28 ta’ Settembru: San Vinċeslaw

Verżjoni Vidjo: San Vinċeslaw

“Ħi, il-Mulej jaħfirlek.” L-aħħar kelmiet li San Vinċeslaw qal lil ħuh Boleslaw, li ma’ grupp ta’ nies, qabeż fuqu u qatlu fil-bieb tal-knisja biex joħodlu t-tron.

2f57d3384686edc515d7ca8f9352fa93SAN VINĊESLAW
Re tal-Boemja u Martri
907 – 929

Tagħrif: San Vinċeslaw twieled ħdejn Praga, Ċekoslovakkja, fis-sena 907. Missieru Ratislav, Duka ta’ Boemja, kien nisrani, waqt li ommu Drahomira, għalkemm kienet ikkonvertiet mill-paganiżmu baqgħet pagana f’qalbha.

Fortunatament, Vinċeslaw trabba man-nanna tiegħu, Santa Ludmilla li edukatu u tellgħetu bħala Nisrani.

Meta kien għadu żagħżugħ ta’ madwar 13-il sena, missieru miet jitqabad kontra l-Maġjari (Ungeriżi), u ommu saret Reġġenti, u bdiet persekuzzjoni kontra l-Insara. Fost affarijiet oħra, keċċiet lill-qassisin u lis-sorijiet li ma kinux mill-pajjiż, ipprojbiet it-tagħlim tar-Reliġjon Nisranija barra minn ġol-knejjes, u insistiet li binha Vinċeslaw ma jibqax nisrani, għalkemm hu ssaħħaħ iktar fil-fidi.

Meta Santa Ludmilla bdiet tħeġġeġ lil Vinċeslaw biex jieħu t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh malli jkollu l-etàgħax hu ma kienx inklinat li jagħmel hekk, ġiet assassinata fis-sena 921.

Fis-sena 925, Vinċeslaw għalaq it-tmintax-il sena, u ħa l-gvern f’idejh. Malajr beda jaħdem b’ħiltu kollha biex jgħaqqad il-poplu tiegħu kollu fir-Reliġjon Nisranija, u waqqaf relazzjoni tajba ma’ l-Imperatur Enriku I tal-Ġermanja.

Din il-politika tiegħu favur ir-reliġjon Nisranija, u ta’ ħbiberija mal-Ġermanja, qajmet partit kontrih. Fl-istess waqt, meta ħuh Boleslaw, ra li kien tilef iċ-ċans li jieħu t-tmexxija tal-pajjiż kollu f’idejh, ftiehem mal-partit kuntrarju, u beda jikkonfoffa biex joqtol lil Vinċeslaw. Boleslaw trabba ma’ ommu li tant kienet influwenzatu u bħalha tela’ b’mibegħda kontra l-Insara.

Boleslaw stieden lil San Vinċeslaw biex imorru f’Boleslava ħalli jiċċelebraw il-festa tal-Qaddisin protetturi, San Kosma u San Damjan. Vinċeslaw laqa’ l-istedina u mar. Meta filgħodu Vinċeslaw kien fi triqtu lejn il-knisja biex jisma’ quddiesa, Boleslaw, bi grupp ta’ nies miegħu, qabeż fuqu u qatlu, fl-20 ta’ Settembru, 929.

San Vinċeslaw miet fil-bieb tal-knisja bil-kelmiet fuq fommu: “Ħi, il-Mulej jaħfirlek.” Kellu 22 sena. Vinċeslaw laħaq mexxa biss 7 snin u kien għadu kif kellu iben li assiguralu s-suċċessjoni.

Tliet snin wara, Boleslaw nidem, u difen bl-unuri kollha l-ġisem ta’ ħuh Vinċeslaw fil-knisja ta’ San Vitu, fi Praga, waħda mill-knejjes li l-Qaddis stess kien bena.

San Vinċeslaw huwa l-Patrun taċ-Ċekoslovakkja.

ĦsiebDan il-qaddis tal-lum ifakkarna fi żmien il-Milied. Dan minħabba l-innu tal-Milied Good King Wenceslaus fejn jissemma dan ir-re twajjeb li ħareġ fil-festa ta’ San Stiefnu (26 ta’ Diċembru) u meta ra raġel fqir jiġbor il-ħatab biex iqabbad in-nar dlonk tah l-għajnuna kollha li seta’. U dan li ġej, inkiteb minn Kosma ta’ Praga, dwar San Vinċeslaw madwar is-sena 1119. Diversi sekli wara din l-istqarrija ġiet ikkonfermata bħala fatt mill-Papa Piju II:

“Kull lejl mis-sodda nobbli tiegħu, ħafi u bi gwardja wieħed biss, kien imur fil-knejjes ta’ Alla u jagħti għotjiet ta’ karità ġenerużi lir-romol, lill-orfni, lil dawk fil-ħabs u dawk milquta b’kull tip ta’ diffikultà, tant hu hekk li kien ikkunsidrat, mhux prinċep, iżda missier ta’ dawk kollha li spiċċaw f’xi miżerja.”

Dan l-ispirtu ta’ servizz hu wieħed mill-affarijiet li jeħtieġ li jerġa’ jiġi stabbilit fis-soċjetà tagħna. Il-flus huma meħtieġa, imma mhux biżżejjed li niffirmaw ċekk imbagħad infarfru jdejna minn dak is-servizz lin-nies fil-bżonn ikunu jeħtieġu. In-Nisrani tal-lum, għandu bżonn iġedded il-viżjoni tiegħu ta’ Kristu li għandu jara, isib u jservi fil-foqra tiegħu.

Ħaġa oħra li tispikka f’dan il-qaddis hija s-sens qawwi ta’ maħfra, li saħansitra wasal biex miet bi kliem ta’ maħfra għal ħuh li biex joħodlu t-tron, irnexxielu joqtlu għal għarrieda. Kien għad kellu biss 22 sena.

Kemm insibuha diffiċli biex naħfru! Xi nies ġieli jgħidu li kien ikun aħjar li kieku l-Mulej qatt ma kkmandana naħfru, imma dan mhux biss huwa kmand dirett mingħand il-Mulej imma saħansitra huwa l-kundizzjoni biex wieħed jinħafrulu dnubietu!

F’Luqa 6: 27-38 Ġesù jgħid: “Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena. Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra.”

Fil-Missierna lil Alla ngħidulu: ‘AĦFRILNA BĦALMA NAĦFRU’ jiġifieri jekk ma naħfrux lil xulxin minn qalbna, ma nistgħux nirċievu l-maħfra għal dnubietna… u Alla dejjem joħodna bis-serjetà meta jgħidilna jew iwegħedna xi ħaġa. Ġesù għadu u jibqa’ jaħfrilna! Hu jtella’ x-xemx kemm fuq it-tajbin kif ukoll fuq il-ħżiena. Mela aħna għax m’għandiex naħfru u nixtiequ t-tajjeb lil kulħadd? Tassew li meta jasal il-waqt, kulħadd jieħu li ħaqqu mingħand Alla, imma f’din id-dinja, Alla ħalliena liberi nagħżlu jekk irridux nagħmlu l-ġid jew id-deni.

X’aktarx li San Vinċeslaw l-għażla tiegħu li jaħfer, qanqlet lil ħuh Boleslaw tant li aktar tard nidem mid-dnub tiegħu u kkonverta. Il-maħfra u t-talb għall-għedewwa tiegħek tista’ wkoll twassal biex dawn jindmu u jsalvaw ruħhom. Kemm nistgħu nferħu lil Ġesù b’atteġġjament bħal dan. Jista’ jkun li l-proċess tal-maħfra jieħu ftit fit-tul imma l-maħfra tibqa’ dejjem għażla libera u l-ewwel priġunier li tillibera huwa int għax tikseb il-paċi ta’ Alla f’qalbek li hi imprezzabbli.

Ġesù rebaħna bi mħabbtu! Ejjew nkomplu niġġieldu l-battalja l-qaddisa billi nħobbu kif iħobbna Hu u meta jweġġgħuna, (jgħaffġu fuqna bħal fuq is-sagħtar) noħorġu għalihom riħa tfuħ. Ejjew nirbħu l-erwieħ għal Kristu u ngħinuh jaħtafhom hekk kif ħataf lilna bi mħabbtu!

Talba: O Alla, int għallimt lill-martri San Vinċeslaw biex aktar jagħżel is-saltna tas-sema milli saltna ta’ l-art; bit-talb tiegħu, agħtina li niċħdu lilna nfusna u ningħaqdu miegħek b’qalbna kollha. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-wenceslaus-608

Additional Reading: https://anastpaul.wordpress.com/2017/09/28/saint-of-the-day-28-september-st-wenceslaus-907-935-king-of-bohemia/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Wenceslaus_I,_Duke_of_Bohemia

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements