17 ta’ Settembru: San Roberto Bellarmino

Verżjoni Vidjo: San Roberto Bellarmino

“Min isib lil Alla jkun sab kollox, min jitlef lil Alla jkun tilef kollox.” San Roberto Bellarmino

fby0045aSAN ROBERTU BELLARMINO
Isqof u Duttur tal-Knisja
1542 – 1621

Tagħrif: San Robertu twieled f’Montepulciano, it-Toskana, l-Italja, fl-4 ta’ Ottubru 1542, għand familja influwenti. Ommu kienet tiġi oħt il-Papa Marċell II.

Ta’ 18-il sena, fl-1560, kontra r-rieda tal-ġenituri tiegħu li xtaquh imur jistudja fl-Università ta’ Padova, daħal Ġiżwita f’Ruma, u fl-1570, sar saċerdot. Wara l-ordinazzjoni hu laħaq l-ewwel Professur Ġiżwita fl-Università ta’ Louvain, il-Belġju.

Fl-1576, meta kellu 34 sena, sejħulu Ruma biex jokkupa l-katedra ġdida u diffiċli tal-Kontroversji fil-Kulleġġ Ruman. Fl-1588, sar il-Prefett Spiritwali tal-Kulleġġ u kellu x-xorti li jmexxi lil San Alwiġi fl-aħħar snin ta’ ħajtu u li jkun il-promotur tal-beatifikazzjoni tiegħu. Fl-1592, inħatar Rettur tal-istess Kulleġġ. Il-ktieb tal-katekiżmu li hu kiteb ġie maqlub f’sittin ilsien, u għadu jiġi wżat sal-lum f’xi pajjiżi.

Fl-1591, il-Papa Girgor XIV ħatru membru tal-kummissjoni biex tirrivedi l-edizzjoni Sisto – Clementina tal-Vulgata.

Fl-1599, il-Papa Klement VIII ħatru Kardinal, u fl-1602 ikkonsagrah Arċisqof ta’ Capua.

Wara l-mewt ta’ Klement VIII fl-1605, (Ljun XI ma damx Papa ħlief 26 jum) il-Papa Pawlu V sejjaħlu miegħu Ruma biex jieħu l-pariri tiegħu. Hekk ħa sehem sewwa fil-kwistjonijiet li nqalgħu, fosthom il-kontroversji bejn il-Knisja Kattolika u r-Reformisti Protestanti. Fl-1616, huwa intervjena fil-kwistjoni tal-ħabib tiegħu Galileo, u kkonvinċieh jipproponi t-teoriji ta’ Copernicus bħala ipotesi milli bħala fatt ippruvat.

Fis-sajf tal-1621, Robertu rtira f’San Andrea, f’Ruma fejn miet fis-17 ta’ Settembru tal-istess sena. Il-Papa Piju XI iddikjarah Qaddis u Duttur tal-Knisja. Ġismu jinsab fil-knisja ta’ San Injazju, Ruma, ħdejn il-qabar ta’ San Alwiġi, kif kien xtaq f’ħajtu.

Ħsieb: Jekk int sejjer għall-vjaġġ, żgur li żżomm id-destinazzjoni tiegħek f’moħħok u taċċerta ruħek li l-biljett tal-ajru jkollu miktub il-post tad-destinazzjoni fuqu, jew tara li l-GPS tiegħek ipprogrammat sew. Issa, jekk dan hu veru għall-vjaġġi tagħna fil-ħajja, kemm hu aktar importanti għall-vjaġġ tal-ħajja?

Minn dak li kiteb San Robertu Bellarmino, jidher ċar li l-attenzjoni tiegħu f’din il-ħajja, kienet id-destinazzjoni tiegħu mal-ħruġ tiegħu minn din il-ħajja. Kif kien qed jirifletti fuq diversi qaddisin u dutturi tal-Knisja, il-Papa Benedittu XVI kellu dan xi jgħid dwar San Robertu Bellarmino:

“Bellarmino jgħallimna b’ċarezza kbira u bl-eżempju tal-ħajja tiegħu stess li ma jista’ jkun hemm l-ebda riforma vera tal-Knisja sakemm ma jkunx hemm ir-riforma personali tagħna u l-konverżjoni ta’ qalbna stess.

Bellarmino sab fl-Eżerċizzji Spiritwali ta’ Sant Injazju, rakkomandazzjonijiet biex wieħed jikkomunika s-sbuħija profonda tal-misteri tal-fidi, anki lil nies l-aktar sempliċi. Huwa kiteb:

“Jekk int għaqli, allura tifhem li inti ġejt maħluq għall-glorja ta’ Alla u għas-salvazzjoni eterna tiegħek. Dan huwa l-għan ta’ ħajtek; dan huwa ċ-ċentru ta’ ruħek u t-teżor ta’ qalbek. Għalhekk ikkonsidra bħala tassew tajjeb għalik dak li jwassal għal din il-mira tiegħek, u verament ħażin dak li jikkawża li titlifha. Il-persuna għaqlija m’għandhiex tfittex avvenimenti hienja jew mhux hienja, ġid jew faqar, saħħa jew mard, unuri jew offiżi, ħajja jew mewt. Huma tajbin u mixtieqa biss jekk jikkontribwixxu għall-glorja ta’ Alla u għall-ferħ etern tiegħek, imma huma ħżiena u għandhom jiġu evitati jekk jostakolaw dawn.” (De ascensione mentis in Deum, grad 1).

Dawn ovvjament mhumiex kliem li m’għadux moda fi żmienna, iżda kliem li fuqu għandna nimmeditaw fit-tul illum, biex nagħtu direzzjoni tajba lill-vjaġġ tagħna fuq din l-art.”

Tassew li San Robertu Bellarmino jista’ jgħinna nikkonċentraw l-attenzjoni fuq id-destinazzjoni tagħna b’dawn il-riflessjonijiet profondi tiegħu. Din li ġejja hija talba li hu jindirizza lil Alla:

“Mhuwiex tassew veru li Int wegħedt premju aktar mixtieq minn ġid kbir u aktar ħelu mill-għasel lil dawk li jżommu l-kmandanti tiegħek? Int wegħedt premju akbar, għax kif jgħid l-appostlu tiegħek Ġakbu, ‘Il-Mulej ħejja kuruna tal-ħajja għal dawk li jħobbuh.’ X’inhi din il-kuruna tal-ħajja? Huwa ċertament premju akbar minn dak li nistgħu naħsbu fuqu jew nixxenqu għalih, għax kif jgħidilna San Pawl: ‘għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh.’ (1Korintin 2:19) Fi kliem ieħor, minkejja li jista’ jkollok stampa tajba u sabiħa tal-ġenna, ir-realtà se tkun lil hinn minn kull ħaġa li tista’ qatt timmaġina, għaliex Alla dejjem jissuperana fit-tjubija tiegħu lejna.”

Robert Bellarmino ddedika l-ħajja tiegħu għall-istudju tal-Iskrittura u d-duttrina Kattolika u kien teologu kbir għal żmienu. Il-kitbiet ta’ San Bellarmino jgħinuna nifhmu li l-persuna ħajja ta’ Ġesù kif nsibuha fil-ħajja, il-mewt u l-qawmien tiegħu, hija l-għajn tar-rivelazzjoni sħiħa. L-għejun tal-fidi tagħna mhix biss ġabra ta’ duttrina, imma hija l-istess persuna ta’ Kristu li għadha tgħix fil-Knisja llum. Meta Ġesù tela’ s-sema, lill-appostli wegħedhom li se jibqa’ magħhom, u għalhekk magħna u miegħek.

Il-Papa Benedittu XVI, jikkonkludi bil-kliem:

“Kliem Robert Bellarmino jfakkruna li l-għan tal-ħajja tagħna huwa l-Mulej Alla, li rrivelalna lilu nnifsu f’Ġesù Kristu, li fih ikompli jsejħilna u jwegħedna komunjoni miegħu. Ifakkruna dwar l-importanza li nafdaw fil-Mulej, li nikbru f’ħajja leali lejn l-Evanġelju, u li naċċettaw u ndawwlu kull ċirkustanza u kull azzjoni tal-ħajja tagħna bil-fidi u bit-talb, filwaqt li nfittxu unjoni dejjem akbar miegħu.”

Talba: O Alla, int tajt l-għerf u qawwa liema bħalhom lill-isqof San Robertu Bellarmino biex jiddefendi b’ħila kbira l-fidi tal-Knisja tiegħek; bit-talb tiegħu, agħmel li l-poplu tiegħek jgħożż din il-fidi u jżommha dejjem sħiħa. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.ignatianspirituality.com/ignatian-voices/16th-and-17th-century-ignatian-voices/st-robert-bellarmine-sj

Alternative reading: 

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Robert_Bellarmine

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.