1 ta’ Settembru: San Ġillus

Verżjoni Vidjo: San Ġillus

“Issa O Sid tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem.” – L-aħħar kelmiet ta’ San Ġillus

1-San Gil o Egidio-Abad-1SAN ĠILLUS
Eremita u Abbati
(650 – 710)

Tagħrif: Ġillus twieled f’Ateni, il-Greċja fis-sena 650. Meta mietu l-ġenituri tiegħu, huwa qassam il-wirt abbundanti li ħallewlu, lill-foqra. Għal din ir-raġuni, u anki għax wettaq diversi mirakli, dan iż-żagħżugħ kiseb bosta ammiraturi. Imma hu, għall-kuntrarju, la ried it-tifħir u lanqas kien ifittex li jkun famuż. Għalhekk, biex ikun jista’ jservi lil Alla f’ħajja moħbija, huwa telaq mill-Greċja u baħħar lejn Franza.

Hemm mar jgħix waħdu f’foresta mudlama. Għażel għar fis-selvaġġ bħala d-dar tiegħu. Dan l-għar kellu siġra b’xewk kbir quddiemu. Ġillus kien kuntent li beda jgħix f’dan il-post u ħassu għall-kenn, ‘il bogħod mit-tifħir tan-nies li setgħu wassluh biex jintefaħ bih innifsu.

Imma darba waħda, kien hemm re ma’ xi nies minn tiegħu, iduru fil-foresta bħala kaċċaturi. Dawn ġrew wara ċerva li kienet spiss tmur fil-għar ta’ Ġillus u takkumpanjah. Irnexxielha taħrab minnhom billi marret tistaħba ġewwa l-għar ta’ Ġillus. Madanakollu, wieħed mill-irġiel tefa’ vleġġa lejn id-direzzjoni tax-xewk li kien jgħatti l-għar, bit-tama li jirnexxielu jolqot liċ-ċerva. Wara li tħabtu biex daħlu fil-għar, sabu lil Ġillus ferut bil-vleġġa.

“Min int u x’inti tagħmel hawn?” staqsa b’vuċi awtorevoli r-re. San Ġillus irrakkuntalhom l-istorja ta’ ħajtu. Meta semgħuha, talbuh maħfra. Ir-re bagħat għat-tobba tiegħu biex jieħdu ħsieb il-ferita tal-qaddis. Għalkemm Ġillus talabhom biex iħalluh waħdu, ir-re tant ħass rispett lejh, li baqa’ jmur jarah spiss. Ġillus qatt ma kien se jaċċetta rigali mingħand ir-re. Fl-aħħar imma, hu aċċetta li jħalli lir-re jibni monasteru kbir f’dak il-post. Ġillus sar l-ewwel abbati tiegħu.

Dan il-monasteru, tant sar famuż, li nħolqot belt sħiħa fl-inħawi tiegħu. Meta l-qaddis miet, il-qabar tiegħu ġewwa l-monasteru, sar post ta’ qima kbira u ċentru ta’ pellegrinaġġi.

San Ġillus huwa wieħed mill-qaddisin l-aktar popolari taż-żmien medjevali u huwa l-Patrun ta’ diversi, fosthom ta’ dawn li għandhom diffikultà ta’ mobbiltà.

Ħsieb: L-Arċisqof Fulton Sheen jgħid xi ħaġa hekk: “Il-Mulej ma jkejjilx il-ġenerożità tagħna b’kemm jirnexxielna nagħtu, imma b’kemm jifdlilna wara li nkunu tajna.” Veru għandha x’togħmod din ir-riflessjoni li hi l-eku tal-kumment li għamel Ġesù fuq dik l-armla li l-offerta tagħha kienet tikkonsisti f’dak kollu li kien fadlilha biex tgħix. (Mark 12: 41-44).

U hekk għamel il-ħabib qaddis tagħna tal-lum Ġillus. Imma dan m’għamlux biex in-nies tfaħħru u jsir famuż. L-attenzjoni tan-nies tant ma ridhiex, għax dak li għamel għamlu biss għall-glorja t’Alla u l-ġid tal-proxxmu, li ddeċieda li jitlaq minn pajjiżu u jfittex kenn xi mkien solitarju u jgħix ta’ fqir.

  • X’inhuma l-intenzjonijiet tiegħi meta nagħti karità jew meta b’xi mod inkun ta’ ġid għall-proxxmu tiegħi?
  • Jien infittex it-tifħir, l-isem tajjeb jew fama ta’ qaddis/a, jew nagħraf lit-tajjeb kollu tiegħi hu wkoll don ta’ Alla?
  • Kemm ninħeba min-nies kif nista’, biex dak li nkun għamilt ikun biss għall-glorja t’Alla, li ħabbni u ta kollox għalija?

L-unika ħaġa li Ġillus xtaq għalih innifsu, kien post għall-kwiet qalb in-natura, fejn ‘il bogħod mill-istorbju tan-nies, seta’ jitlob u jissaħħaħ fil-ħajja tar-ruħ. Il-ħajja tat-talb u l-kontemplazzjoni, wasslitu jagħżel għalih mhux ir-rikkezzi ta’ din id-dinja, imma r-rikkezzi interjuri ta’ min għaraf li jekk ikollok ‘l Alla, għandek kollox. U hawn niftakru f’dak li qalet Santa Tereża ta’ Avila: “Minn għandu ‘l Alla, ma jonqsu xejn. Alla waħdu biżżejjed.” 

U tassew li biex wieħed jasal joħroġ bi stqarrija bħal din, wieħed irid ikun daħal f’intimità kbira ma’ Alla fit-talb. U hija din il-familjarità mimlija rispett u qima lejn Alla, li twassalna nagħrfu li, ladarba kull ħaġa tajba ħarġet minnU, mela Hu huwa il-Kollox f’kollox tagħna. Frott it-talb, hija fiduċja dejjem akbar f’Alla-Imħabba. U l-fiduċja li kiseb Ġillus mill-konverżazzjonijiet li kien ifittex li jkollu mal-Ħabib Divin, wassluh biex jintelaq f’idejn Alla għal kollox f’dak li kellu x’jaqsam mal-għejxien tiegħu.

F’dak il-post imneżża minn kull kumdità li soltu jfittex il-bniedem, kumdità li titqies bħala s-sigurtà essenzjali tiegħu, ma setax ma jintelaqx għal kollox f’idejn il-Ħabib-Ħallieq. It-tradizzjoni tgħidilna li Alla mhux biss urieh bil-għar fejn kellu jsib kenn, imma wkoll ipprovdielu ċerva li sqietu mill-ħalib tagħha.

Tassew li din l-istorja tista’ tkun frott it-tradizzjoni, imma l-istorja ta’ Elija tinsab fl-Iskrittura u hija aċċessibli għal kull min iridha jaqraha. Dan il-profeta, meqjus bħala wieħed mill-eqdem eremiti, Alla kien mantnieh bi providenza diretta tiegħu meta talbu jmur jgħix ġo wied. Din il-ġrajja nsibuha fl-1 Slaten 17: 2-6:

Il-Mulej kellem lil Elija u qallu: “Itlaq minn hawn, iġbed lejn il-lvant, u mur inħeba fil-wied ta’ Kerit, biswit il-Ġordan. Inti tixrob mill-wied, u jien ikkmandajt liċ-ċawl jitimgħek hemmhekk.” Elija telaq u għamel kif qallu l-Mulej, u qagħad ħdejn il-wied ta’ Kerit biswit il-Ġordan. U ċ-ċawl kienu jġibulu ħobż u laħam mas-sebħ u ħobż u laħam fil-għaxija. U kien jixrob mill-wied. 

  • U jien u int kemm qed infittxu postijiet solitarji jew addattati biex fihom ningħaqdu mal-Ħabib Divin tagħna permezz tat-talb?
  • Kemm qed infittxu li nsibu ħin ta’ kwalità waħedna jew mal-għeżież tagħna biex nirriservawh għall-ġid ta’ ruħna f’dinja mimlija storbju u distrazzjonijiet?
  • Kemm qed inħallu l-vuċi t’Alla, bil-meditazzjoni tal-Kelma tiegħu, tippenetra u tinfed il-qalb tagħna hekk li tibdlilna l-mod kif nirraġunaw u l-istil ta’ ħajja li ngħixu?
  • F’liema livell waslet il-fiduċja tagħna f’Alla, hekk li nagħrfu ngħixu fil-kwiet u fil-paċi, bla ebda lussu żejjed u grati għal kull ma ngħatalna?

It-telqa u l-fiduċja tagħna f’Alla għandhom ikunu l-qawwa tagħna l-insara.

Talba: Induru lejk, għażiż ħuna eremita qaddis, u nitolbuk tgħinna b’talbek ħalli bl-impenn fil-ħajja tagħna tat-talb, nikbru fil-fiduċja tagħna f’Alla li waħdu jimla’ l-qalb tagħna u jissodisfa b’mod, li l-ebda ħaġa li qatt jista’ jkollna f’din id-dinja, ma tista’ tagħmilna verament hienja. Grazzi talli int dan urejtulna bl-eżempju ta’ ħajtek. Ammen.

English Version: https://anastpaul.wordpress.com/2017/09/01/saint-of-the-day-1-september-st-giles/

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-giles/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Giles

Advertisements