25 ta’ Settembru: San Finbar

Verżjoni Vidjo: San Finbar

“Insejħulu Fionn-Bahr, jiġifieri ‘Ras Bajda’, li hu offra b’sagrifiċċju lil Alla,” l-isem li l-patrijiet ta’ Kilmacahil f’Kilkenny taw lil San Finbar li qabel kien jismu Lochan

224SAN FINBAR
Isqof ta’ Cork
570 – 623

Tagħrif: Twieled madwar is-sena 570 u kien jismu Lochan, u twieled f’Connaught, l-Irlanda, fis-seklu VI. Ommu kienet nobbli fil-qorti Irlandiża u missieru bniedem tas-sengħa.

Tgħallem għand il-patrijiet ta’ Kilmacahil f’Kilkenny, li semmewh Fionn-Bahr, jiġifieri “Ras Bajda”, u beda jissejjaħ Finbar.

Mar pellegrinaġġ Ruma u għadda minn Wales, fejn żar lil San David ta’ Menevia. Waqqaf skola monastika fuq il-gżira ta’ Lough Eiroe, fejn għex għal xi żmien bħala eremit.

Waqqaf imbagħad monasteru li madwaru żviluppat il-belt ta’ Cork, li tagħha kien l-ewwel isqof. Dan il-monasteru kien popolari ħafna fl-Irlanda t’Isfel u ssieħbu fih ħafna dixxipli.

Ipprietka l-Vanġelu fl-Iskozja u fl-Irlanda, u miet madwar is-sena 623 fil-belt ta’ Cloyne, imma ġie midfun f’Cork. Wara mewtu saru ħafna mirakli li kienu attribwiti għal dan il-qaddis.

Hu l-patrun prinċipali tal-belt u d-djoċesi ta’ Cork. Kemm il-Kattidral Protestant tant sabiħ (li qabel kien Kattoliku) kif ukoll il-Kattidral Kattoliku, anki dan kbir u sabiħ, fil-belt ta’ Cork, huma ddedikati lil San Finbar. Huwa patrun tal-imigranti.

Ħsieb: Fil-Punent ta’ Cork u fin-Nofsinhar ta’ Kerry, il-prattika tal-mixi bħala pellegrinaġġ lejn l-eremitaġġ ta’ San Finbar f’Gougane ilha stabbilita għal ħafna sekli. F’dan il-pellegrinaġġ, wieħed jista’ jammira l-ħolqien b’veduti spettakolari fuq Bantry Bay u meded tal-kosta tal-West Cork. Iżda huwa l-aspett spiritwali li jattira ħafna nies; il-mistoqsijiet li wieħed jiġuh f’moħħu hu u jagħmel dan il-vjaġġ bil-mixi:

  • X’immotiva lil Finbar biex iġib l-aħbar tajba ta’ Kristu f’dawn il-postijiet?
  • Liema messaġġ waslilhom li bih għamel fuqhom dak l-impatt li bidilhom mill-qiegħ?
  • Għaliex il-bnedmin ta’ dak iż-żmien bikri għażlu propju dawn l-imkejjen siekta qalb in-natura biex fihom ħolqu monument li fih ikkomunikaw ma’ Alla bit-talb?
  • U għaliex f’dan il-lok hemm sens ta’ paċi u serħan mhux tas-soltu?

Nistgħu nitolbu minn kullimkien. Fejn hu l-post favurit tiegħek biex titlob? Nafu li Alla jismana’ minn kull fejn nitolbu, iżda kulħadd għandu l-post jew postijiet speċjali fejn l-aktar li jħobb iqatta’ ħin mal-Mulej.

Qalb in-natura
In-natura hija element importanti ta’ bosta postijiet speċjali għat-talb. Hawn min għandu l-ġnien personali tiegħu fejn fih jagħmel ħin ta’ meditazzjoni u fejn fih ikunu jista’ jkun ftit kwiet waħdu. Is-sbuħija tal-fjuri, tas-siġar, tal-għasafar, eċċ… tagħtihom sens ta’ kalma. San Franġisk ta’ Assisi hu l-qaddis tipiku li ħafna artisti jippreżentawh jinnamra ma’ Alla qalb in-natura.

Ħdejn il-baħar jew qrib xi post bl-ilma jgelgel huwa lok ieħor magħżul minn diversi nies. Hawn min iħobb jippassiġġa fuq ir-ramel waqt li jiftaħ qalbu mal-Ħallieq.

Hawn min imur fuq xi għoljiet jew f’xi wied sabiħ. Kienu diversi r-reliġjużi li għażlu li jibnu l-monasteri tagħhom propju f’dawn il-postijiet li ħafna drabi kienu ‘l bogħod mill-abitat, u għalhekk mill-istorbju tal-ibliet. San Benedittu nistgħu ngħidu li kien l-ewwel fost il-monaċi li ħajruh postijiet bħal dawn.

Dan l-aħħar saret moda li kulħadd imur jippassiġġa (li hija xi ħaġa tajba għal saħħitna) bil-headphones f’widnejh. Ħafna nsara prattikanti joħolqu l-playlist favorita tagħhom għax jgħidu li huma u jisimgħuha, flimkien ma’ xi veduti li jaraw huma u miexja, tgħinhom jerfgħu l-ħsieb tagħhom lejn Alla u jiddjalogaw miegħu. Hawn min jgħid ir-rużarju b’dan il-mod ukoll.

Waqt is-sewqan
Talb waqt li wieħed ikun qed isuq huwa post popolari ieħor, b’mod speċjali għal dawk li jivvjaġġaw waħedhom, fit-tul jew li spiss jeħlu fit-traffiku! Iva, hawn min jagħmel mill-karozza “il-kamra tat-talb tiegħu.”

Kull meta jaraw xi xenarju sabiħ li jkunu għaddejja minn ħdejh, jieqfu jirringrazzjaw lil Alla. L-istess bħal fil-każ tal-mixi, xi mużika favorita fl-isfont, xi kant ta’ tifħir, talb jew riflessjonijiet. Għal min isegwi Radju Marija, għandu minjiera ta’ tagħlim nisrani wkoll.

Fil-knejjes u fil-kappelli
Oħrajn jimxu jew isuqu lejn xi knisja, li huwa l-post ta’ Alla per eċċellenza għaliex fit-tabernakli jew espost fil-ħafna kappelli tal-adorazzjoni, insibu l-preżenza ħajja tal-persuna ta’ Ġesù bil-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità tiegħu. Hu jinżel mis-sema fuq l-altari tagħna biex jiġi jiltaqa’ magħna, l-ewwel u qabel kollox fit-Tqarbin Imqaddes imma mhux biss.

Hu jibqa’ hemm jistenna li nagħmlulu xi viżta, bħal donnu ħabsi li jixxennaq għal ftit kumpanija ta’ xi ħadd li jixtieq iħobbu. Hu minn naħa tiegħu, qatt ma jħallina nitilqgħu minn ħdejh b’idejna vojta imma dejjem lest li jibdilna biex noħorġu minn ħdejh imsaħħin, imfarġin, imfejqin, imdawlin u aktar ippreparati biex inkomplu naffaċċjaw l-isfidi li din il-ħajja toffrilna kuljum. Il-qaddisin kollha kienu jgħaddu bosta mill-ħin tagħhom quddiem Ġesù Ewkaristija.

Fid-dar
Ħafna jgħidu li l-post fejn l-aktar iħossuhom komdi huwa fi djarhom stess. Min fis-salott, min fil-kamra tas-sodda, min f’xi kamra partikolari oħra u min f’xi gallarija jew fuq il-bejt. Hawn min għandu wkoll xi pultruna, jew siġġu jew inġinokjatur jew imħadded apposta li jużhom waqt it-talb.

Dan l-aħħar daħlet l-użanza sabiħa li jinħoloq post jew aħjar kamra apposta, imżejna b’mod li jgħinek tidħol f’atmosfera ta’ talb. Fiha hawn min iżejjen xi figuri ta’ Ġesù, Marija, anġli jew qaddisin, jifrex xi tapit komdu fejn fuqu wieħed ikun jista’ jintasab u forsi jaqra l-Bibbja jew xi kotba oħra spiritwali. F’din il-prayer room, il-familja tista’ tiltaqa’ f’xi ħin tal-ġurnata biex titlob flimkien, eżempju r-rużarju. Forsi tgħiduli li ma tantx għad fadal djar bi spazju biżżejjed biex wieħed jiddedika kamra sħiħa għal dan il-għan. Tassew imma min irid, kulħadd jista’ jsib xi rokna fuq xi biċċa għamara u jagħmel minnha speċi ta’ altar żgħir li jgħinek tgħolli l-ħsibijiet tiegħek lejn is-Sema.

Fis-sodda
Wara jum twil, ħafna jħobbu jagħlqu l-ġurnata bit-talb fil-post favorit tagħhom … is-sodda. Hawn min ma jidħolx fis-sodda qabel ma jkun niżel għarkupptejh ħdejha biex jitlob tal-aħħar. Minn naħa l-oħra hawn min jemmen meta jkun komdu, aktar ikun jista’ jikkonċentra fit-talb. U din hi vera l-aktar għal min għandu xi limitazzjonijiet ta’ saħħa u ma jistax jgħaddi wisq ħin ‘il barra mis-sodda.

Hu x’inhu l-post speċjali tiegħek, Alla huwa dejjem lest biex jisimgħek kull fejn inti tieqaf biex tikkomunika miegħu. F’Salm 145: 18 insibu: “Il-Mulej huwa viċin ta’ kull min jitolbu, jisma’ lil kull min jitolbu b’sinċerità.

Talba: O Alla, int għamilt lil San Finbar eżempju eċċellenti tal-imħabba Divina u tal-fidi li tikseb lid-dinja, u żiedtu mal-lista tar-Rgħajja qaddisin. Agħtina li bit-talb tiegħu għalina, aħna nipperseveraw fil-fidi u fl-imħabba bħalma għamel hu, hekk li naslu biex naqsmu miegħu wkoll fil-glorja. Bi Kristu Sidna.  Ammen.

English Version: http://orthochristian.com/97682.html

Alternative reading: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=224

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Finbarr_of_Cork

Nota: It-Tagħrif dwar il-beata tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements