19 ta’ Settembru: San Ġennaru

“Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel.” Ġesu’ fi Ġwanni 14:12

stjanuarius19-9aSAN ĠENNARU
Isqof u Martri
c275 – 305

Tagħrif: San Ġennaru twieled f’Napli jew f’Benevento, l-Italja, f’madwar is-sena 275. Ta’ madwar tletin sena sar Isqof ta’ Benevento, u fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu miet martri flimkien ma’ sitta oħra fosthom id-Djaknu u l-Lettur tiegħu, billi wara li kkundannawhom għall-mewt, tefugħom lill-iljuni fl-Anfiteatru ta’ Pozzoli, fis-sena 305, iżda peress li l-iljuni ma missewhomx, qatluhom bil-qtugħ tar-ras.

Fil-Katidral ta’ Napli hemm xi relikwi tiegħu fosthom il-magħruf ”Demm ta’ San Ġennaru”. Dan id-demm magħqud li hu miżmum f’kunjett issiġillat, jinħall tliet darbiet fis-sena;

  • fid-19 ta’ Settembru, nhar il-festa tiegħu;
  • fl-ewwel Ħadd ta’ Mejju, l-anniversarju ta’ meta r-relikwi tal-Qaddis inġiebu f’Napli; u
  • fis-16 ta’ Diċembru b’tifkira ta’ meta bl-interċessjoni tal-Qaddis Napli ġiet meħlusa mill-qerda li ġabet magħha l-eruzzjonijiet tal-Vessuvju fis-sena 685.

S’issa x-xjenzati għadhom ma sabu l-ebda spjegazzjoni naturali ta’ dan il-fenominu, u kull possibilta’ ta’ tqarrieq hi eskluża.

Ħsieb: Dan hu dak li San Alfons Marija De Liguori kiteb dwar il-qaddis tal-lum San Ġennaru:

“In-Neapolitani jonoraw lil dan il-qaddis bħala l-patrun prinċipali tal-belt u n-nazzjon tagħhom u l-Mulej innifsu kompla jonorah, billi jħalli ħafna mirakli jseħħu bl-interċessjoni tiegħu, b’mod partikolari meta l-eruzzjonijiet terribbli tal-Muntanja Vessuvju heddew bil-qerda totali lill-belt ta’ Napli. Filwaqt li l-fdalijiet ta’ San Ġanarju kienu qed jinġiebu f’purċissjoni lejn dan il-vulkan terribbli, it-torrenti tal-lava u n-nirien likwidi li kienu ħierġa minnu, waqfu jew biddlu d-direzzjoni tagħhom ‘il bogħod mill-belt.

Imma l-aktar miraklu tal-għaġeb u dak li l-aktar jiġi ċċelebrat bil-kbir fil-knisja, huwa l-likwifikazzjoni u t-togħlija tad-demm ta’ dan il-martri mbierek kull meta l-kunjetti jinġiebu fil-vista tar-ras tiegħu. Dan il-miraklu jiġġedded diversi drabi fis-sena, fil-preżenza ta’ dawk kollha li jixtiequ li jarawha; iżda wħud mill-eretiċi ppruvaw jitfgħu dubju dwar il-ġenwinità tiegħu, bi spjegazzjonijiet frivoli u inkoerenti; imma ħadd ma jista’ jiċħad l-effett  mirakuluż, sakemm ma jkunx lest li jiddubita l-evidenza tas-sensi tiegħu stess.”

Dan il-miraklu ta’ San Ġennaru ilu jseħħ għal aktar minn 600 sena u huwa wieħed mill-fenomeni reliġjużi l-aktar studjati xjentifikament fid-dinja. Ix-xjentisti ma setgħux jispjegaw dan il-miraklu. Kemm jekk int temmen fil-mirakli jew le, hemm ammont enormi ta’ dokumentazzjoni għall-avvenimenti apparentement mhux spjegabbli li seħħew matul is-sekli, li ħafna nies jemmnu li huma x-xogħol ta’ Alla nnifsu:

U l-lista tkompli … imma min ma jridx jemmen, xorta jista’ jibqa’ jagħżel li ma jemminx.

Hekk uriena Ġesu’ nnifsu fil-parabbola tal-għani u Lazzru. (Luqa 16: 19-31) Meta l-għani li spiċċa l-infern fi tbatijiet ħorox, talab lil Abraham biex jibgħat lil Lazzru ħalli jidher lil ħutu li kienu għadhom fid-dinja, għax skont hu jekk iqum xi ħadd mill-imwiet umbagħad jindmu. Imma araw kif iwieġbu Abraham:

“Qallu l-għani, ‘Mela nitolbok, missier Abraham, ibgħat lil-Lazzru f’dar missieri, għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma jmorrux huma wkoll jiġu f’dan il-post ta’ tbatijiet ħorox!’ Qallu Abraham, ‘Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom.’ ‘Le, missier Abraham,’ qallu dak, ‘imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu.’ Iżda wieġbu Abraham, ‘Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu.'” (Luqa 16: 27-31)

U dan tassew li hu minnu għax min għandu fidi u fiduċja vera f’Alla, jintebaħ bil-miraklu tad-dudu li jsir farfett, tal-bajda li ssir għasfur, ta’ daqxejn ta’ żerriegħa li ssir siġra m’għola hawn, u ta’ tant mirakli oħra li jsiru kuljum madwarna! Imma, minn naħa l-oħra, min iżomm qalbu magħluqa għall-Kelma t’Alla li titħabbrilna mill-Knisja llum, dan iwassal biex ma jibqax iħobb iżjed lil Alla u hekk jibda jistkerraħ wkoll lill-proxxmu.

Li wieħed jemmen, ifisser li jħalli l-Kelma ta’ Alla tqanqlu għall-konverżjoni sinċiera tal-qalb u għal bidla kontinuwa għall-aħjar matul ħajtu sa ma jilħaq il-qdusija li Alla jrid jara fina. U ħafna drabi din hi r-raġuni għalfejn in-nies jagħżlu li ma jemmnux. Issa aħna li nemmnu, irridu naraw li tassew qed inħallu l-Kelma t’Alla tibdilnha u tqaddisna. Ma jistax wieħed jgħid li jemmen f’Alla umbagħad ma jgħix dak li jrid minna Alla. Fidi bħal din hi fidi tal-livell tax-xjaten, għax ix-xitan wkoll jemmen f’Alla imma ma jgħix skont dak li Alla jrid. U min jagħlaq qalbu għad-don ta’ Alla li jitkellem permezz ta’ Kelmtu, dan iġib miegħu l-għeluq tal-qalb u l-egoiżmu fl-aqwa tiegħu. Dan rajnieh iseħħ b’mod evidenti ħafna fl-Istorja tal-umanita’.

TalbaO Alla, agħtina l-grazzja li nissieħbu mal-isqof San Ġennaru fil-hena ta’ dejjem, bħalma llum qiegħed tagħtina li niċċelebraw it-tifkira tal-martirju tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://anastpaul.wordpress.com/2017/09/19/saint-of-the-day-19-september-st-januarius/

Additional Reading: https://sourcebooks.fordham.edu/basis/januarius.asp

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Januarius

Wikipedia on visions of Jesus and Mary: https://en.wikipedia.org/wiki/Visions_of_Jesus_and_Mary

 

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements