21 ta’ Settembru: San Mattew

Verżjoni Vidjo: San Mattew

“Huwa u għaddej minn hemm, Ġesù ra wieħed bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi; kien jismu Mattew. “Ejja warajja,” qallu. Dak qam u mar warajh.” Mattew 9:10

stmatthew-icon-imageSAN MATTEW
Appostlu u Evaġelista
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: Mattew kien Lhudi. X’aktarx li kien mill-Galilija. Bla dubju kien raġel għani. Ismu jfisser ”Rigal ta’ Alla”. Huwa l-istess persuna li San Mark u San Luqa jsejħulu Levi.

Bi professjoni kien Pubblikan, jiġifieri wieħed li jiġbor it-taxxi mingħand il-Lhud u jgħaddihom lill-ħakkiema tagħhom ir-Rumani. Dan kien fi żmien Erodi Antipa. Il-Lhud ma kinux jaħmluhom lill-Repubblikani, għax barra milli kienu aġenti tal-Gvern Ruman, kellhom il-fama li kienu rgħiba u qarrieqa. Għalhekk il-Lhud ma kinux iħalluhom jidħlu fit-tempju u fis-sinagoga. L-ebda Lhudi tal-affari tiegħu ma kien ikollu kuntatti magħhom.

B’danakollu, darba waħda Ġesù rah bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi, u qallu: “Ejja warajja.” Dak qam u mar warajh. (Mattew 9:9) Hekk kienet is-sejħa ta’ San Mattew biex isir wieħed mit-tnax l-Appostli ta’ Ġesù.

Ftit wara, Mattew stieden lil Ġesù għall-ikla fid-dar tiegħu f’Kafarnaum u stieden ukoll ħafna kolletturi ħbieb tiegħu. X’ħin il-Fariżej raw dan ħaduha kontra Ġesù u qalu: “Għaliex jiekol mal-pubblikani u l-midinbin?” Ġesù sempliċiment weġibhom:

“It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda.” (Mattew 9:12)

Isem San Mattew insibuh fil-lista tal-Appostli. Flimkien mal-Appostli kien xhud tal-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù; kien magħhom ukoll meta Ġesù tela’ s-sema; u wara mar magħhom ukoll Ġerusalemm jitlob u jistenna l-miġja tal-Ispirtu s-Santu. (Atti 1:13)

San Mattew kiteb l-ewwel Vanġelu. Kitbu bl-Aramajk, l-ilsien antik tal-Palestina, u li bih kien jitkellem Ġesù. Is-simbolu tiegħu hu figura ta’ bniedem għax il-Vanġelu tiegħu jibda bil-ġenealoġija ta’ Ġesù.

It-tradizzjoni tgħid li San Mattew mar jippriedka lil Ġesù fl-Etjopja (mhux dik tal-Afrika iżda ta’ ħdejn il-baħar Kaspju) fejn miet martri.

Ħsieb: “Jekk Alla jrid jiltaqa’ magħna bħala bnedmin umani – anzi bħala tfal – anke aħna rridu nagħmlu l-almu tagħna biex nersqu lejn Alla. Meta Ġesù jsejjaħ, dan jagħmlu mhux biex ixekkel il-personalità, imma biex iġegħelha tinfetaħ fl-essenza vera tagħha, u hekk takkwista l-ideal li jagħtiha motivazzjoni.” ~ San Ġwanni Pawlu II

“Ġesù għażel lil Mattew bħala dixxiplu, li għal għajn in-nies, kien meqjus midneb u li ma kellux il-valuri meħtieġa ta’ qaddis. Madanakollu huwa kien onest u umli biżżejjed biex jammetti li hu kien midneb. Għaraf il-verità f’Ġesù u ‘qabad u qam u mar wara Ġesù’ (Mattew 9:9). Ġesù għażel lil Mattew bħala wieħed mill-pedamenti tal-Knisja tiegħu.” ~ Bro. Louis Camilleri

U dawn meditazzjonijiet ta’ San Ġwann Battista De La Salle:

“L-iktar karatteristika ammirabbli fil-ħajja ta’ San Mattew hija li fedelment segwa lil Ġesù Kristu hekk kif kien imsejjaħ. Biex juri l-ferħ u l-gratitudni li kellu lejn Ġesù Kristu minħabba l-konverżjoni tiegħu, huwa stiednu għal ikla kbira fid-dar tiegħu fejn kien hemm diversi pubblikani u midinbin. Dawn, jgħidilna San Ġilormu, ikkonvertew minn Sidna.

Il-konverżjoni ta’ San Mattew hija pjuttost straordinarja u turi l-qawwa tal-grazzja u l-effett li tipproduċi f’ruħna. Huwa veru li l-kelma ta’ Ġesù Kristu hija effikaċi fis-sejħa tal-ewwel Appostli tiegħu, iżda mhuwiex sorprendenti li l-biċċa l-kbira tagħhom segwew lil Ġesu’ għax kienu sajjieda foqra, filwaqt li San Mattew kellu propjetà u kien jgħix b’mod komdu.

  • U inti kemm kont tkun pront biex issegwi lil Ġesù Kristu kif għamel San Mattew: fuq il-post, mal-ewwel kelma, bla ma tħalli żmien biex tissetilja l-affarijiet tiegħek, u mingħajr ma titlob biex il-Mulej jistennik ħalli tagħmel dan? Kemm-il darba sejjaħlek Ġesù Kristu?” (Med. 167, l-1 punt)

“Wara l-konverżjoni tiegħu, San Mattew baqa’ imwaħħal sewwa ma’ Ġesù Kristu sa tmiem ħajtu, kif jgħidilna San Ġilormu. Huwa għalhekk li kien magħżul biex ikun wieħed mill-Appostli ta’ Kristu, biex jippriedka l-Evanġelju tiegħu flimkien miegħu u warajh, u biex ikun l-ewwel li jikteb l-Evanġelju, bl-istess lingwa li biha Ġesu’ Kristu kien ippriedkaha.

Huwa inkonċepibbli kemm Ġesù Kristu jħobb lil dawk li jċedu kollox għalih u kemm hu jagħtihom grazzji kemm għalihom infushom u kemm għall-oħrajn. Minħabba li l-qlub tagħhom huma vojta mill-affarijiet ta’ din id-dinja, Alla jimlihom bl-Ispirtu tiegħu, kif għamel lill-qalb ta’ San Mattew. Għax aktar ma nħallu affarijiet esterjuri warajna, aktar nirċievu mingħand Alla b’mod interjuri.” (Med. 167, it-2 parti)

“Aħżnu ġid fis-sema, fejn u la susa u la sadid ma jħassar, u fejn il-ħallelin u la jiftħu u la jisirqu.” (Mattew 6:19) Eżempju l-iktar ċar ta’ min ħaddan dan it-tagħlim ta’ Ġesù kien San Mattew li nfatam mill-ġid kollu li kellu, ħalla kollox, mar ingħaqad ma’ Ġesù, għex il-ħajja sempliċi u fqira tiegħu, baqa’ sakemm ta’ ħajtu għalih, u llum jinsab miegħu fis-sema.

  • U int? Qed twieġeb għas-sejħat li Ġesu’ qed jagħmillek f’ħajtek fil-preżent?
  • Forsi qed isejjaħlek biex tirbaħ fuq xi dnub jew fuq xi vizzju u għadek qed tittratieni?
  • Forsi jridek twettaq dak li ilek tipposponi?
  • Jew qed isejjaħlek biex twarrab fil-ġenb dak li qed jurik u tagħmel għażliet differenti li jogħġob lilu?
  • Forsi sejħa biex titlob aktar u/jew biex tiffrekwenta s-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin aktar spiss?

Żgur li l-Mulej bħalissa qed ipoġġielek f’qalbek dak li hu jixtieq minnek. J’Alla twieġbu fil-pront kif għamel San Mattew ħalli ma titlifx il-grazzji li lesta għalik.

TalbaO Alla, bi ħniena li ma bħalha għoġbok tagħżel lil San Mattew, u minn pubblikan għamiltu Appostlu tiegħek; għinna bl-eżempju u t-talb tiegħu, biex aħna wkoll jistħoqqilna nimxu warajk u ningħaqdu miegħek b’rabta sħiħa. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2015/09/st-matthew.html

Alternative reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-matthew/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Matthew_the_Apostle

Film based on Saint Matthew’s Gospel:

Il-Qari tal-Evanġelju ta’ San Mattew bil-Malti:

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Il-ħsieb huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements