15 ta’ Settembru: Il-Verġni Mqaddsa Marija tad-Duluri

Verżjoni Vidjo: Il-Verġni Mqaddsa Marija tad-Duluri

“Is-Salvatur tad-dinja sieħeb miegħu lil Ommu fil-passjoni tiegħu: ejjew nadurawh.” Antifona tad-dħul mil-Liturġija tas-Sigħat

olos_by_sobii-d60lzleIL-VERĠNI MQADDSA MARIJA TAD-DULURI

Tagħrif: Il-Knisja tfakkar id-duluri tal-Madonna darbtejn matul is-sena: nhar il-Ġimgħa tal-ġimgħa tal-Passjoni (il-Ġimgħa ta’ qabel il-Ġimgħa l-Kbira), u llum 15 ta’ Settembru. L-ewwel waħda nbdiet f’Cologne, il-Ġermanja, fis-seklu ħmistax bħala tpattija tal-ereżija ta’ Ġovanni Hus. Dik tal-lum bdewha l-Patrijiet Serviti meta fl-1668 qalgħu permess mingħand il-Papa biex jiċċelebraw il-festa tas-Seba’ Duluri fit-tielet Ħadd ta’ Settembru. Meta mbagħad il-Papa Piju VII fl-1814 rritorna mill-eżilju estenda din il-festa għall-Knisja kollha bħala tifkira ta’ kemm il-Knisja (u hu personalment) batiet minn Napuljun.

Imbagħad, il-Papa San Piju X, meta għamel ir-riforma tal-Kalendarju liturġiku, iffissa d-data tal-festa fil-15 ta’ Settembru, fl-Ottava tat-Twelid tal-Verġni Marija.

Il-Madonna sofriet mhux għax kellha xi dnub. It-tnissil tagħha kien immakulat. Il-ħajja tagħha kienet bla l-iċken dnub.

Is-Seba’ Duluri nistgħu nniżżluhom hekk:

  1. Il-Profezija ta’ Xmun fit-tempju.
  2. Il-ħarba lejn l-Eġittu, triq ta’ 480 kilometri, bit-tarbija Ġesù ta’ inqas minn sena.
  3. It-telfa ta’ Ġesù.
  4. Il-laqgħa tagħha ma’ Ġesù jġorr is-salib fi triqtu lejn il-Kalvarju.
  5. Il-kruċifissjoni.
  6. Ġesù mejjet fi ħdanha.
  7. Id-difna ta’ Ġesù.

Ħsieb: Marija Omm Alla hija bniedma bħalna, u bħalna għaddiet minn bosta esperjenzi t’uġigħ, tbatija u anzjeta’. Hi, fl-imħabba tagħha t’Omm, takkumpanjana fl-uġigħ tagħna, il-mard li ngħaddu minnu aħna jew il-membri tal-familja tagħna, Il-mewt tal-għeżież tagħna, l-inkwiet li ngħaddu minnu, l-anzjeta’ li tolqotna.

L-Ewwel dulur li ġarrbet Marija kien f’Ġerusalemm. Meta Marija u Ġużeppi marru jippreżentaw lil binhom Ġesu’ fit-tempju. Dak inhar kien hemm wieħed jismu Xmun. Raġel ġust u tajjeb li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. Dan kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u minn dejjem kien jixtieq li qabel ma jmut jara l-Messija tal-Mulej. Darba fost l-oħrajn ġie mqanqal mill-Ispirtu biex imur fit-tempju. Xmun jgħid lil Marija: “Marija, Ibnek Ġesu’ se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael, se jkun sinjal li jmerruh, u int ukoll sejf jinfidlek ruħek sabiex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.”

Min jaf x’ħasset f’qalbha Marija meta semgħet il-kliem tant iebes ta’ Xmun li għarrafha bil-Passjoni u l-mewt kiefra ta’ Binha Ġesu’ tarbija. Minkejja dan, Marija ma tfixklitx għaliex l-Iva tagħha meta dehrilha l-Anġlu Gabrijiel kienet il-frott tal-fiduċja sħiħa tagħha f’Alla. Aħna wkoll fil-ħajja mhux dejjem nistgħu nifhmu kollox. Ġieli jiġru affarijiet f’ħajjitna li nħossuna ma nifhmuhomx. Mela, ejja nafdaw fl-imħabba ta’ Alla bħalma għamlet Ommna Marija f’ħajjitha.

Ommna Marija dejjem tkun lesta li tgħinna biex fid-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom f’ħajjitna ma nitilfux il-fidi tagħna, anke f’dawk il-mumenti li ma nkunux qed nifhmu.

It-Tieni dulur li ġarrbet Marija kien dak inhar li flimkien mar-raġel tagħha Ġużeppi u binhom Ġesu’, kellhom jaħarbu lejn l-Eġittu.

Min jaf x’ħasset Marija meta flimkien ma’ Ġużeppi u binhom Ġesu’ kellhom jaħarbu mal-lejl u jmorru l-Eġittu. Dan is-sagrifiċċju għamluh biex isalvaw lil binhom Ġesu’ mill-mewt. Min jaf kemm hawn ġenituri li ta’ kuljum ikollhom jgħaddu minn sagrifiċċji kbar biex jgħinnu lil uliedhom jikbru u jimmaturaw. Min jaf kemm hawn ġenituri oħrajn li għalkemm qed jagħmlu dak kollu li hu possibli biex irabbu lil uliedhom tajjeb, qed jaraw lil uliedhom jitbegħdu minn Alla. Marija u Ġużeppi għandhom ikunu xempju għal dawk il-ġenituri li għal xi raġuni jew oħra qed jaħarbu mir-responsabbiltajiet tagħhom biex jagħrfu li wliedhom għandhom bżonnhom.

Marija dejjem lesta li tgħinna biex ikollna dan il-kuraġġ, din il-fidi lejn Alla. Hija tgħinna naċċettaw deċiżżjonijiet diffiċli f’ħajjitna bla kundizzjoni.

It-Tielet dulur li ġarrbet Marija kien meta binha Ġesu’ kien intilef u wara tlett ijiem sabitu jiddisputa mad-dutturi fit-tempju. Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesu’ kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa tal-Għid. Meta kellu tnax-il sena, huma telgħu skont id-drawwa ta’ dik il-festa. Wara li għaddew dawk il-ġranet, qabdu t-triq lura, imma t-tifel Ġesu’ baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu.

X’għafsa ta’ qalb ġarrbet Marija għat-telfa ta’ binha. Tlett ijiem tfittxu bla ebda aħbar. Xejn ma qatgħalha qalbha u fil-pront tirritorna ma’ Ġużeppi Ġerusalemm, fost l-għejja u l-biża’, tfittxu b’dieqa ta’ qalb.

Min jaf kemm-il darba aħna wkoll ħsibna li tlifnieh! Ġesu’, għinna dejjem insibuk ikun xi jkun iż-żmien f’ħajjitna.

Ejjew nersqu bit-talb tagħna lejn Ommna Marija, ħalli nieħdu s-saħħa kull darba li nitbgħedu minn binha Ġesu’ minħabba d-dnubiet tagħna, u b’hekk b’kuraġġ nerġgħu nersqu lejn Ġesu’ permezz tas-Sagrament imqaddes tal-Qrar.

Ir-Raba’ dulur li ġarrbet Marija kien meta ltaqgħet ma’ binha Ġesu’ jġorr is-salib. Huma u sejrin bih qabdu wieħed jismu Xmuni minn Ċirene li kien ġej mir-raba u għabbewh is-salib biex iġorru wara Ġesu’. Kotra kbira ta’ nies kienet mixja warajh fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh.

Aħna wkoll għandna s-salib tagħna xi nġorru. Marija se tgħinna nħarsu lejn binha Redentur, speċjalment meta nkunu mgħobbijin taħt it-toqol tal-problemi u tad-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom f’ħajjitna. Hawn xi ħadd li ma jħossx meta jara dik l-Omm hekk imnikkta? Iżda aħna bid-dnubiet tagħna, inkunu kawża li nnifdu l-Qalb ta’ Marija. Nistgħu ma nħossux dispjaċir għall-ingratitudni tagħna lejha?

Mela, ejjew inħarsu lejn Ġesu’ u lejn Marija fid-dulur tagħhom u npoġġu s-sitwazzjonijiet diffiċli tagħna f’idejhom.

Il-Ħames dulur li ġarrbet Marija kien meta hija baqgħet wieqfa taħt is-salib ta’ binha Ġesu’, flimkien ma’ oħtha Marija ta’ Kleofa, Marija ta’ Magdala u l-appostlu maħbub tiegħu Ġwanni.

Ejjew bl-imaġinazzjoni tagħna nħarsu lejn il-Kalvarju fejn naraw lil Ġesu’ msallab u ‘l Omm mbikkija. Kemm hija ta’ dieqa li ‘l Omm tara ‘l binha msammar fuq is-salib. Kull daqqa tal-martell, kull kelma ta’ żeblieħ u t-tinfida bil-lanza fil-kustat ta’ Ġesu’, kollha ħassithom Marija Addolorata ġewwa qalbha. Għajnejn Marija ma tħarrkux min fuq binha Ġesu’ fuq is-salib, semgħetu jlissen l-aħħar kelmiet tiegħu qabel ma ħa l-aħħar nifs ta’ ħajtu. Hi sofriet dan kollu ma’ binha Ġesu’ għalina.

Marija, agħtina l-kuraġġ naffrontaw il-mewt ta’ kuljum: fid-dar, meta mhux dejjem ikun ward u żahar, fuq ix-xogħol, meta ma nifthemux, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, meta naffaċjaw tentazzjonijiet u jkollna mmutu għall-imħabba ta’ binha.

Kemm qegħdin nifhmu xi tfisser is-sofferenza fil-ħajja tagħna sabiex it-tama fina qatt ma tonqos? Kemm qegħdin fit-tiġrib li niltaqgħu miegħu ninxteħtu quddiem Ġesu’ u Ommu Marija biex insibu s-sabar tagħna?

Is-Sitt dulur li ġarrbet Marija kien meta Ġesu’ ġie mniżżel minn fuq is-salib u mqiegħed fi ħdanha.

Ejjew naħsbu ftit fuq id-dulur l-aktar kiefer li fena l-Qalb imqaddsa ta’ Marija meta rat lil binha Ġesu’ mejjet fi ħdanha, kollu dmija u mimli ġrieħi u pjagi. L-ebda qalb iebsa meta tara din ix-xena tant krudila, ma ddubx mill-ebusija tagħha.

Ommna Marija Addolorata dejjem tkun lesta li tfarraġna fil-għawġ u l-mumenti ta’ dgħjufija tagħna. Ejjew nirrikorru għand Marija ħalli noħorġu mid-dlam tad-dnubiet tagħna, mill-kaos li jista’ jkollna f’ħajjitna. Ejjew niftħu jdejna bħal dawk ta’ Ġesu’ msallab u nilqgħu l-imħabba tiegħu mingħajr kundizzjoni.

Is-Seba’ dulur li ġarrbet Marija kien meta rat lil binha Ġesu’ jiġi midfun. Wara l-mewt ta’ Ġesu’, Ġużeppi minn Arimatea li kien dixxiplu ta’ Ġesu’ bil-moħbi għax kien jibża’ mil-Lhud, mar u talab lil Pilatu biex jieħu l-ġisem ta’ Ġesu’. Pilatu ħallih u hu ġie u ħa l-ġisem tiegħu. Ġie wkoll Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesu’ bil-lejl, u ġab miegħu taħlita ta’ morr u sabbara tiżen xi mitt libra.

Min jaf kif Qalb Marija Santissima splodiet bin-niket. Meta rat lil binha l-Maħbub imqiegħed fil-qabar. Aktar u aktar ma felħitx meta rat il-blata mgerba tagħlaq il-qabar qaddis.

TalbaO Verġni Marija, Omm wisq maħbuba tagħna, int li toqgħod qrib is-slaleb tagħna, bħalma bqajt ħdejn is-salib ta’ Ibnek Ġesu’, qawwi l-fidi tagħna sabiex anke jekk mifluġa bid-dulur, inżommu fissa l-ħarsa tagħna fuq il-wiċċ ta’ Kristu, u fit-tbatija estrema tas-salib, naraw l-imħabba kbira u safja t’Alla għalina.

Omm tat-tama tagħna, agħtina l-għajnejn tiegħek biex ‘l hinn mit-tbatija u l-mewt naraw id-dawl tal-qawmien. Agħtina l-qalb tiegħek biex nibqgħu nħobbu u naqdu, anke fil-mumenti tal-prova.

O Marija Santissima Sidtna tas-salib, itlob għalina. Ammen.

(Talba tal-Papa Emeritus Benedittu XVI lill-Verġni Marija, meta kien żar lil dawk milquta mit-terremot qawwi ġewwa l-Italja)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://www.themostholyrosary.com/appendix1.htm

Alternative reading: https://www.franciscanmedia.org/our-lady-of-sorrows/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Our_Lady_of_Sorrows

Passion of The Christ (full movie with English Subtitles) on Gloria TV:
https://gloria.tv/video/UEyNBGckJHyK3dX4zwowJpxd1

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar it-Tifkira tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Il-ħsieb huwa meħud minn meditazzjoni bl-isem ta’ ‘Is-seba’ Duluri ta’ Ommna Marija’ mis-sit Malti tal-Madonna ‘Devozzjoni vera lejn il-Verġni Marija.’ Tista’ żżur is-sit minn hawn: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/

Advertisements