4 ta’ Settembru: Santa Rożalija ta’ Viterbo

Verżjoni Vidjo: Santa Rożalija ta’ Viterbo

“It-talb juri lill-erwieħ il-vanità tal-affarijiet materjali u l-pjaċiri tad-dinja. Jimliehom bid-dawl, bis-saħħa u bil-konsolazzjoni; u jdewwaqhom dik il-kalma u l-paċi tad-dar tagħna tas-sema.” Santa Rożalija

rosa-de-viterbo-santa.jpgSANTA ROŻALIJA TA’ VITERBO
Verġni u Eremità
1234 – 1252

Tagħrif:  Alla l-għoli għamel affarijiet meraviljużi ma’ Santa Rożalija ta’ Viterbo. Jidher li l-ġenituri tagħha tawha dan l-isem b’ispirazzjoni divina, għax kien simboliku għall-ħajja kollha tagħha. Tul ħajjitha, hija nfetħet bħala fjura li tfewwaħ il-ġnien tal-Knisja, u fl-isbaħ ta’ żogħżitha, ittieħdet biex tiġi mħawla fis-Sema.

Qabel ma kienet kapaċi titkellem, Santa Rożalija ppruvat tippronunzja l-ismijiet ħelwin ta’ Ġesù u Marija; u hekk kif kienet għadha kemm tgħallmet timxi, talbet li tittieħed il-knisja u f’postijiet oħra għall-kwiet, biex titlob. Kienet tisma’ b’attenzjoni kbira diskorsi reliġjużi.

Meta kellha biss 3 snin, Alla wrieha kemm hu kuntent biha b’mod l-aktar ħelu. Waħda miz-zijjiet tagħha mietet. Tal-familja kienu bilwieqfa madwar it-tebut, jibkuha. Rożalija tant tqanqlet quddiem in-niket tal-qraba tagħha, li marret ħdejn it-tebut, għolliet għajnejha lejn is-sema, u talbet fis-silenzju. Imbagħad poġġiet idejha ċkejknin fuq il-ġisem tal-kadavru taz-zija u sejħitilha b’isimha. Il-mara mejta fetħet immedjatament għajnejha u ħaddnet lin-neputija tagħha, li qajmitha għall-ħajja mill-ġdid.

It-tifla kienet tiġiha ħniena kbira mill-foqra; hi dejjem ippruvat twarrab xi ikel biex tagħtih lilhom. Ġurnata waħda, meta telqet mid-dar b’xi ħobż fil-fardal tagħha, iltaqgħet ma’ missierha, li staqsieha x’reġgħet kienet qed iġġorr. It-tifla mbeżża fetħet il-fardal tagħha u fih kien hemm ward ifuħ.

Meta kellha 7 snin, Santa Rożalija rtirat f’ċella żgħira fid-dar ta’ missierha. Kien hawn li għaddiet kważi ħajjietha kollha fil-kontemplazzjoni u fil-prattika ta’ penitenzi rigorużi. Hija talbet ħafna għall-konverżjoni tal-midinbin. Sadanittant, il-Mulej kien qed iħejjiha għall-missjoni straordinarja.

Santa Rożalija kien għad ma kellhiex 10 snin, meta l-Verġni Mbierka Omm Alla, tatha l-istruzzjonijiet biex tingħaqad mat-Terza Ordni ta’ San Franġisk. Ftit wara, il-Mulej deherilha fuq is-Salib, liebes il-kuruna tax-xewk fuq rasu u b’bosta demm iċarċar mill-feriti tiegħu kollha.

Santa Rożalija inħasdet b’din id-dehra u bdiet tgħajjat: “Mulej tiegħi, min ġabek f’dan l-istat?”

Il-Mulej wieġeb: “L-imħabba tiegħi, l-imħabba profonda tiegħi għall-bnedmin għamlitli dan.”

“Imma,” staqsiet Rożalija, “min taqbek u mliek bix-xewk b’dan il-mod?”

“Id-dnubiet tal-bnedmin għamluli dan,” kienet ir-risposta tal-Mulej.

“Id-dnub, id-dnub!” għajtet il-qaddisa, u qabdet tifflaġella lilha nnifisha biex tagħmel riparazzjoni għad-dnubiet tad-dinja.

Permezz ta’ ispirazzjoni divina, Rożalija mbagħad ħadet salib f’idejha u bdiet tiela’ u nieżla bih fit-toroq u fil-pjazez pubbliċi tal-belt tagħha u tgħid lin-nies dwar it-torturi terribbli li sofra l-Mulej tagħna u dwar il-kruha tad-dnub. U kultant żmien, baqgħet toħroġ mis-solitudni tagħha biex tħeġġeġ lin-nies jagħmlu penitenza.

Il-belt ta’ Viterbo, li kienet tappartjeni lill-Istati Papali, kienet kontra l-awtorità tal-Papa. In-nuqqas ta’ rispett għar-reliġjon u d-degradazzjoni morali, kienu l-ordni tal-ġurnata. Imma l-prietki ta’ din il-missjunarja żgħira, kellhom riżultati tal-għaġeb. In-nies kienu jinġabru bil-folol biex tismagħha. Il-ġebla li fuqha hija kienet titla’, dehret tiela’ fl-arja, u ż-żagħżugħa żammet fuqha b’miraklu, filwaqt li kliem jaħraq baqa’ ħiereġ minn xufftejha. Il-parti l-kbira taċ-ċittadini aċċettaw li jagħmlu penitenza u li jerġgħu lura f’għaqda mal-Papa, filwaqt li Santa Rożalija u l-ġenituri tagħha ġew eżiljati minn Viterbo mill-awtoritajiet ċivili.

Ir-riżultat kien li issa kellha bosta ħidmiet x’tagħmel. F’Sorianu, u wara f’Vitorchianu, il-predikazzjoni tagħha kellha l-istess riżultati mbierka. F’dan tal-aħħar, saħħara għamlet ħafna ħsara lill-abitanti. Rożalija nkwetat li wara t-tluq tagħha, din il-mara kienet ser terġa’ tħassar il-ġid li jkun sar hemmhekk, għalhekk xtaqet il-konverżjoni tagħha. L-isforzi inizjali ta’ Rożalija fallew. Imbagħad il-qaddisa ġabret numru kbir ta’ injam u poġġiethom fil-pjazza pubblika; qabdet in-nar u telgħet fil-quċċata ta’ dan il-munzell. Hija damet f’dan in-nar bil-fjammi jduru magħha għal tliet sigħat, tkanta u tfaħħar lil Alla. In-nar ma għamlilha l-ebda ħsara. Kien hawn li s-saħħara ntefgħet f’riġlejn Rożalija u kkonvertiet sinċerament.

Sadanittant, l-awtorità leġittima tal-Papa kienet ġiet stabbilita mill-ġdid f’Viterbo, u Rożalija setgħet tirritorna. Issa kellha 15-il sena u kienet ħerqana biex tidħol fil-kunvent tal-Klarissi. Peress li ma kellha l-ebda dota, hija ma setgħetx tidħol.

“Ma jimpurtax,” qalet Rożalija, “intom mhux se tilqgħuni waqt li jiena ħajja, imma tirċevuni meta nkun mejta.” Rożalija, flimkien ma’ xi ħbieb li akkumpanjawha, inqatgħu għalihom waħedhom f’post ‘il bogħod min-nies, bl-intenzjoni li jiffurmaw komunità. Madankollu, l-awtoritajiet ekkleżjastiċi ma approvawx il-pjan tagħha u għalhekk marret lura d-dar. Hija mietet sentejn  wara fid-dar ta’ missierha, mimlija b’ħeġġa kbira li tingħaqad ma’ Alla tagħha.

Sentejn u nofs wara l-mewt tagħha, hija dehret tliet darbiet lill-Papa Alessandru IV, li kien f’Viterbo f’dak iż-żmien, u talbitu jitrasporta l-ġisem tagħha lejn il-kunvent tal-Klarissi. Meta seħħ dan, skoprew li l-ġisem tagħha kien intatt; u baqa’ hekk sal-lum. Il-mirakli għadhom iseħħu b’mod kostanti sal-lum, b’mod speċjali minn min imur iżur il-qabar tagħha. Il-Papa Kallistus III ikkanonizzaha fl-1457.

Għalkemm il-ġilda tagħha hija skura, il-ġisem tal-qaddisa għadu flessibbli u l-organi interni f’kondizzjoni tajba. Fl-1921, il-qalb tneħħiet biex titqiegħed f’relikwatorju għal purċissjoni, u f’dak iż-żmien, instabet perfettament intatta.

Ħsieb: Rożalija għexet biss tmintax-il sena, salvat il-kawża tal-Knisja, u mietet qaddisa. Aħna ngħixu, forsi, ħafna itwal, iżda b’liema riżultat? F’kull minuta, aħna nistgħu nagħmlu xi ħaġa għall-imħabba t’Alla. Il-ħin huwa flus, u l-eku għal mod kif inkunu nqejna bih, sa jkun għall-eternità. Għandna naħluh u ma jkollna xejn x’nieħdu qligħ minnu għall-eternità?

Forsi hawn min jgħid li l-lista ta’ qaddisin Franġiskani tidher li għandha pjuttost ftit irġiel u nisa li ma għamlu xejn straordinarju. Rożalija hija waħda minnhom. Hija ma influwenzatx il-Papiet u r-Rejiet, ma mmultiplikatx il-ħobż għall-imġewwħin, u qatt ma stabbilixxiet l-ordni reliġjuża tal-ħolm tagħha. Imma hi ħolqot post fil-ħajja tagħha biex fih tilqa’ l-grazzja t’Alla, u bħal San Franġisk qabilha, rat il-mewt bħala l-bieb għal ħajja ġdida.

Minkejja s-sempliċità tagħha, Santa Rożalija (li kienet għadha adoloxxenti) sabet il-gazz spiritwali li xxandar il-verità lill-politiċi ta’ żmienha. Minħabba dan, hija sabet ruħha f’diversi problemi mal-awtoritajiet, iżda qalet, “Jiena nagħmel dak li Ġesù qalli.” Huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li tfajla tiġi eżiljata mill-belt ta’ art twelidha għax titkellem kontra l-uffiċjali politiċi, iżda dan kien eżattament dak li ġara lil Santa Rożalija. Ma kien hemm xejn f’Rożalija li kien jattira lejn l-attiviżmu politiku, iżda kienet żagħżugħa b’qalb mogħtija kompletament lil Kristu, u dan xi drabi jwassal lin-nies biex jagħmlu dak li mhux immaġinabbli.

Dan il-qaddisa għexet ħajjitha xxandar il-verità, kienu x’kienu l-konsegwenzi, u konsegwenzi kien hemm. Illum, l-4 ta’ Settembru, il-ġurnata tal-festa tagħha, ejjew nitolbu l-interċessjoni tagħha għal dawk kollha li b’xi mod ġew emarġinati minħabba l-impenn tagħhom għall-verità. Santa Rożalija ta’ Viterbo, itlob għalina!

Talba: Alla Missierna, għall-imħabba tiegħek Santa Rożalija tat kollox biex tiddedika ruħha għal ħajja ta’ penitenza. Bl-għajnuna tat-talb tagħha, agħtina li nkunu nistgħu nimitaw il-mod ta’ kif tat ħajjitha għalik u għall-ġid tal-proxxmu ħalli mbagħad immorru ngawdu l-milja tal-barka tiegħek flimkien magħha fis-sema. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2016/09/saint-rose-of-viterbo.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-rose-of-viterbo/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Rose_of_Viterbo