22 ta’ Settembru: San Injazju minn Santhia

Verżjoni Vidjo: San Injazju minn Santhia

“Ġesù nefaħ fuqhom u qalilhom: ‘Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.’ Ġwanni 20:22-23

img-Saint-Ignatius-of-Santhia1SAN INJAZJU BALOCCO TA’ SANTHIA
Presbiteru
1679 – 1770

Tagħrif: Injazju Balocco tilef lil missieru meta kellu biss 7 snin u ħa ħsiebu qassis qaddis. Meta kiber huwa sar qassis u ngħaqad mal-Kapuċċini ta’ 30 sena.

Huwa għamilha ta’ sagristan, ta’ majjistru tan-novizzi, ta’ kappillan militari, kien imfittex ħafna bħala konfessur u kien mitlub jagħti ħafna konferenzi spiritwali.

Darba missjunarju fil-Kongo kiteb lil Patri Injazju biex jitlob għalih għaliex kellu xi mard f’għajnejh li kien se jġiegħlu jħalli l-Kongo. Il-qaddis talab li l-mard tal-missjunarju jieħdu hu, għaliex hu kien ta’ ftit siwi. Għajnejn il-missjunarju fiequ, iżda Patri Injazju ma baqax fil-kariga tiegħu għax għajnejh tant tgħarrqu li ma setax jaqra aktar, għalkemm aktar ‘il quddiem huwa fieq bl-għajnuna tat-tobba f’Turin.

Injazju rnexxielu jirbaħ ir-rispett tal-ħbieb u l-għedewwa tiegħu bil-kura sagramentali u spiritwali li tahom kif ukoll bil-kura medika li hu amministralhom. Kif intemmet il-gwerra, irritorna għall-ħajja regolari ta’ Capuchin Hill.

Imbagħad ingħata l-kompitu ta’ konfessur u għalliem reliġjuż lil lajċi rġiel, u kien f’dan ix-xogħol li seta’ jkompli juri l-imħabba tiegħu għal ħutu. Dan kien evidenti minħabba li ma kienx jaħsibha darbtejn biex jagħti daqqa t’id meta kien jara l-ħtieġa.

Meta xjaħ, kien jiddedika ħin biex iżur il-morda u l-foqra tal-belt ta’ Turin. Eluf kienu jmorru bi ħġarhom lejn Capuchin Hill ta’ kuljum biex jirċievu l-barka min għandu jew biex jisimgħu kelma ta’ faraġ. Saħħtu bdiet tħallih u beda jipprepara għall-mewt.

Il-patri xwejjaħ tant maħbub miet mewta qaddisa u straħ fis-sliem fit-22 ta’ Settembru, 1770 fl-età ta’ 91 sena. Kien ilu mal-Kapuċċini għal 54 sena. Miet b’fama tal-mirakli, f’jum li hu stess kien ħabbar minn qabel. Ġie ddikjarat beatu mill-Papa Pawlu VI fis-17 ta’ April, 1966 u qaddis mill-Papa San Ġwanni Pawlu II fid-19 ta’ Mejju, 2002.

Ħsieb: Dan huwa id-diskors li qal il-Papa San Ġwanni Pawlu II fl-okkażjoni tal-kanonizzazzjoni ta’ Injazju ta’ Santhia:

“Is-saċerdot Kappuċċin Injazju ta’ Santhia għex b’mod uniku l-missjoni li jaħfer id-dnubiet u li jkun ta’ gwida għal bosta rġiel u nisa fit-triq tal-perfezzjoni evanġelika. Għall-imħabba ta’ Kristu u biex javvanza aktar malajr fil-perfezzjoni evanġelika, huwa mexa fuq il-passi tal-Fqir ta’ Assisi.

Fil-Piemonte ta’ żmienu, Injazju ta’ Santhiá kien missier, konfessur, konsulent u għalliem ta’ ħafna – saċerdoti, reliġjużi u lajċi – li fittxew il-gwida għaqlija u mdawla tiegħu. Anke llum huwa jkompli jfakkar lil kulħadd dwar il-valuri tal-faqar, tas-sempliċità u ta’ ħajja Kristjana awtentika.”

Imma x’għandi nagħmel biex inkun qed ngħix ħajja Kristjana awtentika? Dawn huma xi suġġerimenti:

AMMETTI
Ammetti li mingħajr Kristu ma tista’ tagħmel xejn (Ġwanni 15: 5). “Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn.” – int, li qed taqra – “ma tista’ tagħmel xejn.” Allura ammettiha. Għidha. Emminha. Inti m’għandek ħila tagħmel xejn sinifikanti, jew ta’ valur etern, jew ta’ kwalunkwe valur spiritwali mingħajr Kristu.

ITLOB
Jekk taċċetta li ma tista’ tagħmel xejn, għid: ‘O Alla, għinni.’ “Itolbu u taqilgħu,” qal Ġesù (Ġwanni 16:24). “M’għandekx, għax ma titlobx” (Ġakbu 4:02). “Sejjaħli f’jum id-dwejjaq” (Salm 50:15). Allura staqsi lill-Mulej għal-libertà minn dak li hu tiegħek. ‘Agħtini l-libertà. Agħtini l-ħsibijiet tiegħek. Agħtini emozzjonijiet awtentiċi. Ipproteġini milli niżbalja jew inħawwad lil ħaddieħor. Nitolbok biex dak kollu li nagħmel ikun imqanqal mill-ħidma tal-Ispirtu tiegħek ġewwa fija.’

AFDA
Afda lil Alla li wiegħed li jagħmel xi ħaġa dwar is-sitwazzjonijiet tal-ħajja tiegħek. Afda li kull sitwazzjoni, ladarba tajtha lilu, se jieħu kontroll tagħha hu. Int, minn naħa tiegħek, agħmel il-parti tiegħek – ‘għin ruħek biex Alla jgħinek.’ Imma wara li tkun għamilt li stajt fiċ-ċirkustanzi u bil-limiti tiegħek, afda r-riżultati bħala r-rieda ta’ Alla għalik. Afda li hu jaf x’għandu jagħżillek u ftakar li int ma tistax tleħħaq ma’ għerfu u ma’ mħabbtu lejk.

Għalhekk Alla qed jgħidlek: “La tibżax, għax miegħek jien! La titħassibx, għax Alla tiegħek jien! Jiena nwettqek, jiena ngħinek” (Isaija 41:10). “Jien għandi l-ħila nfawrek b’kull xorta ta’ barka, hekk li dejjem u f’kollox ikollok kull ma hu biżżejjed għalik, u jibqgħalek ukoll għal kull opra tajba.” (2 Korintin 9: 8). “Jiena Alla tiegħek li nimliek b’kull ġid fil-ħtieġa tiegħek” (Filippin 4:19). Għalhekk inti għandek temmen f’dawn il-wegħdiet li Alla għamel miegħek u tafdah li se jwettaqhom bl-aħjar mod.

AĠIXXI
Aġixxi b’ubbidjenza għall-Kelma t’Alla, filwaqt li tistenna li Alla jaġixxi fik u permezz tal-aġir tiegħek, biex ikunu preċiżi, l-aġir tiegħu. Aħna naħdmu u hu jaħdem fl-istess ħin. “Aħdmu s-salvazzjoni tagħkom” (Filippin 2:12). Allura aħna nagħmlu l-azzjoni. Aħna l-atturi u Alla huwa li jwettaq il-miraklu tal-grazzja tiegħu fina u fl-oħrajn.

IRRINGRAZZJA
Imbagħad finalment, meta tkun għamilt dan kollu t’hawn fuq, irringrazzja lil Alla għal kwalunkwe ħaġa tajba. “Irringrazzja lilu u agħtih glorja.” “Għidlu grazzi dejjem.” (Efesin 5:20).

Imma ċ-ċavetta, il-fulkru, f’din is-sekwenza, naħseb li huwa l-punt tal-fiduċja. Fiduċja fl-għajnuna mwiegħda minn Alla. U dan ifisser li wieħed jgħix bil-fidi fil-grazzji futuri li Alla wiegħed li jagħtina. Ifisser nintelqu fi ħdanu bħalma jintelqu t-tfal żgħar. Dan huwa l-AIAAI (Ammetti – Itlob – Afda – Aġixxi – Irringrazzja), u dan huwa dak li naħseb li tfisser li tgħix bl-Ispirtu u timxi bil-fidi fl-Ispirtu u taħdem is-salvazzjoni tiegħek. Huwa b’dan il-mod li tkun qed tgħix verament ħajja Kristjana awtentika kif għex il-qaddis Injazju ta’ Santhia.

Talba: O Alla li tista’ kollox u etern, li ridt li n-natura tagħna l-bnedmin tiġi mġedda bl-ubbidjenza li tikkompensa dak li tlifna bil-kburija: agħtina li għat-talb u l-eżempju ta’ dan is-saċerdot qaddis Injazju, aħna nkunu dejjem lesti li nogħoqdu għar-rieda tiegħek, ladarba inti tgħallimna li din hija l-bidu tas-salvazzjoni tagħna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.roman-catholic-saints.com/saint-ignatius-of-santhia.html

Alternative reading: https://www.olacapuchins.org/apps/pages/index.jsp?uREC_ID=301723&type=d&pREC_ID=696961

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Ignatius_of_Santhia

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/2002/documents/ns_lit_doc_20020519_ignazio_en.html

It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.