24 ta’ Settembru: Beata Marija Columba Gabriella Sagheddu

Verżjoni Vidjo: Beata Marija Columba Gabriella Sagheddu

Ir-rieda ta’ Alla, hi x’inhi: din hija l-ferħ tiegħi, il-kuntentizza tiegħi u l-paċi tiegħi.” Beata Marija Columba Gabriella Sagheddu

300px-Maria_Gabriella_Sagheddu_01IL-BEATA MARIJA GABRIELLA SAGHEDDU
1914 – 1939

Tagħrif: Marija Sagheddu – l-isem Gabriella żdied wara li daħlet reliġjuża – twieldet f’Sardinja, fis-17 ta’ Marzu 1914, il-ħames minn tmien ulied li sfaw orfni minn missierhom f’età żgħira. Kellha tfulija sempliċi ħafna. Meta ommha ħajritha tidħol fl-Azzjoni Kattolika, Marija għall-ewwel ma riditx għax dehrilha li kienet għadha mhix ippreparata tagħmel id-dmirijiet tagħha sewwa, iżda mbagħad daħlet b’ruħha u ġisimha.

F’Marija kienu jidhru l-karatteristiċi ta’ fedeltà, sens kbir ta’ dover, qawwa ta’ karattru u safa intransiġenti – kif ukoll dawk ftit u xejn negattivi: ras iebsa u xi ftit vjolenti. Ma kinetx tfajla li minn ċkunitha wriet sinjali ta’ qdusija. Wara l-mewt t’oħtha ż-żgħira, Marija ta’ 18-il sena, ltaqgħet mal-Mulej f’ċirkustanzi li ma tantx nafu fuqhom – nafu biss li ta’ din l-età ħajjitha nbidlet għal kollox, u tat lilha nfisha għal ħajja ta’ talb u għall-prattika sħiħa tar-reliġjon, kif ukoll iddedikat ruħha għall-ħidma ta’ karità. Bdiet tgħallem il-katekiżmu lit-tfal u tassisti lill-anzjani tal-villaġġ tagħha.

Ta’ 21 sena, bl-għajnuna tal-kappillan, iddeċidiet li tikkonsagra lilha nfisha kollha kemm hi ’l Alla u tingħaqad mas-sorijiet Trappisti fil-monasteru ta’ Grottaferrata, qrib Ruma. Fi tmiem Settembru 1935 sellmet għall-aħħar darba lil pajjiżha u lil niesha. Fit-13 ta’ April 1936 ħadet il-libsa reliġjuża u fil-31 t’Ottubru tal-istess sena pprofessat bl-isem ta’ Marija Gabriella.

Żewġ elementi li nsibu jaħkmu l-ħajja ġdida ta’ Gabriella fil-ħajja monastika: l-ewwel kien li tħossha li għandha trodd ħajr lil Alla għall-ħniena li wera magħha li sejħilha biex tkun kollha kemm hi tiegħu. Kienet tħobb ixxebbah lilha nnfisha mal-Iben il-Ħali li reġa’ lura f’dar missieru. It-tieni element kien ix-xewqa li twieġeb għal din il-grazzja li taha Alla bil-ħeġġa kollha tagħha biex, dak li beda Alla magħha, jiġi mitmum sal-aħħar.

F’jum il-professjoni, li ħabat nhar il-festa ta’ Kristu Re, għamlet “l-offerta żgħira” tagħha: “Mulej, agħmel minni dik li trid.” U kien propju l-Mulej li aktar ’il quddiem wassalha biex toffri ħajjitha għall-Għaqda bejn il-Knejjes. Ta’ 24 sena ħassitha mqanqla mill-kliem tal-ittra ta’ Father Paul Couturier, l-Appostlu tal-Ekumeniżmu, fl-ittra li kiteb lil Madre Badessa u talbet biex toffri ħajjitha biex isseħħ l-Għaqda bejn il-Knejjes Insara. Il-Badessa la wieġbet iva lanqas le, iżda talbitha biex taħsibha sew u wara titkellem mal-kappillan. Dan qabel mat-talba. Saret l-offerta u ġiet aċċettata.

Ftit jiem wara, f’Marija Gabriella bdew jidhru l-ewwel sintomi tal-marda avvanzata tat-tuberkolożi li kellha twassalha sal-qabar wara 15-il xahar ta’ tbatijiet. L-agunija tagħha ntemmet fit-23 ta’ April 1939. Kien it-Tieni Ħadd fuq l-Għid, il-Ħadd tar-Ragħaj Divin. Nhar it-Tlieta 25 ta’ Jannar 1983, fl-okkażjoni ta’ għeluq l-Ottava ta’ Talb għall-Għaqda tal-Knejjes, il-Papa San Ġwanni Pawlu II, fil-Bażilika ta’ San Pawl Barra s-Swar, iddikjaraha Beata. Il-Papa sejjaħ lil din il-Beata ġdida: “Gabriella tal-Unità”.

Ħsieb: “Fis-sempliċità tal-qalb jiena noffrilek kollox bil-ferħ o Mulej. Il-Mulej li poġġieni f’din it-triq, jiftakar iqawwini fil-battalja. Għall-ħniena tiegħu jiena nafdalu l-fraġilità tiegħi. Rajt quddiemi salib kbir … intbaħt li s-sagrifiċċju tiegħi ma kien xejn meta mqabbel ma’ Tiegħu. Jien offrejt lili nnifsi kollni kemm jien u m’hiniex ser nerġa’ lura mill-kelma li tajt. Ir-rieda t’Alla, tkun xi tkun, din hija l-ferħ tiegħi, il-kuntentizza tiegħi, il-paċi tiegħi. Qatt mhu se nkun nista’ nirringrazzjah biżżejjed. Ma nistax ngħid ħlief dan il-kliem: “Alla Tiegħi, il-Glorja Tiegħek!” ~ Beata Marija Gabriella

Il-Ġimgħa ta’ Talb għall‑Għaqda fost l‑Insara hija osservata minn Jannar 18 sa 25 ta’ Jannar. Matul din il‑ġimgħa, il‑Knejjes Insara differenti jingħaqdu għal talb ekumeniku, anki hawn Malta.

Għalkemm Marija Gabriella ma kinitx magħrufa tul ħajjitha, Alla għażel li jonora lil din il-ruħ umli wara mewtha. Wara li bosta sorijiet, li għexu magħha fil-kunvent, irrappurtaw messaġġi li rċevew fil-ħolm minn Suor Marija Gabriella u raw sinjali oħra minn naħa tas-Sema, il-badessa ħadet l-inizjattiva li tippubblika l-bijografija tagħha. Fi ftit snin, viżitaturi ta’ denominazzjonijiet varji kienu diġa qed jagħmlu pellegrinaġġi għall-qabar tagħha. Meta l-qabar ta’ Marija nfetaħ fl-1957, il-ġisem u l-ilbies nstabu tagħha nstabu inkorrotti – stat naturali mhux spjegabli għal xi ħadd li miet bit-tuberkolożi.

Hija pjuttost sorprendenti li xi ħadd li ma għamel xejn ħlief talab sar Patrun tal-Knisja għall-Ekumeniżmu. Imma dak li hu l-aktar sorprendenti huwa li f’Sardinja fejn trabbiet, hija qatt ma ltaqat ma’ Nisrani mhux Kattoliku. Hi taf biss li xi Kristjani kienu separati mill-Knisja Kattolika, u li dan inikket il-Qalb ta’ Ġesù.

Aħna jinteressana minn dak li jnikket il-Qalb ta’ Ġesù? In-niket tiegħu nistgħu ngħidu li hu n-niket tagħna wkoll? Qed nagħmlu jew nixtiequ nagħmlu xi ħaġa dwaru? Nistgħu infarġu lil Ġesù b’xi mod? Qed jiġuk f’moħħok xi modi ta’ kif tista’ tfarġu? Iva, nistgħu infarġuh u nistgħu ukoll, bil-ħajja tagħna, hi ta’ liema stat hi, nagħmlu xi ħaġa. Immorru jew le għas-servizz ta’ talb organizzat matul il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara, il-ħajja ta’ Marija Gabriella tfakkarna li għandna nitolbu kontinwament għall-għaqda mil-ġdid fost l-insara kollha. U minbarra t-talb, forsi l-Mulej qed isejħilna biex bħal Marija noffru wkoll is-sofferenzi personali tagħna, huma ta’ liema għamla huma, kemm jekk huma fiżiċi, mentali, emozzjonali, spiritwali, eċċ… – kollox jgħodd – jekk noffruh b’imħabba bħala talba lil Alla li hu mnikket.

Talba: Beata Marija Gabriella, inti mmaturajt u kbirt fil-fidi Kattolika; itlob għaż-żgħażagħ insara kollha, ħalli jżommu l-fidi li jkunu rċevew fit-tfulija tagħhom u jservu lill-Mulej meta adulti.

Għalkemm int sofrejt ħafna mit-tuberkolożi li ħaditlek ħajtek fl-eta’ ta’ 25 sena, bqajt paċenzjuża imqawwija mill-grazzja ta’ Alla; itlob għall-morda u l-moribondi kollha, ħalli jagħrfu li jistgħu joffru t-tbatija tagħhom lil Alla għas-salvazzjoni tal-erwieħ.

Li n-nies kollha jistgħu jkunu ħaġa waħda fi Kristu kienet għal qalbek ħafna, tant li tajt ħajtek għaliha; itlob li nkunu nistgħu naraw l-għaqda tal-knejjes kollha taħt Ragħaj wieħed. Ammen.

English Version: https://catholicsaints.info/blessed-maria-gabriella-sagheddu/

Alternative reading: http://communio.stblogs.org/index.php/2016/04/blessed-maria-gabriella-sagheddu/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Gabriella_Sagheddu

Nota: It-Tagħrif dwar il-beata tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements