qabel miet, u ntebaħ kemm il-fqar ta’ Franza kellhom bżonn min jieħu ħsiebhom. Minn dak in-nhar intefa’ b’ruħu u b’ġismu jaħdem għall-fqar, fil-ħabsijiet, fl-isptarijiet u fost l-ilsiera tax-xwieni. Fl-1619 inħatar uffiċjalment bħala Kappillan tal-ilsiera tax-xwieni.

Fl-1625 waqqaf il-“Kongregazzjoni tal-Missjoni” li l-membri tagħha saru magħrufa bħala “Lazzaristi” minħabba li l-kunvent li kien qed iservi sar bħala d-Dar Ċentrali kien iġib l-isem ta’ San Lazzru “Saint Lazare”, f’Pariġi.

Bil-għajnuna ta’ Santa Louise de Marillac waqqaf il-“Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Karita'” li l-“Kappella tagħhom kienet il-knisja parrokkjali u l-kunvent tagħhom kien fil-“wards” tal-morda fl-isptarijiet u fit-toroq mal-fqar”.

Bil-għajnuna tal-membri ta’ dawn il-kongregazzjonijiet huwa waqqaf orfanatrofji għas-subien u għall-bniet, sptarijiet, djar għall-kura tal-mard tal-moħħ, u rnexxielu jifdi iktar minn 1,200 ilsir f’Tuneż u fl-Alġier.

Kien bniedem li jġib il-ferħ kull fejn jersaq. Kien sensittiv ħafna għall-bżonnijiet tal-oħrajn. Is-sabiħa hi li ma kienx hekk minn dejjem anzi kif jgħid hu stess kellu jissielet bis-sħiħ biex jirbaħ it-temperament supperv, żorr u aħrax li kellu.

San Vinċens miet fis-27 ta’ Settembru 1660. Il-Papa Klement XII niżżel ismu fil-lista tal-Qaddisin. Il-Papa Ljun XIII ħatru Patrun tal-Istituzzjonijiet tal-Karita’ tal-Knisja.

Ħsieb: “Stinka biex tkun kuntent ukoll meta ssib ruħek imdawwar b’ħafna affarijiet li jikkaġunaw l-iskuntentizza. Oqgħod attent li ma taħkmekx l-għira għax din teqred l-imħabba fraterna.” (Minn ittra ta’ San Vinċens de Paul)

Id-don ta’ San Vinċens de Paul li jintegra s-servizz ta’ karita’ tiegħu ma’ ħajja profonda ta’ talb huwa wieħed mill-akbar attrazzjonijiet tiegħu għall-insara kontemporanji. It-taħlita ta’ talb u ta’ azzjoni ta’ Vinċens appellat lil għexieren ta’ eluf ta’ fidili matul l-aħħar tliet sekli. Huwa għad għandu u jibqa’ jkollu valur spiritwali li jdawwal lin-nies li:

  • jiġġieldu biex jintegraw it-talb u l-meditazzjoni b’servizz għall-proxxmu fil-bżonn;
  • jiġu eżawriti mill-attività tagħhom minflok ma jiġu nutriti minnha;
  • raw lil Alla fil-foqra, fil-morda, fin-nies bla dar, u f’dawk b’diżabbilta’.

Vinċens dejjem se jibqa’ jkun ħabib u kumpann tajjeb għal kull min ifittex bilanċ bejn l-azzjoni u l-kontemplazzjoni, jorganizza ħidmiet tajba ta’ karita’, jiddependi fuq il-Providenza Divina, jorganizza attivitajiet intelliġenti u jintelaq b’fiduċja sħiħa f’Alla.

Il-Knisja hija għall-ulied kollha ta’ Alla, sinjuri u fqar, bdiewa u skulari, dawk sofistikati u sempliċi. Imma ovvjament l-ikbar tħassib tal-Knisja għandu jkun għal dawk li jeħtieġu l-iktar għajnuna: dawk li jkunu bla saħħa minħabba mard, faqar, injoranza jew krudeltà. Vinċent de Paul huwa patrun partikolarment xieraq għall-Kristjani kollha llum, meta l-ġuħ tassew jagħmel tiegħu, u l-għajxien għoli tal-għonja jinsab dejjem aktar f’kuntrast qawwi mad-degradazzjoni fiżika u morali li fiha ħafna minn ulied Alla huma mġiegħla jgħixu.

Id-devozzjoni ta’ Vinċens qatt ma ċċaqalqet u hu volontarjament ta ħajtu biex iservi lill-ifqar fost il-foqra. Bħal Santa Tereża ta’ Kalkutta, Vinċens ra lil Kristu fl-uċuħ tal-foqra u fittex li jservih permezz tal-ħidma tiegħu. Ix-xhieda tiegħu llum tkompli tagħti l-frott mhux biss fil-kongregazzjonijiet reliġjużi diversi li jittraċċaw l-oriġini tagħhom għal San Vinċens  de Paul, iżda wkoll fis-Soċjetà San Vinċenz de Paul, imwaqqfa fl-1833 mil-lajċi, Frederic Ozanam, u li hija organizzazzjoni internazzjonali li iservi lil dawk li jsofru minn diżastri naturali u gwerer.

  • Inti tara lil Alla fin-nies l-aktar fil-bżonn?
  • Qalbek sensittiva biżżejjed lejn il-ħtiġijiet tal-oħrajn madwarek?
  • Tfittex li tgħin mill-aħjar li tista’ lill-batuti?
  • Tmur iżżur lill-morda u l-anzjani fid-djar jew sptarijiet biex tkun ta’ kenn għalihom?
  • Twarrab xi ftit flus għall-karita’?

TalbaAlla Ħanin, ġedded  fina l-ispirtu ta’ San Vinċenz De Paul,
– ħeġġeġ fina n-nar tal-imħabba tiegħek.
Alla Twajjeb, urina kif nibku ma’ dawk li jibku,
– imla l-qlub tagħna bil-kompassjoni u l-imħabba.
Alla Ħallieq, inti titlob lin-nisa u l-irġiel biex jimxu fuq l-eżempju ta’ San Vinċens De Paul,
– agħtina għajnejn li jaraw lil Kristu fil-batuti u l-foqra. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-vincent-de-paul-607

Alternative reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-vincent-de-paul/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Vincent_de_Paul

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

26 ta’ Settembru: San Kosma u San Damjan

Verżjoni Vidjo: San Kosma u San Damjan

“Il-folla kollha tal-morda kienet tfieq. Ir-rikkezza ta’ dawn il-qaddisin ma tintemm qatt.” Kliem wieħed mix-xhieda ta’ dak iż-żmien li ra l-fejqan ta’ dawk il-morda li kienu jmorru jtaqqgħu l-lejl jitolbu għall-fejqan lil San Kosma u San Damjan fuq l-oqbra tagħhom.   

800px-Saint_Côme_&_Saint_Damien_Grandes_Heures_Anne_de_Bretagne_XVIeSAN KOSMA U SAN DAMJAN
Martri: ? – 303

Tagħrif:  M’hemm xejn li nafu b’ċertezza dwar dawn iż-żewġ qaddisin ħlief li mietu martri fil-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu.

Skont tradizzjoni, San Kosma u San Damjan kienu tewmin mill-Għarabija, iżda marru jgħixu f’Egea, Ċiliċja.

It-tnejn kienu tobba, u ħadu din il-professjoni tagħhom bħala vokazzjoni u ma kinux jaċċettaw flus għas-servizzi li kienu jagħtu lin-nies.

Fil-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu kontra l-Insara, dawn iż-żewġ tobba kienu minn tal-ewwel arrestati minn Lisjas, Gvernatur ta’ Ċiċilja. Ittorturati u maqtulin bil-qtugħ ta’ ras, f’madwar is-sena 303.

L-insara ħadu l-iġsma tagħhom u difnuhom f’Ciro, is-Sirja. Isimhom tniżżel fil-Kanone tal-Quddiesa, (Talba Ewkaristika I) probabbilment fis-sitt seklu, mill-Papa San Simmaku. Fis-sitt seklu wkoll l-Imperatur Ġustinjan I, li ġie mfejjaq minn marda permezz tal-interċessjoni ta’ dawn il-qaddisin, reġa’ bena l-belt ta’ Cyrrhus, fejn jingħad li seħħ il-martirju tagħhom u bena żewġ knejjes ad unur tagħhom f’Kostantinopli.

Persuni morda kienu jorqdu f’dawn il-postijiet matul il-lejl biex jitolbu għall-fejqan tagħhom lil dawn iż-żewġ tobba qaddisa “Il-folla kollha tal-morda kienet tfieq,” qal wieħed mix-xhieda ta’ dak iż-żmien. “Ir-rikkezza ta’ dawn il-qaddisin ma tintemm qatt.” Fil-Punent, San Benedittu huwa maħsub li kien l-ewwel persuna li ddedika l-ewwel monasteru tiegħu f’Subiaco għalihom, dak li llum hu magħruf bħala ta’ Santa Skolastika.

Disa’ sekli wara, Franġisku t’Assisi (Ottubru 4) reġa’ bena il-knisja mġarfa ddedikata lil  San Damjan ftit ‘il bogħod minn Assisi. San Kosma u San Damjan huma l-Patruni tat-tobba, tal-kirurgi u tal-ispiżjara.

Ħsieb: Peress li llum qed infakkru dawn iż-żewġ tobba ta’ qalb kbira, xtaqt li nibda l-ħsieb b’silta mill-Iskrittura dwar x’tgħidilna l-Kelma t’Alla fuq it-tobba, meħuda minn Bin Sirak 38: 1-15:

“Agħti ġieħ lit-tabib kif jistħoqqlu, minħabba li teħtieġu, għax lilu wkoll ħalaq il-Mulej; għax il-fejqan ġej mingħand l-Għoli. Is-sengħa tat-tabib terfagħlu rasu, u quddiem il-kbarat jistagħġbu bih. Il-Mulej ħalaq id-duwa mill-art, u l-bniedem li għandu s-sens ma jżeblaħhiex. Mhux b’zokk l-ilma sar ħelu, biex hekk tingħaraf ħilet Alla? Il-Mulej ta wkoll is-sengħa lill-bnedmin biex jiftaħru bl-għeġubijiet tiegħu. Bihom ifejjaq u jeħles lil min ibati; bihom l-ispiżjar jagħmel it-taħlita. B’hekk xogħol il-Mulej ma jintemm qatt, u mingħandu hemm is-saħħa fuq wiċċ l-art. Ibni, fil-mard tiegħek tħarisx bl-ikrah, imma itlob lill-Mulej, u hu jfejjqek. Tbiegħed min-nuqqas tiegħek u imxi b’subgħek dritt, u naddaf qalbek minn kull dnub u fittex lit-tabib u tħallihx jitilqek, għax għandek bżonnu. Hemm żmien meta l-fejqan qiegħed f’idejhom; għax huma wkoll jitolbu l-Mulej, biex jagħtihom li jserrħu, li jifhmu l-marda u jfejjqu ħalli l-bniedem iżommuh ħaj.”

Dawn il-kliem ta’ għerf  imorru tajjeb ma’ din il-festa tal-lum. Il-Knisja, infatti tonora l-professjoni medika fil-persuni ta Kosma u Damjan, li mhux biss, bħal ħafna oħrajn, tqaddsu f’din il-karriera; imma, ferm lil hinn mill-oħrajn kollha, urew lid-dinja is-sehem kbir li jista’ jkollu t-tabib fis-soċjetà Nisranija tal-lum.

Kosma u Damjan kienu nsara minn tfulithom. L-istudju ta’ Hippocrates u ta’ Galen kabbar l-imħabba tagħhom lejn Alla, li kienu jammiraw il-perfezzjonijiet inviżibbli tiegħu fil-ħolqien, imma b’mod speċjali fil-ġisem uman, li hu l-palazz u t-tempju tal-bniedem.

Infatti San Pawl jaċċenna għal dan fl-Ewwel Ittra lill-Korintin Kap 6 vers 19:

“Ma tafux li ġisimkom hu tempju tal-Ispirtu s-Santu li jinsab fikom, li għandkom mingħand Alla? Ma tafux li intom m’intomx tagħkom infuskom? Intom kontu mixtrijin bil-għoli. Mela agħtu ġieħ lil Alla permezz ta’ ġisimkom.”

Għal Kosma u Damjan ix-xjenza kienet innu ta’ tifħir lill-Ħallieq tagħhom, u l-eżerċitazzjoni tal-professjoni tagħhom ministeru qaddis. Huma kienu jservu lil Alla fil-membri sofferenti tiegħu u jaraw is-santwarju uman tiegħu, hekk li jaslu biex jippreservawh mill-ħsara jew ifejquh mill-mard. Din il-ħajja ta’ karità reliġjuża kbira ġiet inkurunata bis-sagrifiċċju perfett tal-martirju tagħhom.

Sfurtunatament, spiss jiġri li fi żmienna l-istudju tal-mediċina jwassal biex wieħed joħroġ ‘il barra mit-triq tas-sewwa u jidħol f’dik tar-regħba għall-materjaliżmu, għad-detriment kbir tax-xjenza u tal-umanità. Huwa falz li wieħed jasserixxi li n-natura waħeda hija l-ispjegazzjoni tat-tbatija u l-mewt u tassew ħasra meta t-tobba iqisu lill-bniedem sempliċi laħam u demm. J’Alla bis-saħħa tax-xhieda ta’ dawn iż-żewġ martri qalbiena, is-soċjeta’ marida tal-lum terġa’ lura għall-fidi vera, tiftakar f’Alla, u terġa’ tħaddan il-virtu’ sabieħa tal-ħniena li hija ta’ profitt għal kull bnedmin, u li hija tiżgurana mill-wegħda ta’ ħajja hienja hawn fuq l-art u ta’ glorja eterna għall-ħajja li jmiss.

  • Tirringrazzja lil Alla tal-ġisem tiegħek li bih għamlek xbieha tiegħu nnifsu?
  • Inti tieħu ħsieb tas-saħħa fiżika tiegħek biex umbagħad tkun tista’ sservi lil Alla u lill-proxxmu kull fejn jeħtieġ?
  • Konxju/a mill-preżenza ta’ Alla fik hekk li żżomm quddiem għajnejk li għandek tħares ġismek mit-tbajja’ tad-dnub, mod speċjali dnubiet kontra s-safa relatati mas-sitt kmandament?
  • Toffri ġismek lil Alla biex tħallih jagħmel bih dak li hu jara l-aħjar, sew jekk hu fejqan, kif ukoll jew hu s-salib tal-mard għas-salvazzjoni ta’ ruħek u ta’ erwieħ oħra?

Talba: Fl-imħabba li kellkom lejn l-Imħabba Divina, il-karità tagħkom kienet tispikka u ta’ min jammiraha; nitolbukom issa biex tgħinuna billi b’talbkom tagħtu s-saħħa lill-morda li jfittxu l-għajnuna tagħkom. Ippreservaw is-saħħa tal-ulied ta’ Alla, sabiex ikunu jistgħu jaqdu id-doveri tagħhom fid-dinja u jkunu jistgħu jġorru b’kuraġġ il-madmad ħafif tal-preċetti tal-Knisja. Bierku lil dawk it-tobba li jgħixu b’fedelta’ il-magħmudija tagħhom, u li jfittxu l-għajnuna tiegħek; u żżidhom fin-numru. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/sts-cosmas-and-damian-606

Alternative Reading: https://www.pharmaceutical-journal.com/opinion/blogs/saint-cosmas-and-damian-the-patron-saints-of-pharmacy-and-medicine/20201708.blog?firstPass=false

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saints_Cosmas_and_Damian

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

25 ta’ Settembru: San Finbar

Verżjoni Vidjo: San Finbar

“Insejħulu Fionn-Bahr, jiġifieri “Ras Bajda”, li hu offra b’sagrifiċċju lil Alla.” L-isem li l-patrijiet ta’ Kilmacahil f’Kilkenny taw lil San Finbar li qabel kien jismu Lochan

224SAN FINBAR
Isqof ta’ Cork
570 – 623

Tagħrif: Twieled madwar is-sena 570 u kien jismu Lochan, u twieled f’Connaught, l-Irlanda, fis-Seklu VI. Ommu kienet nobbli fil-qorti Irlandiża u missieru bniedem tas-sengħa.

Tgħallem għand il-patrijiet ta’ Kilmacahil f’Kilkenny, li semmewh Fionn-Bahr, jiġifieri “Ras Bajda”, u beda jissejjaħ Finbar.

Mar pellegrinaġġ Ruma u għadda minn Wales, fejn żar lil San David ta’ Menevia. Waqqaf skola monastika fuq il-gżira ta’ Lough Eiroe, fejn għex għal xi żmien bħala eremit.

Waqqaf imbagħad monasteru li madwaru żviluppat il-belt ta’ Cork, li tagħha kien l-ewwel isqof. Dan il-monasteru kien popolari ħafna fl-Irlanda t’isfel u ssieħbu fih ħafna dixxipli.

Ippriedka l-Vanġelu fl-Iskozja u fl-Irlanda, u miet madwar is-sena 623 fil-belt ta’ Cloyne, imma ġie midfun f’Cork. Wara mewtu saru ħafna mirakli li kienu attribwiti għal dan il-qaddis.

Hu l-patrun prinċipali tal-belt u d-djoċesi ta’ Cork. Kemm il-Kattidral Protestant tant sabiħ (li qabel kien Kattoliku) kif ukoll il-Kattidral Kattoliku, anki dan kbir u sabiħ, fil-belt ta’ Cork, huma ddedikati lil San Finbar. Huwa patrun tal-imigranti.

Ħsieb: Fil-Punent ta’ Cork u fin-Nofsinhar ta’ Kerry, il-prattika tal-mixi bħala pellegrinaġġ lejn l-eremitaġġ ta’ San Finbar f’Gougane Barra ilha stabbilita għal ħafna sekli. F’dan il-pellegrinaġġ, wieħed jista’ jammira l-ħolqien b’veduti spettakolari fuq Bantry Bay u meded tal-kosta tal-West Cork. Iżda huwa l-aspett spiritwali li jattira ħafna nies; il-mistoqsijiet li wieħed jiġuh f’moħħu hu u jagħmel dan il-vjaġġ bil-mixi:

  • X’immotiva lil Finbar biex iġġib l-aħbar tajba ta’ Kristu f’dawn il-postijiet?
  • Liema messaġġ waslilhom li bih għamel fuqhom dak l-impatt li bidilhom mill-qiegħ?
  • Għaliex il-bnedmin ta’ dak iż-żmien bikri għażlu propju dawn l-imkejjen siekta qalb in-natura biex fihom ħolqu monument li fih ikkomunikaw ma’ Alla bit-talb?
  • U għaliex f’dan il-lok hemm sens ta’ paċi u serħan mhux tas-soltu?

Nistgħu nitolbu minn kullimkien. Fejn hu l-post favurit tiegħek biex titlob? Nafu li Alla jismana’ minn kull fejn nitolbu, iżda kulħadd għandu l-post jew postijiet speċjali fejn l-aktar li jħobb iqattgħa ħin mal-Mulej.

Qalb in-natura
In-natura hija element importanti ta’ bosta postijiet speċjali għat-talb. Hawn min għandu l-ġnien personali tiegħu fejn fih jagħmel ħin ta’ meditazzjoni u fejn fih ikunu jista’ jkun ftit kwiet waħdu. Is-sbuħija tal-fjuri, tas-siġar, tal-għasafar, eċċ… tagħtihom sens ta’ kalma. San Franġisk ta’ Assisi hu l-qaddis tipiku li ħafna artisti jippreżentawh jinnamra ma’ Alla qalb in-natura.

Ħdejn il-baħar jew qrib xi post bl-ilma jgelgel huwa lok ieħor magħżul minn diversi nies. Hawn min iħobb jippassiġġa fuq ir-ramel waqt li jiftaħ qalbu mal-Ħallieq.

Hawn min imur fuq xi għoljiet jew f’xi wied sabiħ. Kienu diversi r-reliġjużi li għażlu li jibnu l-monasteri tagħhom propju f’dawn il-postijiet li ħafna drabi kienu ‘l bogħod mill-abitat, u għalhekk mill-istorbju tal-ibliet. San Benedittu nistgħu ngħidu li kien l-ewwel fost il-monaċi li ħajruh postijiet bħal dawn.

Dan l-aħħar saret moda li kulħadd imur jippassiġġa (li hija xi ħaġa tajba għal saħħitna) bil-headphones f’widnejh. Ħafna nsara prattikanti joħolqu l-playlist favorita tagħhom għax jgħidu li huma u jisimgħuha, flimkien ma’ xi veduti li jaraw huma u miexja, tgħinhom jerfgħu l-ħsieb tagħhom lejn Alla u jiddjalogaw miegħu. Hawn min jgħid ir-rużarju b’dan il-mod ukoll.

Waqt is-sewqan
Talb waqt li wieħed ikun qed isuq huwa post popolari ieħor, b’mod speċjali għal dawk li jivvjaġġaw waħedhom, fit-tul jew li spiss jeħlu fit-traffiku! Iva, hawn min jagħmel mill-karozza “il-kamra tat-talb tiegħu.”

Kull meta jaraw xi xenarju sabiħ li jkunu għaddejja minn ħdejh, jieqfu jirringrazzjaw lil Alla. L-istess bħal fil-każ tal-mixi, xi mużika favorita fl-isfont, xi kant ta’ tifħir, talb jew riflessjonijiet. Għal min isegwi Radju Marija, għandu minjiera ta’ tagħlim nisrani wkoll.

Fil-knejjes u fil-kappelli
Oħrajn jimxu jew isuqu lejn xi knisja, li huwa l-post ta’ Alla per eċċellenza għaliex fit-tabernakli jew espost fil-ħafna kappelli tal-adorazzjoni, insibu l-preżenza ħajja tal-persuna ta’ Ġesu’ bil-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinita’ tiegħu. Hu jinżel mis-sema fuq l-altari tagħna biex jiġi jiltaqa’ magħna, l-ewwel u qabel kollox fit-Tqarbin Imqaddes imma mhux biss.

Hu jibqa’ hemm jistenna li nagħmlulu xi vista, bħal donnu ħabsi li jixxennaq għal ftit kumpanija ta’ xi ħadd li jixtieq iħobbu. Hu minn naħa tiegħu, qatt ma jħallina nitilqgħu minn ħdejh b’idejna vojta imma dejjem lest li jibdilna biex noħorġu minn ħdejh imsaħħin, imfarġin, imfejqin, imdawwlin u aktar ippreparati biex inkomplu naffaċċjaw l-isfidi li din il-ħajja toffrilna kuljum. Il-qaddisin kollha kienu jgħaddi bosta mill-ħin tagħhom quddiem Ġesù Ewkaristija.

Fid-dar
Ħafna jgħidu li l-post fejn l-aktar iħossuhom komdu huwa fi djarhom stess. Min fis-salott, min fil-kamra tas-sodda, min f’xi kamra partikolari oħra u min f’xi gallarija jew fuq il-bejt. Hawn min għandu wkoll xi pultruna, jew siġġu jew inġinokjatur jew imħadded appost li jużhom waqt it-talb.

Dan l-aħħar daħlet l-użanza sabiħa li jinħoloq post jew aħjar kamra apposta, imżejna b’mod li jgħinek tidħol f’atmosfera ta’ talb. Fiha hawn min iżejjen xi figuri ta’ Ġesu’, Marija, anġli jew qaddisin, jifrex xi tapit komdu fejn fuqu wieħed ikun jista’ jintasab u forsi jaqra l-Bibbja jew xi kotba oħra spiritwali. F’din il-prayer room, il-familja tista’ tiltaqa’ f’xi ħin tal-ġurnata biex titlob flimkien, eżempju r-rużarju. Forsi tgħiduli li ma tantx għad fadal djar bi spazju biżżejjed biex wieħed jiddedika kamra sħiħa għal dan il-għan. Tassew imma min irid, kulħadd jista’ jsib xi rokna fuq xi biċċa għamara u jagħmel minnha speċi ta’ altar żgħir li jgħinek tgħolli l-ħsibijiet tiegħek lejn is-Sema.

Fis-sodda
Wara jum twil, ħafna jħobbu jagħlqu l-ġurnata bit-talb fil-post favorit tagħhom … is-sodda. Hawn min ma jidħolx fis-sodda qabel ma jkun niżel għarkuptejh ħdejha biex jitlob tal-aħħar. Minn naħa l-oħra hawn min jemmen meta jkun komdu, aktar ikun jista’ jikkonċentra fit-talb. U din hi vera l-aktar għal min għandu xi limitazzjonijiet ta’ saħħa u ma jistax jgħaddi wisq ħin ‘il barra mis-sodda.

Hu x’inhu l-post speċjali tiegħek, Alla huwa dejjem lest biex jisimgħek kull fejn inti tieqaf biex tikkomunika miegħu. F’Salm 145: 18 insibu: “Il-Mulej huwa viċin ta’ kull min jitlobu, jisma’ lil kull min jitolbu b’sinċerita.’

Talba: O Alla, int għamilt lil San Finbar eżempju eċċellenti tal-imħabba Divina u tal-fidi li tikseb lid-dinja, u żiedtu mal-lista tar-Rgħajja qaddisin. Agħtina li bit-talb tiegħu għalina, aħna nipperseveraw fil-fidi u fl-imħabba bħalma għamel hu, hekk li naslu biex naqsmu miegħu wkoll fil-glorja. Bi Kristu Sidna.  Ammen.

English Version: http://orthochristian.com/97682.html

Alternative reading: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=224

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Finbarr_of_Cork

Nota: It-Tagħrif dwar il-beata tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

24 ta’ Settembru: Beata Marija Columba Gabriella Sagheddu

Verżjoni Vidjo: Beata Marija Columba Gabriella Sagheddu

Ir-rieda ta’ Alla, hi x’inhi: din hija l-ferħ tiegħi, il-kuntentizza tiegħi u l-paċi tiegħi.” Beata Marija Columba Gabriella Sagheddu

300px-Maria_Gabriella_Sagheddu_01IL-BEATA MARIJA GABRIELLA SAGHEDDU
1914 – 1939

Tagħrif: Marija Sagheddu – l-isem Gabriella żdied wara li daħlet reliġjuża – twieldet f’Sardinja, fis-17 ta’ Marzu 1914, il-ħames minn tmien ulied li sfaw orfni minn missierhom f’età żgħira. Kellha tfulija sempliċi ħafna. Meta ommha ħajritha tidħol fl-Azzjoni Kattolika, Marija għall-ewwel ma riditx għax dehrilha li kienet għadha mhix ippreparata tagħmel id-dmirijiet tagħha sewwa, iżda mbagħad daħlet b’ruħha u ġisimha.

F’Marija kienu jidhru l-karatteristiċi ta’ fedeltà, sens kbir ta’ dover, qawwa ta’ karattru u safa intransiġenti – kif ukoll dawk ftit u xejn negattivi: ras iebsa u xi ftit vjolenti. Ma kinetx tfajla li minn ċkunitha wriet sinjali ta’ qdusija. Wara l-mewt t’oħtha ż-żgħira, Marija ta’ 18-il sena, ltaqgħet mal-Mulej f’ċirkustanzi li ma tantx nafu fuqhom – nafu biss li ta’ din l-età ħajjitha nbidlet għal kollox, u tat lilha nfisha għal ħajja ta’ talb u għall-prattika sħiħa tar-reliġjon, kif ukoll iddedikat ruħha għall-ħidma ta’ karità. Bdiet tgħallem il-katekiżmu lit-tfal u tassisti lill-anzjani tal-villaġġ tagħha.

Ta’ 21 sena, bl-għajnuna tal-kappillan, iddeċidiet li tikkonsagra lilha nfisha kollha kemm hi ’l Alla u tingħaqad mas-sorijiet Trappisti fil-monasteru ta’ Grottaferrata, qrib Ruma. Fi tmiem Settembru 1935 sellmet għall-aħħar darba lil pajjiżha u lil niesha. Fit-13 ta’ April 1936 ħadet il-libsa reliġjuża u fil-31 t’Ottubru tal-istess sena pprofessat bl-isem ta’ Marija Gabriella.

Żewġ elementi li nsibu jaħkmu l-ħajja ġdida ta’ Gabriella fil-ħajja monastika: l-ewwel kien li tħossha li għandha trodd ħajr lil Alla għall-ħniena li wera magħha li sejħilha biex tkun kollha kemm hi tiegħu. Kienet tħobb ixxebbah lilha nnfisha mal-Iben il-Ħali li reġa’ lura f’dar missieru. It-tieni element kien ix-xewqa li twieġeb għal din il-grazzja li taha Alla bil-ħeġġa kollha tagħha biex, dak li beda Alla magħha, jiġi mitmum sal-aħħar.

F’jum il-professjoni, li ħabat nhar il-festa ta’ Kristu Re, għamlet “l-offerta żgħira” tagħha: “Mulej, agħmel minni dik li trid.” U kien propju l-Mulej li aktar ’il quddiem wassalha biex toffri ħajjitha għall-Għaqda bejn il-Knejjes. Ta’ 24 sena ħassitha mqanqla mill-kliem tal-ittra ta’ Father Paul Couturier, l-Appostlu tal-Ekumeniżmu, fl-ittra li kiteb lil Madre Badessa u talbet biex toffri ħajjitha biex isseħħ l-Għaqda bejn il-Knejjes Insara. Il-Badessa la wieġbet iva lanqas le, iżda talbitha biex taħsibha sew u wara titkellem mal-kappillan. Dan qabel mat-talba. Saret l-offerta u ġiet aċċettata.

Ftit jiem wara, f’Marija Gabriella bdew jidhru l-ewwel sintomi tal-marda avvanzata tat-tuberkolożi li kellha twassalha sal-qabar wara 15-il xahar ta’ tbatijiet. L-agunija tagħha ntemmet fit-23 ta’ April 1939. Kien it-Tieni Ħadd fuq l-Għid, il-Ħadd tar-Ragħaj Divin. Nhar it-Tlieta 25 ta’ Jannar 1983, fl-okkażjoni ta’ għeluq l-Ottava ta’ Talb għall-Għaqda tal-Knejjes, il-Papa San Ġwanni Pawlu II, fil-Bażilika ta’ San Pawl Barra s-Swar, iddikjaraha Beata. Il-Papa sejjaħ lil din il-Beata ġdida: “Gabriella tal-Unità”.

Ħsieb: “Fis-sempliċità tal-qalb jiena noffrilek kollox bil-ferħ o Mulej. Il-Mulej li poġġieni f’din it-triq, jiftakar iqawwini fil-battalja. Għall-ħniena tiegħu jiena nafdalu l-fraġilità tiegħi. Rajt quddiemi salib kbir … intbaħt li s-sagrifiċċju tiegħi ma kien xejn meta mqabbel ma’ Tiegħu. Jien offrejt lili nnifsi kollni kemm jien u m’hiniex ser nerġa’ lura mill-kelma li tajt. Ir-rieda t’Alla, tkun xi tkun, din hija l-ferħ tiegħi, il-kuntentizza tiegħi, il-paċi tiegħi. Qatt mhu se nkun nista’ nirringrazzjah biżżejjed. Ma nistax ngħid ħlief dan il-kliem: “Alla Tiegħi, il-Glorja Tiegħek!” ~ Beata Marija Gabriella

Il-Ġimgħa ta’ Talb għall‑Għaqda fost l‑Insara hija osservata minn Jannar 18 sa 25 ta’ Jannar. Matul din il‑ġimgħa, il‑Knejjes Insara differenti jingħaqdu għal talb ekumeniku, anki hawn Malta.

Għalkemm Marija Gabriella ma kinitx magħrufa tul ħajjitha, Alla għażel li jonora lil din il-ruħ umli wara mewtha. Wara li bosta sorijiet, li għexu magħha fil-kunvent, irrappurtaw messaġġi li rċevew fil-ħolm minn Suor Marija Gabriella u raw sinjali oħra minn naħa tas-Sema, il-badessa ħadet l-inizjattiva li tippubblika l-bijografija tagħha. Fi ftit snin, viżitaturi ta’ denominazzjonijiet varji kienu diġa qed jagħmlu pellegrinaġġi għall-qabar tagħha. Meta l-qabar ta’ Marija nfetaħ fl-1957, il-ġisem u l-ilbies nstabu tagħha nstabu inkorrotti – stat naturali mhux spjegabli għal xi ħadd li miet bit-tuberkolożi.

Hija pjuttost sorprendenti li xi ħadd li ma għamel xejn ħlief talab sar Patrun tal-Knisja għall-Ekumeniżmu. Imma dak li hu l-aktar sorprendenti huwa li f’Sardinja fejn trabbiet, hija qatt ma ltaqat ma’ Nisrani mhux Kattoliku. Hi taf biss li xi Kristjani kienu separati mill-Knisja Kattolika, u li dan inikket il-Qalb ta’ Ġesù.

Aħna jinteressana minn dak li jnikket il-Qalb ta’ Ġesù? In-niket tiegħu nistgħu ngħidu li hu n-niket tagħna wkoll? Qed nagħmlu jew nixtiequ nagħmlu xi ħaġa dwaru? Nistgħu infarġu lil Ġesù b’xi mod? Qed jiġuk f’moħħok xi modi ta’ kif tista’ tfarġu? Iva, nistgħu infarġuh u nistgħu ukoll, bil-ħajja tagħna, hi ta’ liema stat hi, nagħmlu xi ħaġa. Immorru jew le għas-servizz ta’ talb organizzat matul il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara, il-ħajja ta’ Marija Gabriella tfakkarna li għandna nitolbu kontinwament għall-għaqda mil-ġdid fost l-insara kollha. U minbarra t-talb, forsi l-Mulej qed isejħilna biex bħal Marija noffru wkoll is-sofferenzi personali tagħna, huma ta’ liema għamla huma, kemm jekk huma fiżiċi, mentali, emozzjonali, spiritwali, eċċ… – kollox jgħodd – jekk noffruh b’imħabba bħala talba lil Alla li hu mnikket.

Talba: Beata Marija Gabriella, inti mmaturajt u kbirt fil-fidi Kattolika; itlob għaż-żgħażagħ insara kollha, ħalli jżommu l-fidi li jkunu rċevew fit-tfulija tagħhom u jservu lill-Mulej meta adulti.

Għalkemm int sofrejt ħafna mit-tuberkolożi li ħaditlek ħajtek fl-eta’ ta’ 25 sena, bqajt paċenzjuża imqawwija mill-grazzja ta’ Alla; itlob għall-morda u l-moribondi kollha, ħalli jagħrfu li jistgħu joffru t-tbatija tagħhom lil Alla għas-salvazzjoni tal-erwieħ.

Li n-nies kollha jistgħu jkunu ħaġa waħda fi Kristu kienet għal qalbek ħafna, tant li tajt ħajtek għaliha; itlob li nkunu nistgħu naraw l-għaqda tal-knejjes kollha taħt Ragħaj wieħed. Ammen.

English Version: https://catholicsaints.info/blessed-maria-gabriella-sagheddu/

Alternative reading: http://communio.stblogs.org/index.php/2016/04/blessed-maria-gabriella-sagheddu/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Gabriella_Sagheddu

Nota: It-Tagħrif dwar il-beata tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.