11 ta’ Settembru: San Ġwann Gabrijel Perboyre

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Gabrijel Perboyre

Wieħed jagħmel tajjeb għall-erwieħ biss bit-talb. F’dak kollu li tagħmel, aħdem biss biex togħġob lil Alla, inkella tkun qed taħli ħinek u l-isforz tiegħek.” – San Ġwann Gabrijel Perboyre

image1SAN ĠWANN GABRIJEL PERBOYRE
Saċerdot, Missjunarju u Martri
1803 – 1840

Tagħrif: Ġwanni Gabrijel twieled fir-raħal ċkejken ta’ Puech, fi Franza, fi ħdan familja nisranija tassew. Kienu tmien aħwa b’kollox, li ħamsa minnhom daħlu fil-kongregazzjoni ta’ San Vincenz de Paul. Kien tant attent fl-istudju u tant magħruf għal tjubitu, li kiseb it-titlu ta’ “qaddis ċkejken.”

Meta kellu 15-il sena sema’ prietka u tnisslet fih xewqa li jsir missjunarju. Huwa ngħaqad mal-Viċenzjani fil-Milied tal-1818. Kien ordnat saċerdot f’Pariġi fl-1825. Huwa għadda l-ewwel 12-il sena wara l-ordinazzjoni tiegħu bħala għalliem, rettur ta’ seminarju u assistent majjistru tan-novizzi waqt li sikwit kien jitlob li jintbagħat fiċ-Ċina.
Fl-aħħar qata’ xewqtu u telaq minn Franza għal Macao fil-21 ta’ Marzu, 1835.

Għal erba’ snin ħadem kemm felaħ u kellu suċċessi tajbin fil-provinċji ta’ Honan u ta’ Hupeh. Imbagħad l-imperatur ħareġ l-editt ta’ persekuzzjoni kontra l-insara. Wara li kien ilu jaħdem hemm erba’ snin, Padre Perboyre, bħal Ġesù, kien ittradut għal ftit flus minn wieħed mill-insara ġodda tiegħu u mogħti f’idejn l-awtoritajiet. Għal sena sħiħa Ġwann Gabrijel sofra torturi tal-biża’ magħluq ġo ċella kollha ntiena għax irrifjuta li jgħaffeġ salib taħt saqajh jew li jittradixxi lil sħabu. Stampawlu fuq wiċċu erba’ karattri Ċiniżi li jfissru “Għalliem ta’ reliġjon falza.”

Hu kien ikkundannat għat-tgħalliq fuq salib flimkien ma’ ħames kriminali. Ftit qabel qatluh irnexxielu għal ftit mumenti jinżel għarkupptejh jitlob, u, minn taħt l-ilsien lissen: “Missier, f’idejk nerħi ruħi.” U hekk, fost tbatijiet ħorox sal-aħħar, radd ruħu lill-Mulej. Kien il-jum tal-Ġimgħa, 11 ta’ Settembru, 1840.

Sentejn biss wara mewtu, Papa Girgor XVI iffirma d-digriet għall-introduzzjoni tal-beatifikazzjoni ta’ Ġwann Gabrijel Perboyre. Ljun XIII niżżlu mal-beati fl-1889, u Ġwanni-Pawlu II niżżlu fil-lista tal-qaddisin fit-2 ta’ Ġunju, 1996.

Ħsieb: Il-mod kif San Ġwann Gabrijel Perboyre ppersevera sal-aħħar fil-missjoni tiegħu minkejja t-torturi ħarxa li għadda minnhom, huwa mhux biss impressjonanti u juri kif l-Ispirtu s-Santu waqaf miegħu, imma wkoll għandha tfakkarna fir-responsabbiltà li kull nisrani għandu li jissieħeb mal-missjunarji mhux biss finanzjarjament, iżda wkoll spiritwalment permezz tat-talb.

Il-predikazzjoni qawwija u ministeru produttiv fil-qasam tal-missjoni jiddependu fuq it-talb tal-poplu t’Alla. San Pawl dan fehemu sewwa. Eżatt qabel it-tluq għall-ewwel u t-tieni vjaġġi missjunarji tiegħu (u probabbli anki għat-tielet), il-fidili f’Antijokja talbu għal Pawlu u dawk li kienu sejrin miegħu (Atti 13:03; 15:40). Barra minn hekk, fl-ittri tiegħu, hu talab direttament għat-talb ħames darbiet. Fl-Ewwel ittra lit-Tessalonikin 5:25, hu sempliċement jgħid, “Ħuti, itolbu wkoll għalina,” imma huwa aktar speċifiku fl-appelli l-oħra tiegħu:

Rumani 15: 30-32 – “Inħeġġiġkom, ħuti, permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu u permezz tal-imħabba ta’ l-Ispirtu, tqabdu miegħi intom u itolbu lil Alla għalija biex jeħlisni minn dawk fil-Lhudija li ma jemmnux, u biex is-servizz tiegħi jkun milqugħ tajjeb mill-qaddisin f’Ġerusalemm. Imbagħad, jekk Alla jrid, niġi għandkom ferħan u jkolli ftit tal-mistrieħ għandkom.”

Efesin 6: 19-20 – “Itolbu għalija wkoll, biex meta niftaħ fommi tingħatali l-kelma, ħalli b’wiċċi minn quddiem inxandar il-misteru tal-Evanġelju, li tiegħu jiena l-ambaxxatur fil-ktajjen. Jalla jien u nxandar inkun nista’ nitkellem b’wiċċi minn quddiem kif għandi nagħmel.”

Kolossin 4: 3-4 – “Itolbu wkoll għalina, biex Alla jiftħilna l-bieb għall-kelma u nxandru l-misteru ta’ Kristu, li minħabba fih jien marbut bil-ktajjen. Itolbu ħalli jiena nxandru u nitkellem fuqu kif għandi nitkellem.”

2 Tessalonikin 3: 1-2 – “Mill-bqija, ħuti, itolbu għalina biex il-kelma tal-Mulej tiġri l-ġirja tagħha u tkun milqugħa bil-ġieħ bħalma ġara fostkom. [2Tess:3:2] Itolbu biex inkunu meħlusa minn nies ħżiena u bla liġi. Għax mhux kulħadd għandu l-fidi.”

Il-piż kbir tal-missjunarju hu li jġib l-Evanġelju lin-nies li ma jemmnux, biex jarahom konvertiti, u mbagħad biex jgħinhom jibdew Knejjes u komunitajiet ġodda. Alla jsalva lill-midinbin permezz tax-xandir tal-Evanġelju (ara Rumani 10:17), iżda Hu ma jsalvhomx mingħajr it-talb ta’ dawk li jemmnu. Infatti l-Knisja għamlet lil Santa Tereżina ta’ Lisieux, (soru tal-klawsura) Patruna tal-Missjunarji għax minkejja li qatt ma ħarġet mill-monasteru, hija għamlet bħala s-sejħa tagħha li titlob u toffri tbatijiet għall-bżonnijiet tal-missjunarji. James Fraser, missjunarju taċ-ċittadini ta’ Lisu fiċ-Ċina, kiteb lil sħabu li kienu qed jitolbu għalih minn djarhom f’pajjiżu: “Nemmen li hu biss fl-Aħħar Jum li jkun magħruf kemm saret ħidma missjunarja bl-għajnuna tat-talb ta’ min baqa’ f’daru.”

Għandna nħossu l-urġenza ta’ din ir-responsabbiltà li nitolbu għall-missjunarji. Nitolbu għalihom:

Biex Alla jiftħilhom il-bibien meħtieġa: Ħafna missjunarji jaħdmu f’pajjiżi li huma diffiċli biex jaċċettawhom jew f’oqsma li huma reżistenti għall-Evanġelju. Iżda l-bibien miftuħa jinkludu iktar milli sempliċement aċċess għan-nazzjonijiet u l-gruppi ta’ nies. Il-qlub tal-individwi jeħtieġu wkoll li jkunu miftuħa u riċettivi għall-verità t’Alla.

Biex l-Ispirtu t’Alla jqawwihom: Il-missjunarji huma nies bħalna li jibżgħu mill-uġigħ u li jiġi rifjutati. Meta jiffaċċjaw l-oppożizzjoni, jeħtieġu l-qawwa ta’ Alla biex tgħinhom jibqgħu sodi.

Biex il-Kelma t’Alla tinxtered: L-ostakoli għandhom jitneħħew biex il-Kelma t’Alla tkun tista’ tinfirex malajr u b’mod ħieles, u l-missjunarji jeħtieġu s-saħħa biex ikomplu quddiem l-oppożizzjoni jew id-diffikultajiet. Hekk kif Aaron u Hur appoġġjaw dirgħajn Mosè fil-battalja kontra l-Amalekiti (Eżodu 17:12), aħna nistgħu insaħħu l-armi tal-missjunarji billi nappoġġjawhom permezz tat-talb tagħna.

Biex il-Mulej jipproteġihom: F’xi pajjiżi, il-missjunarji jistgħu jkunu esposti għall-possibbiltà ta’ periklu u ħsara personali. L-oppożizzjoni għall-Evanġelju tista’ tinkludi mibegħda u vjolenza.

Biex il-ministeru tagħhom ikun effettiv: Huwa importanti li wieħed jintelaq u jafda f’Alla għall-aspetti kollha tal-ministeru – speċjalment fi żminijiet ta’ diffikultà kbira, sabiex l-isforzi jipproduċu frott u fl-aħħar mill-aħħar jinġabar il-ħsad.

Biex jivvjaġġaw bla diffikultà: Ħafna missjunarji jivvjaġġaw ta’ spiss, kemm nazzjonalment kif ukoll internazzjonalment. Il-modi ta’ trasportazzjoni tagħhom jistgħu jvarjaw minn ajruplani għal xarabanks, għal kenuri u muturi, u kulma jkollhom jgħaddu minnu sakemm jaslu fid-destinazzjoni.

Biex ikollhom mumenti ta’ mistrieħ: Il-missjunarji jgħaddu mill-istess tensjonijiet li kull wieħed u waħda minna naffaċċjaw fil-ħajja, bħal piżijiet ta’ ħafna xogħol f’daqqa, konflitti fir-relazzjonijiet mal-oħrajn u inċertezzi finanzjarji. Spiss, madankollu, il-missjunarju jitħabat ma’ dawn il-kwistjonijiet waħdu, mingħajr l-għajnuna, is-sapport u l-appoġġ ta’ nsara oħra. Li tgħix u taħdem f’kulturi differenti jżid l-element addizzjonali li jista’ jkun ta’ sfida kemm emozzjonalment, kemm spiritwalment u kif ukoll fiżikament.

Ejjew ma ninsewhomx għax ħafna drabi huma jħossuhom iżolati u bħal abbandunati f’nofs is-slaleb diffiċli li jkollhom jaffaċċjaw kuljum. James Fraser, meta talab lil dawk li bagħtu ċ-Ċina biex jipperseveraw fit-talb għall-bżonnijiet tal-ministeru tiegħu, esprima dak li kull missjunarju jemmen: “Xogħol missjunarju solidu u dejjiemi jsir fuq l-irkopptejn.”

U għal dawk li forsi l-Mulej qed jagħtihom sejħa speċjali li jmorru fiżikament fl-artijiet tal-missjoni, teżisti l-Għaqda Voluntiera Lajċi Missjunarji, li jinsabu l-Uffiċċju tal-Missjoni, 7 Triq il-Merkanti, Valletta. Tel: 21236962. L-għaqda nbdiet fis-27 ta’ Frar, 1985 biex iħeġġu, iħejju u jgħinu lin-nies għall-ħidmiet f’artijiet tal-Missjoni. Għal aktar tagħrif ara: http://thechurchinmalta.org/mt/posts/37440/ghaqda-volumtieri-missjunarji. Ara wkoll dawn is-siti: http://www.missionfund.org.mt/http://www.icpe.org/malta.

Talba: O Salvatur Divin tiegħi, ittrasformani fik innifsek. Ħa jkunu jdejja, idejn Ġesù. Agħtini li kull fakultà ta’ ġismi sservi biss għall-glorja tiegħek. Fuq kollox, ittrasforma lil ruħi u s-setgħat kollha tagħha sakemm il-memorja, ir-rieda u l-affezzjoni tiegħi jkun il-memorja, ir-rieda u l-affezzjoni ta’ Ġesù. Nitolbok teqred fija dak kollu li mhux ġej minnek. Agħtini li ngħix biss fik, minnek u għalik, ħalli mbagħad inkun nista’ verament ngħid ma’ San Pawl, “Qed ngħix – mhux iżjed jien imma Kristu jgħix fija. Ammen.” (Talba ta’ San Ġwann Gabrijel Perboyre)

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-jean-gabriel-perboyre-591

Martyrdom of St. John Gabriel: https://cmglobal.org/en/2017/09/11/the-harvest-gathered-in-martyrdom-of-st-john-gabriel-perboyre/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Gabriel_Perboyre

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_19960602_perboyre_en.html

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.