30 ta’ Settembru: San Ġilormu

Verżjoni Vidjo: San Ġilormu

“Min ma jafx l-Iskrittura, ma jafx lil Kristu.” San Ġilormu

st-jerome-icon-432SAN ĠILORMU
Saċerdot u Duttur tal-Knisja
340 – 420

Tagħrif: San Ġilormu twieled bejn is-snin 340 u 345, minn ġenituri għonja Nsara, fi Stridonju, qrib Akwileja, mhux ‘il bogħod minn Trieste, mal-fruntiera tad-Dalmazja (Jugoslavja).

Il-ġenituri tiegħu bagħtuh Ruma biex jistudja taħt il-famuż għalliem Donatu. Tħarreġ sew fil-Grieg u fil-Latin.

Madwar is-sena 360, tgħammed minn idejn il-Papa San Liberju. Billi kien tal-fehma li biex wieħed jikber fil-għerf ried bilfors jivvjaġġja, ħalla Ruma u mar idur mal-Imperu Ruman, fejn iltaqa’ ma’ ħafna persuni prominenti, sakemm waqaf f’Akwileja għall-ħabta tas-sena 370.

Fis-sena 374, telaq lejn l-Orjent fejn wara ħafna ġiri wasal Antjokja. Wara ftit mar f’deżert fil-qrib, Kalċide, jgħix ħajja ta’ eremita. Fl-istess waqt beda jistudja l-Ebrajk mingħand għalliem Lhudi.

Wara xi sentejn raġa’ lura lejn Antjokja, fejn l-Isqof An Pawlinu ordnah saċerdot, għad li hu xtaq li jibqa’ kif kien (x’aktarx li qatt ma qaddes).

Minn Antjokja mar Kostantinopli fejn beda jistudja l-Iskrittura Mqaddsa mingħand San Girgor Nazjanzenu, u fis-sena 382, telaq lejn Ruma.

F’Ruma l-Papa San Damasu I ħatru segretarju tiegħu. F’din il-kariga beda dak li fuq medda ta’ tletin sena kellu jsir ix-xogħol monumentali tiegħu, il-Vulgata. Kien ukoll il-mexxej spiritwali ta’ bosta nisa twajbin Rumani, fosthom Santa Pawla.

Ftit wara l-mewt tal-Papa Damasu I(Diċembru 384), Ġilormu erħielha lejn l-Art Mqaddsa fejn wasal fis-sena 386. Hawn bena monasteru għall-irġiel, ieħor għan-nisa, u ieħor biex jilqa’ l-pellegrini fih ħalli jekk Marija u Ġużeppi jerġgħu jiġu jżuru Betlem, isibu post ta’ kenn. Hu mar jgħix f’għar fil-qrib imħejji apposta għalih.

Meta Alariku għamel ħerba minn Ruma, ħafna mill-Insara ħarbu u marru Betlem. Ġilormu ħadem bla serħan biex jgħinhom.

Kiteb opri ta’ għerf kbir fuq il-Bibbja, it-traduzzjoni tat-Testment il-Qadim mill-Ebrajk għal-Latin, u tat-Testment il-Ġdid mill-Grieg, kummentarji fuq il-biċċa l-kbira taż-żewġ Testmenti. Barra minn hekk, ma kienx hemm ereżija fi żmienu li hu ma kkumbattihiex bl-aħrax, fost l-oħrajn, id-difiża tax-xbubija perpetwa ta’ Marija, il-qima tar-relikwi tal-martri, iċ-ċelebat tal-kleru.

San Ġilormu miet f’Betlem fit-30 ta’ Settembru 420, wara marda twila. Difnuh fil-monasteru tiegħu, f’Betlem. Wara xi żmien, il-fdal ta’ ġismu ttieħed Ruma fejn illum jinsab midfun fil-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore.

Ħsieb: “Ix-xemx maż-żerniq ta’ filgħodu għandha ssibek bil-Ktieb tal-Iskrittura Mqaddsa f’ħoġrok, u filgħaxija n-ngħas jieħdok waqt li inti żżomm miftuħ quddiemek dan il-Ktieb għażiż, u l-paġna qaddisa tilqagħlek wiċċek waqt li tongħos bin-ngħas fuqha għax f’dan il-Ktieb imqaddes insibu miġbura l-misteri kollha tal-Mulej. Isaija jxandar lill-Mulej bħala Għimmanu-El, imwieled mill-Verġni. Dak li għamel għeġubijiet u sinjali, miet u difnuh. Qam mill-imwiet u sar is-Salvatur tal-ġnus kollha. Xi rrid insemmi l-fiżika u l-etika u l-loġika? Dan kollu li hemm fl-Iskrittura Mqaddsa, dak kollu li lsien ta’ bniedem jista’ jgħid u moħħ ta’ bniedem jista’ jifhem, kollu nsibuh f’dan il-Ktieb.” (San Ġilormu)

Bla dubju li San Ġilormu jikkonvinċik li għandek taqra, anzi li għandek titlob bil-Bibbja, imma kif titlob bil-Bibbja? L-ewwel nett, irid ikollok Bibbja, mela jekk għad m’għandekx, mur ixtri waħda. Illum għandna diversi modi kif jista’ jkollna l-Bibbja f’idejna. Għandna l-mezzi elettroniċi. B’tablet, smartphone, jekk tuża l-internet… il-Bibbja se ssibha miegħek kullimkien online. Imma tajjeb li jkollok il-Bibbja bħala ktieb għaliex biex titlob bil-Kelma t’Alla jkun aħjar jekk ikollok inqas distrazzjonijiet minħabba li ġeneralment meta tkun online, jibdew deħlin ħafna notifikazzjonijiet minn diversi programmi.

Bħala Bibbja bil-Malti għandna żewġ traduzzjonijiet differenti, dik ta’ Saydon (li  miktuba b’Malti propju – Semitiku – u għalhekk diversi kliem li ntużaw, m’għadniex nużawh) u dik tal-Għaqda Biblika Maltija li hi aktar riċenti u faċli biex nifmuha fi żminijietna llum. Bħala Bibbja bl-Ingliż hemm Revised Standard Version (RSV) 2nd Catholic Edition u dik b’Ingliż aktar mexxej New Living Translation (Catholic Edition). Importanti li tkun Kattolika għax f’dik Protestanta hemm 7 kotba neqsin u wkoll xi interpretazzjonijiet li ma jaqblux ma dawk Kattoliċi. Tajjeb għalhekk li nedukaw rwieħna dwar dan ħalli ma nitfixklux.

Meta tkun akkwistajt il-Kelma t’Alla għandek (il-Bibbja) issa nħeġġek biex tibda tużaha fit-talb tiegħek. Imma kif? L-ewwel ħaġa sempliċi li trid tagħmel hija li ssib post u ħin tajjeb għat-talb. Il-ħin biex titlob m’intix se ssibu. Trid tagħmlu. Trid tkun dixxiplinat/a biex titlob b’mod effettiv. Hawn min jitlob filgħodu kmieni jew qabel jorqod. Attenti li ma jiġrilnix li minflok nitolbu qabel norqdu, nispiċċaw norqdu qabel nitolbu! Imbagħad … xi trid tagħmel? Imbagħad:

INĠABAR: L-Ewwel ħaġa li trid tagħmel hija li tinġabar, tikkalma, tieqaf, tirrilassa l-moħħ u l-qalb. Xi mużika rilassanti, ftit dawl ta’ xi xemgħa, jew ftit nifsijiet il-ġewwa u ‘l barra bil-mod jistgħu jgħinu.

ATT TA’ FIDI: It-Tieni ħaġa hija li tidħol b’dispożizzjoni ta’ fidi, jiġifieri li inti temmen li tinsab fil-preżenza t’Alla. Għax mhux jekk tarax jew le, jew jekk tħossx jew le, il-preżenza ta’ Alla li tgħodd, għax inkella tkun qed tiġri wara esperjenzi li jqanqlu emozzjonijiet u mhux wara l-preżenza reali t’Alla li rari taqa’ taħt is-sensi. Għalhekk importanti li temmen li Alla qiegħed hemm għalik kif int ħejjejt ruħek biex tkun hemm għalih.

ITLOB LILL-ISPIRTU S-SANTU: Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu għax kif jgħidilna San Pawl, aħna ma nafux nitolbu kif imiss u huwa Hu li jimla ‘l qalbna, jitlob u jitkarrab quddiem Alla għalina, imexxina, jiggwidana, jagħtina l-ħajja u jgħinna. Għalhekk importanti li f’din il-mixja, aħna nsiru ħbieb u kumpanni tal-Ispirtu s-Santu. Aħna qatt ma mmorru nitolbu waħedna, imma dejjem fl-Ispirtu, mal-Ispirtu u fil-preżenza tal-Ispirtu u li nirrealizzaw dan hija estremament importanti. Ma ninsewx li l-Bibbja hija ispirata mill-Ispirtu li hu n-nifs ta’ Alla (li jagħtina l-Ħajja). Nistgħu ngħidu li l-Bibbja hija l-unika ktieb li int u taqrah, għandek il-privileġġ li l-Awtur tagħha qiegħed miegħek – l-Ispirtu s-Santu.

AQRA T-TEST LI SE TITLOB BIH: Imma liema? L-aħjar tibda bil-Vanġelu li jinqara fil-quddiesa ta’ kuljum. Tista’ tfittxu fuq l-internet jew tixtri ktieb jismu l-Kelma Kuljum jew tuża l-Messalin ta’ matul il-ġimgħa u jista’ jkollok xi applikazzjoni fuq it-tablet jew mobile. Inkwantu l-Bibbja, l-aħjar li taqbad ktieb eżempju Vanġelu u tibda taqrah kuljum, jew xi ittra ta’ San Pawl jew l-Atti tal-Appostli jew is-Salmi. Tajjeb li wieħed jibda bl-Evanġelju skont San Mark għax qasir, l-aktar antik u li fih insibu r-rakkonti ta’ Ġesù b’mod ħaj, dinamiku, attiv u deskrittiv ħafna. Ma ninsewx li l-Bibbja mqassma f’Kotba, kull Ktieb imqassam f’Kapitli u kull Kapitlu mqassam fi Vrus. Ġieli jkun hemm sotto titli li jgħinuk taqra tema tema kuljum. Dan jgħin b’mod speċjali għal min ikun għadu qed jibda jipprattika talb bil-Bibbja.

ISMA’ LIL ALLA JKELLMEK: Aqra bil-mod, vers vers, jekk hemm bżonn b’vuċi għolja għal xi 3 darbiet ħalli bil-mod il-mod din il-Kelma tibda tinżel u tegħreq ġewwa fik filwaqt li inti tkun qed taqraha. Dan inaqqas id-distrazzjonijiet li jkollna f’moħħna. Importanti li int u taqra tagħti kas xi jkun qed jiġri ġewwa fik. Ibda innota xi kliem li jkun qed jolqtok u dan tista’ timmarkah fuq il-Bibbja jew tiktbu. X’aktarx li dak huwa l-vers li l-Mulej ikun qed ikellmek bih! M’hemmx għalfejn bilfors tifhem kollox minn dak li tkun qed taqra fil-Kelma t’Alla għax inti trid tħalli l-Mulej ikellmek kif irid Hu. Hu jaf x’għandek bżonn tisma’.

IMMEDITA, AĦSEB, IRRIFLETTI: Tista’ timmaġina s-silta li tkun qrajt. L-immaġinazzjoni hi rigal li Alla tana biex nesperjenzaw xi ħaġa li ġrat fil-passat  u bħal ngħixuha fil-preżent. Imbagħad innotta l-personaġġi u ara bħal min qed tħossok. Immaġina lilek innifsek kif qed issib ruħek quddiem Ġesù u l-Kelma tiegħu jew dak li qed jagħmel. Eżempju tħossok flok xi marid li Ġesù qed ifejjaq, jew flok xi ħadd li qed jistaqsih xi ħaġa eċċ … Issa ara fil-qalb tiegħek Ġesù x’qed jgħidlek fil-mument preżenti fil-ħajja tiegħek għax fuq kollox, it-talb idur kollu mal-Persuna ħajja ta’ Ġesù li jkellimna b’mod ħaj fil-mumenti tat-talb tagħna. Tista’ tistaqsi lilek innifsek:

  • Din il-Kelma xi tfisser għalija?
  • U x’qed jgħidli l-Mulej biha?
  • Kif qed tolqot il-ħajja tiegħi?

Jekk tkun midħla tal-Kelma t’Alla (aktar ma titlob biha, aktar issir midħla tagħha) tista’ anki tqabbel dik is-silta ma’ siltiet oħrajn u tiftakar li Ġesù diġà għamel aċċenn għal dik il-Kelma. B’hekk dan jgħinek tifhem aħjar din il-Kelma li qed jgħidlek u tħallih ikellmek dejjem iżjed fil-fond. Importanti li nifhmu lit-talb bil-Bibbja huwa t-talb tas-smigħ – li nisimgħu lil Alla jkellimna.

TKELLEM MA’ ĠESÙ    : L-ewwel kellmek Hu b’dak li qrajt, u issa se tkellmu inti dwarha. Importanti li lill-Mulej tkellmu fuq dak li jkun kellmek Hu l-ewwel għax hawn trid …

  • titolbu jagħtik il-qawwa li għandek bżonn biex twettaq dik il-Kelma li forsi għalik tista’ tidher iebsa jew impossibbli,
  • titolbu l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex twettaqha,
  • tfaħħru,
  • tirringrazzjah,
  • titlob għalik innifsek ,
  • titlob għal persuni oħrajn,
  • tista’ titlob il-grazzja ta’ xi fejqan.

Din hija l-esperjenza tad-djalogu m’Alla mibni fuq dak li Alla jrid jgħidilna.

ISKOT: Issa oqgħod fis-skiet. Issa huwa l-mument meta d-djalogu ma’ Alla jkun wasslek biex toqgħod fis-skiet fil-preżenza tiegħu, qalbek tiltaqa’ ma’ Qalbu fil-fidi, anki jekk ma tħoss u ma tara xejn. Oqgħod ma’ dik il-Kelma li laqtitek u ħalli lill-Mulej jimla l-qalb tiegħek. Din bħal meta tmur tixxemmex. Dan għaliex il-Qari tal-Kelma mhux studju, imma punt ta’ kuntatt ma’ Ġesù. In-nisrani hu msejjaħ mhux biex jieqaf fuq il-Bibbja imma biex jużaha ħalli tressqu lejn Alla.

GĦIX FIL-PRATTIKA DAK LI QRAJT: Mistoqsija prattika li tista’ ssaqsi hawn hija:

  • Li kieku Ġesù kien fiċ-ċirkustanzi tiegħi, x’kien jagħmel?
  • Kieku Ġesù min floki, x’kien jagħmel?
  • Kif kien jgħixha?

Din importantissima għaliex jekk it-talb li nagħmlu bil-Bibbja ma jissarrafx f’azzjonijiet u f’bidla u f’ġesti konkretti tal-istil tal-ħajja tagħna, inkunu qegħdin infaqqru dan il-mument billi ma nieħdux il-milja kollha tiegħu. Araw kif bil-mod il-mod il-qari u t-talb bil-Bibbja jista’ jibdel u jitrasforma lil ħajjitna, lil ħajtek!

Talba: O Alla, int nissilt fis-saċerdot San Ġilormu mħabba kbira u qawwija għall-Kotba Mqaddsa: agħmel li l-poplu Nisrani jfittex dejjem iżjed l-għajxien spiritwali tiegħu fil-Kelma tiegħek u jsib fiha l-għajn tal-ħajja. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-jerome-610

Alternative reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-jerome/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Jerome

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Il-ħsieb huwa ta’ Fr Hayden Williams OFM Cap irrekordjat LIVE minn fuq il-paġna tal-Facebook tiegħu: https://www.facebook.com/frhayden/

Advertisements