13 ta’ Settembru: San Ġwann Krisostmu

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Krisostmu

“Ikun imfaħħar Alla f’kollox.” L-aħħar kelmiet ta’ San Ġwann Krisostmu qabel ma’ miet

ag-ioannis-o-hrysostomos-48-e1321236387616.jpgSAN ĠWANN KRISOSTMU
Isqof u Duttur tal-Knisja
c349 – 407

Tagħrif: San Ġwann twieled f’Antjokja, Sirja, fis-sena 349. Meta kien għadu tarbija tilef lil missieru li kien kmandant fl-armata Imperjali. Ommu ħadet ħsiebu ħafna, tellgħetu fl-għożża u edukatu sewwa. Tgħammed meta kellu 20 sena kif kien isir f’dak iż-żmien. Huwa studja r-rettorika taħt Libanju, l-aħjar oratur ta’ żmienu. Iggradwa fil-Liġi u pprattikaha għal xi żmien.

Wara l-mewt ta’ ommu fis-sena 374, mar ingħaqad ma’ grupp ta’ eremiti fuq il-muntanji ħdejn Antjokja, iżda wara sitt snin marad u kellu jirritorna. L-Isqof Flavju tefa’ għajnejh fuqu u ordnah qassis fis-sena 386. Ġwanni ntefa’ għall-priedki li bihom kien isaħħar lil kull min kien jisimgħu.

Fis-sena 398 inħatar Patrijarka ta’ Konstantinopli, il-belt ewlenija tal-Imperu tal-Lvant f’dak iż-żmien. Għen ħafna lill-foqra u lill-morda, u kien iħeġġeġ lill-għonja biex jgħinuhom.

L-elokwenza brillanti tiegħu qalgħetlu l-isem ta’ “Krisostmu”, li jfisser “Fomm tad-Deheb”. Minn fuq il-pulptu kien jitkellem bla biża’ u jikkundanna l-ħażin, ukoll jekk dan kien ikun ġej mill-mexxejja jew mill-kbarat tal-pajjiż. B’hekk laqat fil-laħam il-ħaj lil Eudosia, il-mara tal-Imperatur Arkadju, u wkoll lill-Arċisqof ta’ Alexandra, Teofilu, u għalhekk ħabat difrejh magħhom.

Fis-sena 403 Teofolu laqqa’ sinodu li għalih attendew Isqfijiet li ma kellhomx grazzja ma’ Ġwanni. Dan is-sinodu kkundannah u neħħieh mill-kariga. Imbagħad Arkadju instigat minn martu, eżiljah imma n-nies ipprotestaw, u Ġwanni malajr issejjaħ lura. Iżda ma damx wisq għax l-Imperatur Arkadju eżiljah f’Cucusus, fl-Armenja, fejn Ġwanni dam tliet snin, u minkejja l-eta’ li kellu u l-ambjent xejn sabiħ li kien qed jgħix fih, ħadem kemm felaħ għall-Knisja, u kompla jikteb.

Eudosia mietet, u l-poplu saħaq biex l-Isqof jinġieb lura. Meta l-għedewwa tiegħu raw hekk, iddeċidew li jeħilsu minnu darba għal dejjem, u ordnaw li jittieħed f’Pityus, fuq ix-xtajta tal-Baħar l-Iswed. Iżda mifni bil-mard, bit-tbatija u bil-għajja miet fit-triq, f’Cumana, f’Pontu, fl-14 ta’ Settembru 407. L-aħħar kelmiet tiegħu kienu: “Ikun imfaħħar Alla f’kollox.”

Tletin sena wara, Teodosju II, iben Arkadju u Eudosia, ġab il-fdal ta’ Ġwanni f’Konstantinopli, u għamillu laqgħa kbira. Bies it-tebut tiegħu u talab maħfra f’isem ommu u missieru li kienu ppersegwitawh bla bżonn. Illum il-fdal tiegħu jinsab fil-knisja ta’ San Pietru, Ruma.

Il-ħafna kotba li kiteb għamluh wieħed mid-Dutturi kbar tal-Knisja.

ĦsiebHemm ħafna x’wieħed jista’ jgħid dwar San Ġwann Krisostmu, imma se niffoka biss fuq dan li ġej. Hu ma kienx bniedem li jfittex li jintogħġob minn nies. Dan ifisser li ma kienx jissagrifika lilu nnifsu u dak li kien, jiġifieri nisrani ta’ vera (wieħed motivat mill-imħabba għal Kristu) sabiex jogħġob lin-nies. Dan ifisser wkoll li kienet l-imħabba li qed timmotivah u mhux il-biża’. Hu ma beżax mill-opinjoni tal-bnedmin, anki jekk kienet l-opinjoni ta’ nies awtorevoli bħalu jew nies fil-poter. Dan għaliex l-attenzjoni tiegħu baqgħet fuq Alla u fuq il-Kelma tiegħu.

Tassew li meta naqgħu fir-rutina li nogħġbu u nikkuntentaw lin-nies (marda li bl-Ingliż isejħulha ‘a disease-to-please,’ u bil-Malti l-marda tar-rispett uman), aħna nitilfu l-attenzjoni tagħna. Inkunu qed nibdlu l-attenzjoni li sippost ikollna fuq Alla u l-Kelma tiegħu u nissostitwixxuha b’attenzjoni fuq il-fenomenu li dejjem jinbidel (u għalhekk inkontrollabbli), tal-opinjoni tal-bniedmin. Din l-attenzjoni tal-aħħar hi marbuta mal-biża’ li ma nkunux aċċettati mill-oħrajn u forsi wkoll miċħuda. Nistgħu nimmaġinaw wkoll li qegħdin inkunu twajba ma’ ħaddieħor jew saħansitra li aħna nies li ta’ paċi.

Infatti, silta mill-Iskrittura li tmur sewwa mall-ħajja ta’ dan il-qaddis tal-lum, hi propju kliem Kristu nnifsu meta qal ċar u tond li biex wieħed jimxi warajh fid-dawl tal-Verita’ li biha dawwalna, irid jaffaċċja l-kuntrarju u joħloq l-għedewwa anki minn niesu stess. F’din is-silta jagħmel wkoll referenza għall-misħut rispett uman. Jgħid li min iħobb lill-persuni aktar Minnu u mill-Kelma tiegħu, jew min jipprova jogħġob lill-persuni u b’konsegwenza ta’ dan ma jkunx qed jgħixu r-rieda tiegħu, ma jisħoqqlux ikun miegħu! Tassew għandna għax nieqfu nimmeditaw fuq din it-twissija ħierġa mingħand il-Mulej tagħna, li għax iħobbna, ma jridx li jkun hemm xi jfixkilna fi triqatna biex naslu għandu fis-sema pajjiżna:

“Taħsbux li jiena ġejt inġib il-paċi fuq l-art! Ġejt inġib mhux il-paċi, imma s-sejf. Iva, ġejt nifred lill-iben minn missieru, lill-bint minn ommha, u lil mara minn omm żewġha, u l-bniedem ikollu n-nies ta’ daru stess għedewwa tiegħu. Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi. U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi. Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha.” (Mattew 10: 34-39)

Minn naħa l-oħra, huwa fatt li meta aħna nogħġbu lin-nies, dan iwassalna biex nitilfu l-paċi ta’ qalbna stess, li mingħajrha ma nkunux nistgħu nibbenefikaw verament lill-oħrajn jew lilna nfusna. Naturalment huwa faċli li naqgħu f’din il-marda meta ma nkunux qed niffokaw l-attenzjoni tagħna fuq Alla u l-Kelma tiegħu u fuq li nservuh kif jixtieq minna.

Filfatt inti dejjem isservi lil xi ħadd kif stqarr Bob Dylan fil-kanzunetta tiegħu Gotta Serve Somebody, u jekk m’intix isservi lil Alla, ser tispiċċa sservi lil xi ħadd jew lil kulħadd! Meta naqgħu f’din in-nassa, ejjew nerġgħu niffokaw fuq Alla fit-talb tagħna ta’ kuljum, billi fil-kwiet noqogħdu attenti għall-Kelma tiegħu li jgħidilna, fost affarijiet oħra: “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek” (Mark 12:31) u dan ifisser li aħna ma nistgħux nieħdu ħsieb tal-proxxmu tagħna mingħajr mal-ewwel inkunu qed nieħdu ħsieb lilna nfusna.

Għalhekk, ejjew nenfasizzaw fuq is-servizz tagħna lejn Alla fil-Kelma tiegħu biex dan ikun jista’ jgħinna nħallu l-bżonn kostanti u awto-distruttiv li nservu lil kulħadd!!

Talba: O Alla, qawwa ta’ min jittama fik, int ridt li l-isqof San Ġwann Krisostmu jkun predikatur ta’ fama kbira u f’ħajtu jgħaddi minn bosta tiġrib; agħmel li nimxu ‘l quddiem fuq it-tagħlim tiegħu u bħalu nżommu sħaħ sa l-aħħar. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba fil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://orthochristian.com/43102.html

Alternative reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-john-chrysostom/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Chrysostom

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements