3 ta’ Settembru: San Girgor il-kbir

Verżjoni Vidjo: San Girgor il-kbir

“Kieku kellna nifhmu bir-raġuni l-ħidma t’Alla, ma tkunx iżjed meraviljuża, u l-fidi ma jkollix iżjed mertu, li kieku r-raġuni tipprovdi l-provi.” San Girgor il-kbir

maxresdefault (2)SAN GIRGOR IL-KBIR
Papa u Duttur tal-Knisja: 540 – 604

Tagħrif: San Girgor twieled f’Ruma, l-Italja, f’madwar is-sena 540, minn familja sinjura ħafna.

Meta kellu xi 30 sena kien laħaq Prefett ta’ Ruma. Iżda minkejja li kellu din il-pożizzjoni għolja fis-soċjeta’ u kien wieħed mill-aktar nies sinjuri ta’ Ruma, fis-sena 575 ħalla kollox biex jingħaqad iktar ma’ Alla.

Daħal mal-Patrijiet Benedittini, bidel daru f’monasteru taħt il-protezzjoni ta’ San Andrija, u ħadem bla heda biex waqqaf sitt monasteri oħra. Il-Papa Pelaġju II ordnah saċerdot u ftit wara bagħtu bħala Legat tiegħu f’Konstantinopli.

Fis-sena 586 ġie lura u sar l-Abbati tal-monasteru ta’ San Andrija.

Meta l-Papa Pelaġju II miet bil-pesta fis-sena 590, Girgor ġie elett Papa, l-ewwel patri li qatt kellu dan l-unur.

Fis-sena 596 bagħat lil Santu Wistin flimkien ma’ xi erbgħin patri ieħor l-Ingilterra biex ixerrdu l-fidi nisranija.

Minkejja li kien bniedem marradi u kien jeħtieġlu jqatta’ perjodi twal fis-sodda, huwa ħadem bis-sħih matul l-erbatax-il sena tal-pontifikat tiegħu. Ikkumbatta s-simonija, l-ereżiji u l-inġustizzja, u kabbar l-interess fil-Knisja lejn il-liturġija u l-mużika sagra. Ma kienx jehda jippriedka u jikteb. Il-kitba tiegħu turi l-qdusija, l-għerf u ż-żelu li kellu li wassluh biex ikun iddikjarat Duttur tal-Knisja. Għalkemm kien isejjaħ lilu nnifsu bħala “l-qaddej tal-qaddejja ta’ Alla”, ma kien jaqta’ qalbu minn xejn. Kien ikun dejjem biċ-ċoqqa ta’ patri ħlief f’okkażjonijiet formali.

Huwa baqa’ jaħdem sal-aħħar minkejja li kien sar għadma u ġilda, qisu skeletru u bil-kemm kien jiflaħ jimxi. Miet f’Ruma fit-12 ta’ Marzu 604.

Ħsieb: Mhux kulħadd jista’ jagħmel ħwejjeġ hekk sbieħ, ta’ mużika, kitba, eċċ., li n-nies tibda ssejjaħlu “kbir”. Imma lkoll kemm aħna għandna affarijiet li jekk nagħrfu nużawhom tajjeb, insebbħu ħajjitna u ħajjet l-oħrajn. Dik it-tbissima! Dik il-kelma! Dik id-daqqa t’id! Dik iż-żjara! Tassew li hemm bosta aspetti fuqiex nistgħu niffukaw meta qed nirriflettu fuq dan il-Papa umli u kbir. Xtaqt li nieħdu aspett wieħed, dak tat-talb, fejn fuq bażi regolari, wieħed jidħol daħla fih innifsu fil-preżenza t’Alla.

San Girgor jgħid li l-bniedem li jitlob, jimmerita li jirċievi dak li Alla fil-kobor tiegħu sa minn dejjem ikun iddeċieda li jagħtih. Għalhekk it-talb ma jibdilx il-fehma ta’ Alla, imma jibdel lilna u jiddisponina biex nilqgħu dak li fil-providenza kbira tiegħu Alla jrid jagħtina. L-istorja ta’ San Girgor tgħidilna li sew meta kien ambaxxatur f’Kostantinopli u sew meta kien Papa, hu kien jibki għax ma kienx ikollu ħin biżżejjed għat-talb – kien jilmenta li ma kellux spazju biżżejjed għas-solitudni biex ikompli jidħol fih innifsu u jingħaqad ma’ Alla.

San Girgor jgħid li “aħna lkoll monaċi.” Din il-kelma ġejja minn monakos li bil-Grieg tfisser il-bniedem li huwa “sħiħ,” liema milja l-bniedem jista’ jikseb biss jekk jiltaqa’ ma’ Alla – għax fi kliem Santu Wistin, il-qalb tal-bniedem issib il-mistrieħ biss f’Alla. Inkunu persuni sħaħ jekk niggranfaw mal-Ħallieq – ma’ Ġesù Kristu! Il-Papa Girgor isejjaħ lil Kristu “Alla Ħallieq” għax bil-mewt u l-qawmien tiegħu joħloq mill-ġdid. It-triq biex naslu għal din l-armonija, hija t-triq tal-ħajja interjuri – nidħlu fina nfusna biex Alla jidħol fina.

Id-dinja għandha bżonn tax-xhieda ta’ dawn il-persuni ta’ ħajja interjuri (persuni li jitolbu b’impenn) li bl-għażla vera tagħhom favur Alla, joffru “gost” differenti. Din hija s-sejħa tagħna llum u ma għandniex għaliex naqtgħu qalbna, għax jekk frott il-ħajja interjuri aħna niżviluppaw kultura ta’ djalogu, aħna naslu biex nikkonvinċu li fid-dar ta’ Missierna hemm ġid li jixraq lil kull bniedem. Għalhekk, meta tisimgħu b’ċerti deċiżjonijiet, poplu ta’ Alla, agħmlu l-qalb. Għandna jkollna fiduċja kbira li aħna nistgħu nagħmlu differenza. Imma biex dan iseħħ, irridu nsejħu lill-Ispirtu s-Santu kontinwament biex ikun Hu li jgħinna nidħlu fina nfusna u niskopru l-preżenza ta’ Alla u r-rieda tiegħu għalina fid-dinja tal-lum. U jien, nista’ ngħid li jiena “persuna ta’ ħajja interjuri” li għax qiegħed/qegħda f’kuntatt kontinwu ma’ Alla bit-talb, għandi dak id-dawl meħtieġ biex nista’ bi kliemi u b’għemili, indawwal lil dawk ta’ madwari?

Talba: O Alla, int taħseb fina bi ħniena bla tarf u taħkem fuqna bl-imħabba; għat-talb tal-Papa San Girgor il-Kbir, sawwab l-ispirtu tal-għerf fuq dawk li lilhom fdajt it-tmexxija fit-tagħlim, biex il-ġid li jiksbu n-nagħaġ qaddisa tiegħek jisfa’ ta’ hena għal dejjem lir-rgħajja tagħhom. Ammen. (Talba fil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-gregory-the-great-583

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-gregory-the-great/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Gregory_I

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis/a huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u l-ħsieb huwa addattat minn omelija tal-Isqof t’Għawdex Mario Grech, fil-Festa ta’ San Girgor il-Kbir.

Advertisements