16 ta’ Settembru: San Kornelju u San Ċiprijanu

Verżjoni Vidjo: San Kornelju u San Ċiprijanu

“Imbierka l-Knisja tagħna, imsebbħa bid-demm tal-martri ta’ Kristu!” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat għat-Tifkira tal-lum

Sts. Cornelius and CyprianSAN KORNELJU
Papa u Martri: ? – 253

SAN ĊIPRIJANU
Isqof u Martri: 210 – 258

San Kornelju

Tagħrif: Minħabba l-persekuzzjoni ħarxa li l-Imperatur Deċju kien qed jagħmel kontra l-Insara, meta l-Papa Fabjanu nqatel f’Jannar tas-sena 250, l-Insara ma setgħux jagħżlu s-suċċessur tiegħu. Kien meta Deċju warrab minn Ruma biex jeħodha kontra r-rivali tiegħu, u l-persekuzzjoni ttaffiet, li San Kornelju, qassis tal-kleru ta’ Ruma kien elett Papa, f’Marzu tas-sena 251.

Fi żmien il-persekuzzjoni, numru ta’ Nsara kienu ċaħdu l-fidi biex ma jitilfux ħajjithom. Meta l-persekuzzjoni waqfet, dawn l-Insara apostati, xtaqu jerġgħu jidħlu fil-Knisja. Iżda xi wħud fil-Knisja ta’ Ruma mmexxijin minn Novazjanu, qassis li sar antipapa, dehrilhom li ma kellhomx iħalluhom. Kornelju ma qabilx, sostna li l-ħniena ta’ Alla m’għandhiex limiti, u bil-għajnuna ta’ Ċiprijanu seta’ jsaħħaħ l-awtorità tiegħu.

Fis-sena 253, Gallu, li kien sar Imperatur wara Deċju, fetaħ persekuzzjoni oħra kontra l-Insara, u l-Papa kien l-ewwel wieħed arrestat u eżiljat f’Civitavecchia fejn miet f’Ġunju tal-istess sena. L-Insara ħadu ġismu Ruma u difnuh fiċ-ċimiterju ta’ San Kallistu.

San Ċiprijanu

Tagħrif: San Ċiprijanu twieled f’Kartaġni, fl-Afrika, fis-sena 210, għand familja pagana. Sar oratur famuż, kien għani, u fuq kollox kellu karattru mżejjen b’ħafna virtujiet.

Fis-sena 246, ħaddan il-Kristjaneżmu. Sa mill-bidu tal-konverżjoni tiegħu, okkupa fil-Knisja ta’ Kartaġni post prominenti minħabba l-pożizzjoni għolja soċjali li kellu.

Sentejn wara l-magħmudija sar qassis, u sena wara (249), inħatar Isqof ta’ beltu. Mexxa l-Knisja tajjeb ħafna. Kien bniedem għaqli, għaref u maħbub mill-poplu.

Meta Deċju beda l-persekuzzjoni tiegħu kontra l-Insara fil-bidu tas-sena 250, Ċiprijanu mar jgħix fil-moħbi, iżda żamm kuntatt mad-djoċesi tiegħu bl-ittri li kien jibgħat spiss.

Wara l-mewt ta’ Deċju, Ċiprijanu reġa’ lura lejn Kartaġni. Flimkien mal-Papa Kornelju rreżista n-Novazjaniżmu, u kien jilqa’ lura fil-Knisja lil dawk li kienu ċaħduha fil-persekuzzjoni.

Iżda sfortunatament ċaħad il-validità tal-magħmudija mogħtija mix-xiżmatiċi. Sadattant il-Papa miet; is-suċċessur tiegħu San Luċju miet martri f’inqas minn sena; u San Stiefnu I li dam Papa tliet snin kien għoddu wasal biex jiskomunika lil Ċiprijanu li kien baqa’ jsostni l-opinjoni żbaljata tiegħu. Wara San Stiefnu I laħaq San Sistu II li fetaħ djalogu ma’ Ċiprijanu, iżda ma tkompliex minħabba l-persekuzzjoni ta’ Valerjanu, għax Ċiprijanu kien eżiljat f’Kurubis fejn is-suldati qatluh billi qatgħulu rasu fl-14 ta’ Settembru, 258.

Ħsieb: Jista’ xi ħadd jippretendi li qatt mhu ser jiġi kkritikat f’ħajtu? Biex ma niġux ikkritikati rridu ma nagħmlu qatt xejn. Imma hekk ukoll insibu min jgħid li ma niswew għal xejn. Mela l-aħjar hu li jekk xi ħadd jgħid xi ħaġa kontrina ngħixu b’mod li n-nies ma temminx dak l-għajdut.

San Franġisk de Sales jgħidilna:

“Ħa nduru spiss lejn is-Salib Mqaddes u ngħannquh ma’ qalbna. Ħa nistrieħu fid-dell ta’ din is-siġra qaddisa! Ħadd u xejn ma jista’ jagħmlilna l-ħsara kemm-il darba nibqgħu sodi fil-fehma li nappartjenu kollha kemm aħna lil Alla. Għalhekk tikkonfondix meta ssib ruħek fid-diffikultajiet. Idħak f’wiċċ l-għadu; inti qiegħed f’idejn l-omnipotenti. Għalhekk ħalli lil Alla jkun il-qawwa u l-imħabba tiegħek.”

U din xi nsibu fl-Iskrittura f’Bin Sirak 2 : 6-13:

“Afda fil-Mulej u jieqaf miegħek, żomm triqatek dritti u ttama fih.
Intom li tibżgħu mill-Mulej stennew ħnientu, u toħorġux mit-triq li ma tmorrux taqgħu.
Intom li tibżgħu mill-Mulej afdaw fih, u ma jonqoskomx il-ħlas tagħkom.
Intom li tibżgħu mill-Mulej, ittamaw fi ħwejjeġ tajba, fl-hena ta’ dejjem u fil-ħniena.
Ħarsu lejn il-ġenerazzjonijiet ta’ dari u araw: min qatt ittama fil-Mulej u kellu għax jistħi?
Jew min żamm fil-biża’ tiegħu, u l-Mulej ħallieh waħdu?
Jew min sejjaħlu, u l-Mulej ma tax kasu?

Għax il-Mulej tiġih ħasra u jħenn, jaħfer id-dnubiet u jsalva fi żmien l-għawġ.
Ħażin għalihom ta’ qalbhom maqtugħa u ta’ jdejhom mitluqa, u għall-midneb li jgħix ħajja doppja.
Ħażin għalikom li qtajtu qalbkom għax bla fidi; b’hekk ma jkollkomx fejn tistkennu.”

Tgħiduli imma kif jista’ wieħed ma jibżax quddiem il-martirju? Possibli li San Kornelju u San Ċiprijanu ma beżgħux? Skont Ġesù f’Luqa 12:4-6, hemm ħaġa waħda biss li għandna nibżgħu minnha:

“Dan ngħidilkom, ħbieb tiegħi, tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem u mbagħad ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn iżjed. Ħa nurikom jien minn min għandkom tibżgħu; ibżgħu minn Dak li, wara li jkun qatlek, għandu s-setgħa jixħtek ġo l-infern. Iva, ngħidilkom, minn dan ibżgħu.” 

Hawn Ġesù kien qed jirreferi għax-xitan li jekk ma niqfulux bil-fidi, ikompli jwaqqgħana fid-dnubiet mejta (dnubiet gravi) li joqtlu lir-ruħna, billi jtebbgħuna u jbegħeduna minn Alla biex imbagħad ikaxkarna miegħu fl-infern. Imma dawk li jassru lill-ġisem tagħna, fir-realtà ma jistgħu jagħmlulna l-ebda ħsara għax ir-ruħ ma jistgħux imissuha! Anzi, min jaħqarna jkun qed iżidilna l-merti u l-premju tagħna fis-Sema.

Forsi lilna mhux se jagħtuna l-martirju, imma jista’ jkun li jkollna lil min jgħaddina minn martirji żgħar ta’ kuljum billi joqgħod jinbixna jew jirridikolana għax aħna ta’ Kristu. Lil dawn in-nies xi darba għad nirringrazzjawhom għax huma l-akbar benefatturi tagħna u qed iqaddsuna u jżidulna mal-glorja li għad trid tidher fina. Dan hu kliem Kristu nnifsu:

“Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina. Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijietkom lill-profeti.” (Luqa 6: 22-23)

U San Pawl ikompli:

“Jekk Alla hu magħna min jista’ jkun kontra tagħna? Min se jakkuża l-magħżulin ta’ Alla? Alla stess hu dak li jiġġustifikahom. Min se jikkundannahom? Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla? F’dan kollu aħna aktar minn rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna. Għax jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien t’issa u la ta’ li ġej, la setgħat, la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.” (Rumani 8:31-39)

It-tiġrib li ngħaddu minnu nistgħu ukoll noffruh bħala talba għall-konverżjoni tagħhom jew ta’ oħrajn. Imbagħad Alla li jara dan kollu, iħallasna Hu kif wegħedna. Għalhekk, għal dawk li qed jimxu b’fedeltà wara Kristu, xejn mhu mitluf! Kollox hu gwadann! Kollox idur favur tagħna! Min għandu ‘l Alla fuq in-naħa tiegħu, minn min jew minn xiex għandu jibża’? 

  • U inti, kemm hi kbira u qawwija l-fidi u l-fiduċja tiegħek f’Alla li ħa l-martirju biex isalvak?

Talba: O Alla, int għażilt lil San Kornelju u San Ċiprijanu u tajthom lill-poplu tiegħek bħala rgħajja bieżla u martri qalbiena, bit-talb tagħhom, agħtina li nitqawwew fil-fidi u nibqgħu sħaħ sal-aħħar, u li naħdmu bla heda għall-għaqda tal-Knisja. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba fil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://catholicharboroffaithandmorals.com/Sts.%20Cornelius%20and%20Cyprian.html

Alternative reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-cornelius/

Wikipedia on St. Cornelius: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Cornelius

Wikipedia on St. Cyprian: https://en.wikipedia.org/wiki/Cyprian

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements