31 ta’ Ottubru: Beatu Anġelo ta’ Acri

Verżjoni Vidjo: Beatu Anġelo ta’ Acri

“Hija grazzja u glorja kbira li tkun Kapuċċin u iben/bint vera ta’ San Franġisk. Imma hu neċessarju li nkunu nafu u li dejjem iġġorru magħna, il-ħames ħaġriet prezzjużi: l-awsterità, is-sempliċità, l-osservanza eżatta tal-Kostituzjoni u tar-Regola Serafika, l-innoċenza tal-ħajja u karità li ma tgħejja u ma tieqaf qatt.” Beatu Anġelo ta’ Acri

angelo16.jpgBEATU ANGELO TA’ ACRI
Reliġjuż
† 1739

Tagħrif: Huwa kien iben ta’ ġenituri fqar, kien jismu Antonio Luca Falcone u twieled fis-19 ta’ Ottubru 1669. Ipprova jidħol mal-Kappuċċini ta’ 18-il sena iżda sab il-ħajja ħarxa ħafna. Bil-għajnuna ta’ ħafna talb huwa pprofessa fit-tielet darba li pprova wara novizzjat imqanqal ħafna, fl-1691. Ħa l-isem ta’ Angelo.

Fl-ewwel priedka li għamel, il-fiduċja fih innifsu u l-memorja ħallewh u niżel minn fuq il-pulptu konfuż. Meta qagħad jaħseb fuq dan id-diżappunt deherlu li l-Mulej qallu: “Għall-ġejjieni, Anġelo, ippriedka b’mod sempliċi u kif jitkellmu n-nies, biex jista’ jifhmek kulħadd.” Huwa sar wieħed mill-aqwa predikaturi ta’ żmienu u mexxa missjonijiet f’pajjiżu u xerred id-devozzjoni lejn il-Kwaranturi (40 siegħa adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat) sakemm miet.

Kien jgħaddi ħin twil jitlob u jagħmel penitenzi ħorox biex jikkumbatti t-tentazzjonijiet li kien ikollu.

Huwa kiteb ktieb wieħed biss, li kien ġabra ta’ talb fuq it-tbatijiet ta’ Kristu, għas-sorijiet Kappuċċini li huwa waqqaf f’Acritania. Anġelo laħaq provinċjal Kappuċċin fil-Kalabrija, u kienu jsejħulu ‘L-Anġlu tal-Paċi’ bil-mod seren li kien imexxi l-provinċja.

Miet fit-30 ta’ Ottubru 1739, ta’ 70 sena. Il-Papa Ljun XII ibbeatifikah fit-18 ta’ Diċembru 1825.

Ħsieb: It-triq vokazzjonali taż-żagħżugħ Luka Antonio kienet ikkaratterizzata minn ħafna inċertezzi. Wara li kkonsagra lilu nnifsu lill-Mulej, għadda minn esperjenza ta’ falliment fil-predikazzjoni. Madankollu, huwa ma qatax qalbu imma biddel l-istil tal-predikazzjoni tiegħu, u sar umbagħad evanġeliku mill-aqwa. Permezz tal-predikazzjoni tiegħu, Anġelo ta’ Acri kien strument li kapaċi jgħaqqad il-Qalb tal-Mulej ma’ dik tan-nies. Kien jikkomunika lis-semmiegħa tiegħu l-ferħ ta’ Alla li jfittex li jkun fi djalogu mal-poplu tiegħu.

Fil-konfessjonarju kien il-post li fih kien joffri lill-penitent il-konsolazzjoni tal-maħfra ta’ Alla, il-post fejn kien jiftaħ għalihom it-triq għall-ħajja ġdida fi Kristu. Huwa ta xhieda ta’ karita’ nisranija billi żar il-foqra fi djarhom u qassam il-Providenza li hu stess kien irċieva. Ma naqasx li jżur wkoll lill-ħabsin, jirrikonoxxi d-dinjità tagħhom u jkellimhom fuq l-indiema, filwaqt li ddefenda wkoll lil dawk li ġew ikkundannati inġustament.

Waħda mill-eqdem pitturi ta’ Fra Anġelo ta’ Acri tipreżentah iħares lejn u jikkontempla l-Kurċifiss, iċ-ċentru tal-predikazzjoni u t-talb tiegħu. F’ħinijiet twal ta’ talb solitarju, huwa kien jagħmel meditazzjoni dwar it-tbatija ta’ Kristu u kien jirrikonoxxi fil-morda l-feriti tal-Mulej. F’kull ħaġa li kien jagħmel, kien iżomm f’qalbu l-wiċċ ta’ Ġesù msallab, l-ikona ta’ mħabba mingħajr limitu.

Imma ma nistgħux ninsew ukoll li dan il-beatu kellu devozzjoni kbira lejn il-Kwaranturi (40 siegħa adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat) u baqa’ jxerred din id-devozzjoni sa mewtu. Dan jurina li s-saħħa kollha wara l-ħajja eżemplari tiegħu kien iġibha mit-talb iħeġġeġ quddiem Ġesu’ Ewkaristija. U inti, minn fejn iġġib il-qawwa tiegħek biex tkun tista’ tgħix ta’ nisrani/ja awtentiku/a?

Iva Ġesu’ huwa ħaj u jinsab magħna. Hu jibqa’ jiġri warajna sal-aħħar nifs ta’ ħajjitna, għax ma jrid lil ħadd jitlef l-imħabba li għandu għal kull wieħed u waħda minna. X’imħabba ġenwina! Minn kull kappella tal-Adorazzjoni li għandna f’pajjiżna, il-Mulej jistedinna biex immorru ħdejh u nqattgħu ftit ħin miegħu. Xi privileġġ għandna! Għax għiduli …

  • Min jista’ jibdilni għall-aħjar daqs Alla?
  • Min jissaportini daqs Alla?
  • Min jistennieni daqs Alla?
  • Min iħenn għalija daqs Alla?
  • Min jagħder in-nuqqas ta’ ħila tiegħi, daqs Alla?
  • Min jara li hemm potenzjal fija, daqs Alla?
  • Min għandu sabar daqs Alla?
  • Min jixtieqli l-ġid, daqs Alla?
  • Min għandu fiduċja fija daqs Alla?
  • Min jafdani daqs Alla?
  • Min iżommni f’sensija, nqis l-konsegwenzi t’għemili minn qabel, daqs Alla?
  • Min jgħallimni ngħożż id-dinjità ta’ persunti, daqs Alla?
  • Min jeħlisni mill-irbit u l-ġenn tal-frugħa, daqs Alla?
  • Min jgħallimni nagħraf il-pożittiv f’ħajti, daqs Alla?
  • Min japprezzani kif jien, daqs kemm japprezzani Alla?
  • Min jagħraf ħsibijieti u l-intenzjonijiet t’għemili, daqs Alla?
  • Min jafni iżjed milli naf lili nnifsi jien, daqs kemm jafni Alla?
  • Min qatt ma jgħejja jismagħni? Int biss O Alla.
  • Min qatt ma jaqta’ qalbu minni? Int biss O Alla.
  • Min qatt ma jgħajjarni bil-fallimenti tiegħi, bid-dgħjufijiet tiegħi, bid-difetti tiegħi ? Int biss O Alla … u Inti Alla li ħlaqtni biex niġi ngawdik fil-Ġenna.
  • Min jipprovdili s-saħħa, il-faraġ, il-kalma, il-wens, il-ħeġġa u r-rassenjazzjoni f’kull ma’ jinqalali u f’dak kollu li ngħaddi minnu f’ħajti … Int biss O Alla.
  • Min iħobbni daqsek O Alla?
  • Min jaħfirli, inaddafni u jinsa l-passat tiegħi, daqsek O Alla?
  • Min jgħallimni l-verità u s-sewwa biss, daqsek O Alla?
  • Min jgħallimni naħseb f’ħaddieħor, daqsek O Alla?
  • Min jimlini b’kuraġġ ta’ sur, daqs kemm timlini Int O Alla?

Lil min insib biex ifarraġni u jibnini mill-ġdid, fid-diżgrazzji, fit-tentazzjonijiet, fil-qtigħ ta’ qalb, fl-iżolament, fil-mard, fid-diżappunti ta’ ħajti, daqs kemm tikkonslani, tfarraġni u tibnini fis-sod Int O Alla?

Iva, Mulej, nixtieq naċċetta l-istediniet tiegħek u niġi quddiemek, inħares lejk, lejn il-preżenza reali tiegħek fl-Ewkaristija … u, mingħajr ma niftaħ fommi, Inti diġa’ tibda tgħattini bil-paċi glorjuża tiegħek! F’dak il-kwiet, mingħajr ma jkun jaf ħadd, Int O Alla tibnili l-ħajti – mterrtqa bl-anzjetajiet, bil-beżgħat, bix-xogħol, bit-tmaqdir, bin-nuqqas ta’ fiduċja fis-setgħa tiegħek, bil-vojt li nħoss kultant; bin-nuqqas ta’ fiduċja fija nnifsi … X’qawwa toħroġ minnek O Ħobż tal-Ħajja, x’mirakli tagħmel miegħi, kif tibdilli n-niket f’ferħ, kif ninsa t-thewdin ta’ moħħi hekk kif inkun quddiem il-preżenza umli, imma ta’ forza immaġinabbli tiegħek … iva dan kollu meta nafda totalment Fik f’kollox! Ħa tkun ħajti, skont ir-rieda mqaddsa tiegħek O Trinità Ħanina!

Talba: O Alla kollok tjieba, li tajtna lill-Beatu Anġelo ta’ Acri b’eżempju mill-isbaħ ta’ ħajja mfassla fuq it-tagħlim u l-eżempju tiegħek, agħtina nitolbuk, li bl-interċessjoni tiegħu għalina, aħna wkoll ma naqtgħux qalbna milli nkomplu navvanzaw f’ħajja animata mill-karita’ lejk u lejn il-proxxmu. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.roman-catholic-saints.com/blessed-angelo-of-acri.html

Alternative Reading: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/blessed-angelus-of-acri.html

Detailed account of his life: http://napcc.net/images/uploads/documents/acri.pdf

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Luca_Antonio_Falcone

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb mehud mis-sit ta’ Medjugorje Malta.

Advertisements

30 ta’ Ottubru: Beatu Duminku Collins

Verżjoni Vidjo: Beatu Duminku Collins

“Inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna; hu li, flok l-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib bla xejn ma qies l-għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron ta’ Alla.” ~ Lhud 12:2

collins-51IL-BEATU DUMINKU COLLINS
Fra Ġiżwita u Martri
1566 – 1602

Tagħrif: Twieled fl-1566 minn familja kattolika, f’Youghal, Cork, l-Irlanda. Kemm missieru u wara ħuh kienu s-sindku tal-belt. Aktarx attenda l-iskola tal-Ġiżwiti.

Fl-1583 salpa lejn Franza. Hemmhekk daħal fl-armata kattolika tad-duka Mercoeur u biż-żmien sar gvernatur militari. Biż-żmien ġie trasferit għal Spanja.

Fl-1598, iltaqa’ ma’ Ġiżwita Irlandiż li ġie biex iqarar lis-suldati fir-Randan. Duminku wrieh ix-xewqa li jidħol ġiżwita. Ma tantx għamillu kuraġġ minħabba l-livell ta’ studju, imma Dumink wieġeb li għalih kien biżżejjed li jidħol bħala Fra.

Baqa’ jirsisti għaliex għall-ewwel il-Ġiżwiti ma ridux jaċċettawh. Fl-aħħar beda n-novizzjat f’Santiago De Compostela.

Faqqgħet il-pesta u Fra Collins wera qlubija kbira, dar mal-vittmi, morda u l-moribondi.

Fl-1601 reġa’ lura l-Irlanda flimkien ma’ ġiżwita ieħor, biex jagħti l-għajnuna lis-suldati waqt il-gwerra mal-Ingliżi. Sab ruħu assedjat flimkien ma’ 143 suldat f’kastell żgħir għal diversi xhur. Hawn reġa’ mill-ġdid wera kuraġġ kbir idur mal-feruti u dawk moribondi. Saħansitra pprova jagħti lilu nnifsu bħala ostaġġ sabiex jieqaf il-ġlied, imma kien kollu għalxejn.

Fl-aħħar żammewh priġunier flimkien ma’ tnejn oħra u l-oħrajn nqatlu kollha. Kien interrogat f’Cork. Sofra terturi liema bħalhom biex jippruvaw jibdlulu fehmtu u jipperswaduh isir protestant. Saħansitra anke membri mill-familja tiegħu qalulu jagħmilha tabirruħu dar biex jeħles il-martirju, imma Duminku baqa’ ma ċediex.

Fil-31 ta’ Ottubru 1602, libes il-libsa ta’ ġiżwita, għaddewh mit-toroq ta’ beltu għall-post tal-eżekuzzjoni. Tkellem bil-ħeġġa mal-folla bl-Irlandiż, l-Ingliż u l-Ispanjol. Qalilhom li kien ferħan li kien reġa’ lura l-Irlanda biex jiddefendi l-fidi Kattolika. Huwa ġie mgħallaq quddiem folla emozzjonata għall-aħħar. Bil-lejl xi kattoliċi tal-belt, ħadu l-ġisem tiegħu u difnuh f’post sigriet.

Mal-ewwel beda jissejjaħ venerabbli u l-fama tiegħu nxterdet mal-Irlanda u l-Ewropa. Ħafna mirakli ġew attribwiti bl-interċessjoni tiegħu.

Il-Beatu Papa Ġwanni Pawlu II bbeatifikah fl-1992. Huwa wieħed mill-aktar beati popolari fl-Irlanda.

Ħsieb: Il-Beatu Duminku Collins huwa mfakkar l-aktar għall-mod kif żamm sod u kostanti fil-fidi tiegħu sal-aħħar. Għalkemm il-libertà u l-avvanz ġew imqegħda quddiemu, hu għażel li “joqgħod għas-salib, bla xejn ma qies l-għajb tiegħu” (Lhud 12:2). Kienet fidi soda tassew dik tiegħu!

Mhux biss, imma l-fidi tiegħu kienet kawża ta’ ferħ kbir f’qalbu li spikka fil-ħin tal-martirju. It-tbissima tiegħu waqt dawk il-mumenti tal-aħħar, impressjonat mhux ftit lil min kien preżenti. Kien għalhekk li wieħed mix-xhieda stqarr li dik kienet tbissima li hu kien ikollu fuq fommu li kieku kien sejjer għal xi ikla tajba u mhux għall-qatla! Duminku Collins, minn naħa tiegħu stqarr li kien lest li jieħu l-martirju għal ħafna drabi oħra, dejjem bl-istess attitudni. Imma minn fejn ġietu din il-fidi tal-azzar? U aħna kif nistgħu nikbru fil-fidi fqajra tagħna?

Il-fidi hi bħal pjanta li rridu nieħdu ħsiebha. Iħawwilha Alla fil-Magħmudija, ikabbruha dawk ta’ madwarna bit-tagħlim u l-eżempju tagħhom, imma meta nsiru adulti, huwa aħna li rridu:

  • nkomplu nsaqquha bit-talb u l-Qari tal-Kelma t’Alla,
  • inneħħulha l-ħaxix ħażin li jibker magħha billi nqaċtu minn ħajjitna d-drawwiet ħżiena,
  • nagħtuha l-fertilizzant bl-għemejjel tajba li nagħmlu u
  • nesponuha għall-ilma, l-arja u d-dawl permezz tas-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin.

Bniedem ta’ fidi, xi kultant iġib ruħu b’mod li kważi lanqas jitwemmen. Ix-xhieda skantaw b’Duminku Collins għax kien bħal donnu ‘frisk bħal ħassa’ riesaq biex jieħu l-martirju! Dan minħabba l-fiduċja tiegħu f’Alla, fiduċja bħal tat-tfal ċkejknin li jiddependu għal kollox fuq il-ġenituri tagħhom jew fuq min jieħu ħsiebhom.

Infatti, jekk ifittxu fl-Iskrittura kollha ma nsibux passaġġ wieħed li hu wieħed, fejn Alla jgħidilna u jikkmandana biex ninkwetaw! Anzi Kristu nnifsu jtenni b’ħerqa kbira l-kelma: “Tinkwetawx …” (Mattew 6:25). It-tfal żgħar jinkwetaw bħall-kbar? Le tassew! Mela wara li nkunu qed nagħmlu ħilitna kollha, sa fejn jiddependi minna li nagħmlu,
għaliex għandna nibqgħu ninkwetaw?

L-inkwiet hu mxebbaħ ma’ min qed juża rocking chair – qed jiċċaqlaq imma mhu se jwasslek għal imkien, iħallik fl-istess post, taħli l-enerġija mentali għal xejn u bla ma jirnexxielek tbiddel xejn.

Hi biss l-azzjoni kollha mħabba ta’ Alla li tista’ tagħtik raġuni biex tibqa’ titbissem. Ma’ Alla, dejjem se noħorġu rebbieħa, b’mod speċjali la nkunu nsaltnu miegħu fil-glorja. Għalhekk, din it-tip ta’ tbissima tiġi naturali bla ma jkollok bżonn tagħmel sforz fuqek innifsek minn barra. Jekk inti tkun mimli/ja bit-tjubija ta’ Alla minn ġewwa, allura ħadd qatt ma jista’ joħodlok din it-tbissima minn fuq wiċċek!

  • U int, kif qed tkabbar il-fidi tiegħek?
  • Kemm tagħmel ħiltek biex tirbaħ l-inkwiet bil-fiduċja f’Alla?
  • Min jagħmilha miegħek, jista’ jgħid li t-tbissima fuq fommok tixhed il-fidi u l-fiduċja li għandek f’Alla, irrelevanti ċ-ċirkustanzi li tkun għaddej/ja minnhom?

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox,  Int tajtna eżempju ta’ kuraġġ meraviljuż fil-martri tiegħek il-Beatu Duminku Collins u sħabu. Għall-ferħ li ġie mqiegħed quddiemhom, huma sofrew is-salib, bla xejn ma qiesu l-għajb tiegħu. Agħtina permezz tat-talb tagħhom li, filwaqt li nibqgħu fidili lejn il-kmandamenti tiegħek, aħna wkoll inkunu nistgħu inġibu l-għaqda u l-paċi kull fejn inkunu. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicireland.net/saintoftheday/blessed-dominic-collins-1566-1602-irish-martyr-jesuit-brother/

Alternative Reading: https://www.catholicireland.net/saintoftheday/decisions-decisions-blessed-collins-sj/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Dominic_Collins

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

29 ta’ Ottubru: Beatu Mikiel Rua

Verżjoni Vidjo: Beatu Mikiel Rua

“Il-Familja Salesjana oriġinat permezz ta’ Don Bosco, u kompliet permezz ta’ Fr. Rua  … li żviluppa l-eżempju tal-Qaddis fi skola, ir-Regola tiegħu fi spirtu, il-qdusija tiegħu f’mudell. Huwa bidel ir-Rebbiegħa fi xmara.” ~ Papa Pawlu VI fil-beatifikazzjoni tal-Beatu Mikiel Rua

csc46hjuyaalot7.jpgBEATU MIKIEL RUA
Saċerdot
† 1910

Tagħrif: Dan il-beatu għen lil San Ġwann Bosco u kien is-suċċessur tiegħu bħala Rettur Maġġur tas-Salesjani. Taħt it-tmexxija tiegħu, is-soċjetà, fi 22 sena kibret minn 800 għal 4000 membru. Il-Papa Pawlu VI ddeskrivih bħala qassis xipli, kollu tjubija u ħlewwa, ħsiebu fi dmirijietu u kollu sagrifiċċju.

Mikiel iltaqa’ ma’ Dun Bosco wara li mietlu missieru. Ta’ 16-il sena huwa beda jmur is-seminarju u jgħix ma’ Dun Bosco fl-oratorju, fejn kien inkarigat mid-dixxiplina u mill-finanzi. Ta’ 18-il sena kien l-ewwel fost id-dixxipli ta’ Dun Bosco li għamel il-voti reliġjużi u tliet snin wara huwa akkompanja lill-fundatur tiegħu f’Ruma u ġarr kopja tal-kostituzzjonijiet miktuba minn idu stess għall-Papa Piju IX.

Meta Dun Rua sar qassis, Dun Bosco ħabbarlu li kellu jara s-soċjetà tinfirex, li kellu jaħdem u jbati, iżda li kellu jkollu wkoll il-faraġ u l-għajnuna tal-Mulej. Dun Rua ġie Malta darbtejn.

Ħsieb: Bla dubju li kulħadd iqis lil dan il-Beatu bħala l-bastun ta’ Dun Bosco u s-suċċessur tiegħu. Imma karatteristika partikolari li kienet tispikka fil-Beatu Mikiel Rua u li xtaqt li niffoka fuqha, kienet dik li kien raġel ta’ talb profond. Kont issibu dejjem l-ewwel f’postu fil-knisja għall-meditazzjoni tal-komunità, fejn kien jinżel għarkuptejh u jitlob mingħajr ma jiċċaqlaq, b’wiċċu jistrieħ fuq il-pali ta’ jdejh, filwaqt li jżomm maktur abjad.

Fit-23 ta’ Frar 1887 kmieni filgħodu, sar terremot li nħass anki fl-Italja ta’ Fuq, f’Turin u lil hinn. Xhieda li kienu preżenti fil-knisja f’dak il-ħin tal-quddies li għaliha kien preżenti Mikiel Rua, jiddeskrivu din ix-xena:

“Filgħodu tat-23 ta’ Frar 1887 aħna, is-Salesjani tal-Oratorju, inġbarna għall-meditazzjoni tagħna fil-kappella tal-knisja ta’ Marija Għajnuna tal-Insara. F’daqqa waħda, ħassejna l-art titriegħed b’mod vjolenti taħt saqajna, akkumpanjat ma’ elf oġġett iċekċku bil-qawwi. Kien bħallikieku monstru ġgantesk kien qed jipprova jgħaffeġ il-knisja b’dwiefer tal-azzar. “Terremot! Terremot!” kienet l-għajta. Ilkoll kemm aħna, terrifikati sewwa, ġrejna lejn is-sigurtà tal-bitħa, filwaqt li żammenja għajnejna fuq il-koppla tal-knisja, nistennewha tikkrolla minn mument għall-ieħor. Iżda meta waqaf kollox, il-knisja dehret li ma sofriet l-ebda ħsara. Allura morna lura fil-kappella, u hemm insibu li Fr. Rua ma kienx iċċaqlaq mill-post tiegħu tas-soltu u mill-qagħda ta’ talb.”

Forsi ma kienx jaf x’kien qed jiġri? Huwa diffiċli li temmen dan! Jew forsi kien qiegħed fi stat ta’ estasi. Jew forsi anki f’dak il-mument tal-biża Fr. Rua ma riedx jieqaf mit-talb tiegħu. Huwa fatt li l-mewt ma tbeżżax lil min ikun ippreparat biex imur jieħu l-ħlas tal-ġusti u jidher li f’dak il-mument, it-talb għal Fr. Rua deherlu li kien iżjed importanti. Imma x’inhu t-talb? U kif titlob?

Kull min jikkomunika, jaf jitlob. It-talb hu li tiftaħ qalbek ma’ min iħobbok tant li ssallab għalik, u ma’ min hu fil-kontroll ta’ kollox. Għandna nitkellmu ma’ Alla b’kunfidenza għax Ġesu’ stess, qalilna nsejħulu ‘Missier!’ Irridu nitolbuh dak li nemmnu li neħtieġu. Minn naħa tagħna, għandna ngħinu rwieħna biex naslu għal dan. Is-sigriet ta’ ħajja ferħana hu li: LIL ALLA NAFDAWH BIR-RIŻULTAT TAL-ISFORZI TAGĦNA, huma x’inhuma u jagħmel Hu! Hu dejjem jifhem aħjar minna x’għandna bżonn! Il-problema hi: Kemm qed ninvestu ħin u enerġija biex tassew infittxu lill-Mulej u r-Rieda tiegħu f’ħajjitna?

It-talb tibbenifika int u l-għeżież tiegħek bih. Fit-talb taf li qed tiftaħ qalbek ma’ min taf li jħobbok b’mod etern u jixtieqlek il-ġid aktar milli tixtiequ int għalik innifsek jew għall-għeżież tiegħek. Titlob ifisser li tagħraf li Alla hu Missier ħanin li jagħder, jaħfer u jifhem iċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna u lest li jgħinna u jerfa’ t-toqol tagħna. Hu dejjem magħna u jekk nafdawH, HU jieħu ħsieb ta’ dawk il-problemi li f’ħajjitna jidhru kbar u bla soluzzjoni. Mingħajru m’aħna xejn u ma nistgħu nagħmlu xejn.

Xorta jibqa’ l-fatt li ġieli t-talb ma jibdilx is-sitwazzjonijiet ta’ ħajti, imma jibdel lili billi jkabbarni fil-fidi, tant li nibda nħares lejn is-sitwazzjoni b’mod tant differenti li nispiċċa jkolli ngħid, li s-sitwazzjoni bidlet l-intenzjoni tagħha u jekk inkompli nafda f’Alla, ser tispiċċa tagħmilli l-ġid u mhux il-ħsara!

Mal-Ħallieq, l-IMĦABBA VERA hi r-Realta’… ħafna nies jibqgħu biss joħolmu li forsi għad xi darba jesperjenzawha. Tgħannieqa ta’ xi ħadd li veru jkun iridlek il-ġid, tfejjaq ħafna ġrieħi u tikkalma l-maltemp tal-qalb. Dan hu t-talb – it-tgħannieqa ħelwa tal-Mulej. Int tfittex li tesperjenzah dan kollu?

Talba: O Alla, li tajtna lill-Beatu Mikiel Rua fil-Knisja tiegħek biex juri lil ħaddieħor it-triq tas-salvazzjoni, agħtina, li bl-eżempju tiegħu, aħna nimxu wara Kristu bħala s-Sid tagħna, biex inkunu nistgħu niġu, flimkien mal-proxxmu tagħna, fil-preżenza ħelwa tiegħek fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen.   

English Version: http://www.papalartifacts.com/portfolio-item/blessed-michael-rua/

Alternative Reading: http://www.salesianmissions.org/about-us/bl-michael-rua-beatified-1972

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Michele_Rua

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

28 ta’ Ottubru: San Xmun u San Ġuda

Verżjoni Vidjo: San Xmun u San Ġuda

“Sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejjqu kull xorta ta’ mard u ‘l kull min kien nieqes minn saħħtu. L-ismijiet tat-tnax-l appostlu huma dawn: l-ewwel Xmun, jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, u Ġakbu ta’ Żebedew, u ħuh Ġwanni, Filippu u Bartilmew, Tumas u Mattew il-pubblikan, Ġakbu ta’ Alfew, u Ġuda Taddew, Xmun il-Kanani, u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh”. ~ Mattew 10:1-4

Simon+&+Jude.3SAN XMUN U SAN ĠUDA
Appostli
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: San Xmun hu msejjaħ “il-Kananew” u “iż-Żelota”, bl-Aramajk u bil-Grieg, li t-tnejn ifissru l-istess ħaġa: “l-Imħeġġeġ”.

Fil-Vanġelu huwa msemmi l-ħdax-il wieħed fil-lista tal-Appostli, u flimkien magħhom irċieva l-Ispirtu s-Santu. Barra minn hekk ma nafu xejn iżjed fiż-żgur dwaru.

X’aktarx li wara li mar jippriedka fl-Eġittu ssieħeb ma’ San Ġuda li kien fil-Mesopotamja, marru flimkien il-Persja, u mietu martri fil-Belt ta’ Swanir.

San Ġuda msejjaħ Taddew, kien ħu San Ġakbu ż-Żgħir. Kienu wlied Alfew u Marija l-kuġina tal-Verġni Marija. Għalhekk kien jiġi mill-qrib minn Ġesù. Meta n-nies stagħġbu b’Ġesù u bdew jgħidu: “Dan mhux bin il-mastrudaxxa? Ommu ma jisimhiex Marija, u ħutu Ġakbu, u Ġużeppi u Xmun u Ġuda?” (Mattew 13:55)

Ma nafux meta jew kif sar Appostlu. Iżda ismu nsibuh fil-listi kollha tal-Appostli (Matew 10:2-3; Mark 3:16-19; Luqq 6:14-16). Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann insibu li wara l-aħħar Ċena, meta Ġesù wiegħed lill-Appostli li kien ser jerġa’ jidhrilhom, San Ġuda staqsieh għala kien ser jidher lid-dixxipli tiegħu biss u mhux lid-dinja, u Ġesu wieġbu li kien ser iżur lil dawk kollha li jħobbuh. (Ġwanni 14:22)

Wara t-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema, San Ġuda mar jippriedka l-Vanġelu f’bosta artijiet. Skont tradizzjoni sofra l-martirju flimkien ma’ San Xmun fil-Persja.

Fl-Armenja hemm devozzjoni kbira lejn dan il-Qaddis għax hu miżmum li flimkien ma’ San Bartilmew kien mar hemm u żera’ l-ewwel żerriegħa tal-Fidi.

Ħsieb: L-istess bħat-tnax-il dixxiplu li għażel Ġesù, Alla jagħżel lil kull wieħed minna għal skop speċjali. Ma jimpurtax jekk f’għajnejk jew f’għajnejn ħaddieħor ħajtek tista’ tidher bla tama – forsi għax m’għandekx xi livell ta’ edukazzjoni għolja, jew għax ġejt kemm-il darba rrifjutat/a, jew ittradut/a. Alla jixxennaq li joħloqna mill-ġdid billi jimlina bil-qawwa tiegħu. L-istess qawwa li ħarġet minn Ġesù meta kien fostna bid-deher f’din id-dinja għaddiha lid-dixxipli (Atti 10:38). Irrispettivament mill-maltempati tal-ħajja, l-imħabba ta’ Alla tibqa’ ankra soda. “U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawwbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.” (Rumani 5:5). L-istess Spirtu huwa disponibbli għalina. Jekk aħna nimxu wara Ġesu’ bla ma naqtgħu qalbna, b’lealta’ u b’umilta’, il-ħajja ordinarja tagħna issir straordinarja. Inti temmnu dan?

Il-Papa Franġisku f’waħda mill-Omeliji tiegħu waqt Quddiesa ta’ xi Ordinazzjonijiet Presbiteri (1 ta’ Diċembru 2017) qal hekk:

“Il-Mulej Ġesù jagħżel xi wħud b’mod partikulari, biex huma u jħaddmu pubblikament fil-Knisja l-uffiċċju saċerdotali f’ismu għall-ġid tal-bnedmin kollha, jissoktaw il-missjoni personali tiegħu ta’ mgħallem, saċerdot u ragħaj. Kif fil-fatt għal dan ġie mibgħut mill-Missier, hekk hu min-naħa tiegħu bagħat fid-dinja l-ewwel lill-Appostli u mbagħad l-isqfijiet, suċċessuri tagħhom, li lilhom fl-aħħar ġew mogħtija bħala kollaboraturi l-presbiteri, li, magħquda magħhom fil-ministeru saċerdotali, huma msejħa għas-servizz tal-poplu ta’ Alla.

Għalhekk, qassmu lil kulħadd dik il-kelma ta’ Alla, li intom stess ilqajtu bil-ferħ. Aqraw u mmeditaw ta’ spiss il-Kelma tal-Mulej biex temmnu dak li qrajtu, tgħallmu dak li fhimtu fil-fidi, għixu dak li tkunu għallimtu. Ħa jkun mela ikel għall-poplu ta’ Alla t-tagħlim tagħkom, ferħ li jwieżen lill-fidili ta’ Kristu u l-fwieħa ta’ ħajjitkom, biex bil-kelma u l-eżempju tibnu d-dar ta’ Alla, li hi l-Knisja.

U llum nitlob lil kulħadd preżenti għal din iċ-ċerimonja: itolbu dejjem għas-saċerdoti tagħkom. Il-poplu ta’ Alla jwieżen is-saċerdoti bit-talb. Hi responsabbiltà tagħkom twieżnu lis-saċerdoti. Xi ħadd forsi jistaqsini: “Imma, Dun, kif nagħmlu biex inwieżnu lis-saċerdoti?”. Afdaw fil-ġenerożità tagħkom. Il-qalb ġeneruża li għandkom turikom hi kif twieżnu lis-saċerdoti. Imma l-ewwel għajnuna li tistgħu tagħtu lis-saċerdot hi t-talb. Il-poplu ta’ Alla – jiġifieri kulħadd, kulħadd – iwieżen lis-saċerdot bit-talb. Tegħjew qatt titolbu għas-saċerdoti tagħkom. Jien naf li hekk ħa tagħmlu. Grazzi ħafna!”

IMMA JIEN U INT QED NITOLBU VERAMENT B’IMPENN GĦAS-SAĊERDOTI TAGĦNA?

MINGĦAJR SAĊERDOTI, MA JKOLLNIX L-EWKARISTIJA U S-SAGRAMENTI L-OĦRA, IL-KNEJJES JINGĦALQU, IL-KNISJA UNIVERSALI TINĦATT U L-MERĦLA TIXXERRED. HEMM BŻONN “KBIR” LI N-NIES TAGĦRAF TGĦOŻŻ LIS-SAĊERDOTI U MINFLOK TIĠĠUDIKOM, TITLOB GĦALIHOM B’IMPENN.

GĦALL-MEJTIN NITOLBU, GĦALL-MORDA WKOLL, GĦALL-PERSUNI BI PROBLEMI WKOLL… IMMA KEMM HAWN LI QED JITOLBU B’MOD KOSTANTI GĦALL-BŻONNIJIET SPIRITWALI TAS-SAĊERDOTI U GĦALL-VOKAZZJONIJIET ĠODDA?

Bħala Talb għall-Bżonnijiet tas-Saċerdoti, tista’ żżur il-youtube channel bl-isem ta’ ‘Saċerdoti 1’: https://www.youtube.com/user/SACERDOTI1/playlists

Talba: O Alla, int wassaltna biex nagħrfuk permezz ta’ l-Appostli qaddisa tiegħek; agħmel li, għat-talb ta’ San Xmun u San Ġuda, il-Knisja tiegħek tikber dejjem billi joktor l-għadd ta’ dawk li jemmnu fik. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-jude-thaddeus-and-st-simon-the-zealot-apostles-541

Alternative Reading: http://justus.anglican.org/resources/bio/277.html

Wikipedia for Simon (the Zealot): https://en.wikipedia.org/wiki/Simon_the_Zealot

Wikipedia for Jude: https://en.wikipedia.org/wiki/Jude_the_Apostle

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

27 ta’ Ottubru: San Frumenzju

Verżjoni Vidjo: San Frumenzju

“Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejjħin skont il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom. ” ~ Rumani 8:28

frumentiusSAN FRUMENZJU
Isqof ta’ Aksum u Appostlu tal-Etjopja (Abissinja)
†383

Tagħrif: Frumenzju u ħuh Edesju, Griegi minn Tiru, meta kienu għadhom tfal, marru għamlu vjaġġ ma’ zijuhom u l-għalliem tagħhom, Metropju, lejn l-Etjopja. Waqt li kienu sejrin lura, daħlu f’port tal-Baħar Aħmar għall-proviżjonijiet. In-nies tal-inħawi qatlu lil kulħadd, ċorma u passiġġieri, minbarra liż-żewġt itfal, li kienu jistudjaw taħt siġra. Ħaduhom bħala lsiera lis-sultan ta’ Aksum, fit-Tigre. Għoġbuh bl-imġiba u bix-xjenza tagħhom, hekk li wara ftit ħatar liż-żgħir, Edesju, bħala koppier u lil Frumenzju bħala segretarju u nutar tal-istat. Ftit qabel ma’ miet, is-sultan tahom il-ħelsien. Iżda r-reġina, li baqgħet reġġenti, talbithom biex jibqgħu fil-pajjiż, ħalli jgħinuha trabbi sewwa lill-prinċep u tamministra l-affarijiet. Baqgħu u bdew ixerrdu r-reliġjon nisranija.

Bdew biex jistiednu neguzjanti nsara jiġu jgħammru fil-pajjiż u kisbulhom il-privileġġ biex jistgħu jipprattikaw ir-reliġjon bla xkiel. Imbagħad, bil-kelma u bl-eżempju tagħhom, bdew ukoll jikkonvertu lill-pagani. Meta ż-żagħżugħ sultan Abreha ħa r-riedni f’idejh, Edesju mar lura pajjiżu f’Tiru, fejn sar qassis.

Iżda Frumenzju, li l-konverżjoni tal-Abissinja kienet ferm għal qalbu, waqaf Lixandra, fejn talab lil San Atanasju biex jibgħat isqof u xi saċerdoti biex jissuktaw il-konverżjoni tal-pajjiż. San Atanasju qatagħha li ħadd ma kien aħjar minn Frumenzju nnifsu għal dan l-iskop: għalhekk ikkonsagrah isqof (bejn it-340 u t-346). Hekk bdiet id-dipendenza tal-insara tal-Abissinja mill-Knisja ta’ Lixandra.

Frumenzju mar lura Aksum u għamel bosta konverżjonijiet: waqqaf hemm is-sedi tiegħu ta’ isqof, għammed lis-sultan u lil ħuh Asbeħa, bena ħafna knejjes, u xerred ir-reliġjon nisranija mal-Etjopja kollha. Iż-żewġ aħwa slaten kienu minn tal-ewwel bil-ħeġġa u d-devozzjoni tagħhom: huma meqjumin bħala qaddisin fil-kalendarju tal-Abissini.

L-Imperatur Kostanzu, Arjan, għamel li seta’ biex ixewwex lis-slaten kontra Frumenzju; iżda dawn ma emmnuhx. Meta l-qaddis miet, fit-383, il-poplu tah it-titlu ta’ “Abuna” (missierna), jew “Abuna Salam” (il-missier tal-paċi). Dan it-titlu ta’ “Abuna” għadu jġibu sal-lum il-Primat tal-Knisja dissident (Xiżmatika) tal-Abissinja.

Ħsieb: Jingħad li San Mattew kien l-ewwel li evanġelizza l-Etjopja, iżda Frumenzju huwa magħruf bħala l-appostlu ta’ dak in-nazzjon minħabba l-effettività tiegħu biex jikkonverti n-nies għall-fidi. Jingħad li d-Djoċesi bikrija ta’ Louisiana osservat il-festa ta’ San Frumenzju fis-1700, possibbilment bħala rikonoxximent għall-iskjavi Afrikani t’hemmhekk.

Il-personalità, ix-xogħol u l-ħajja venerabbli ta’ San Frumenzju jagħtuna l-opportunità li nenfasizzaw dan li ġej:

L-ewwelnett, li f’ħajjitna xejn ma’ jiġri b’kumbinazzjoni. Alla huwa dak li jidderieġi l-istorja, kif ukoll il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, iżda mingħajr ma jikser jew joħdilni l-libertà tagħna. L-avveniment apparentement sfurtunat tan-nawfraġju u l-jasar ta’ San Frumenzju saru r-raġuni biex tibda ħidma missjunarja serja fil-pajjiż kbir tal-Etjopja. Inċident sfortunat imma li kien il-kawża għall-evanġeliżmu u s-salvazzjoni ta’ ħafna. Alla jaf kif jibdel il-morr f’ħelu. Jekk aħna nibqgħu paċenzjużi f’mumenti ta’ tfixkil u falliment, dawn jistgħu jkunu kawża ta’ barka kbira għalina u/jew għall-oħrajn.

Ovvjament biex aħna nemmnu dan, irridu nagħmlu att ta’ fidi. Li tgħix bil-fidi ma jfissirx li tifhem lil Alla, imma li tafdah għax temmen li jħobbok. Dan l-istess kif ikunu t-tfal żgħar… ma jifhmux kull ħaġa li jgħidu u jagħmlu l-ġenituri tagħhom, imma fil-fond ta’ qalbhom jafu li jridulhom il-ġid għalhekk jafdawhom kompletament. Il-fidi hi propju esperjenza ta’ Alla l-ħaj. Aktar ma dduq mill-benna ta’ dan il-Missier Ħanin, aktar il-fidi tiegħek twasslek biex tistqarr li mhux biss temmen Fih, imma tafu, u għalhekk tafdah b’għajnejk magħluqa. Irridu naslu nintelqu f’idejh b’telqa bħal dik ta’ tarbija f’ħoġor ommha kif jghidilna Salm 130.

Meta ninħakmu mill-maltempati tal-ħajja, xi drabi ġieli nibdew nitilfu l-fidi. Imma meta xitla jaħkimha r-riħ, hi, b’mod naturali tniżżel għeruqha fil-fond biex ma titqaċċatx. San Pawl juża dan l-istess eżempju meta jwissina u jgħidilna: “Niżżlu għeruqkom fi Kristu, ibnu ħajjitkom fuqu; issaħħu fil-fidi” (Kolossin 2:7).

Huwa tajjeb li aħna nuru lil Alla bil-ħtiġijiet tagħna waqt it-talb, imma mbagħad irridu bil-fidi nemmnu li Alla, li jismagħna żgur, jagħtina mhux dejjem dak li nitolbuh, imma żgur dak li għandna bżonn u meta jkollna bżonnu! Tgħiduli: ‘Mela mhux kulħadd jaf x’għandu bżonn?!’ Ħalluni ngħidilkom: Wieħed jaħseb li jaf x’għandu bżonn, imma żgur li l-moħħ ċkejken tagħna mhux daqs dak ta’ min ħalaqna, u għax ħabbna, fdiena. Għalhekk, hu ovvja li Hu jaf x’għandna bżonn aktar milli nafu aħna. Il-problema hi, jekk aħniex ser nibqgħu mmorru għandu fit-talb u nafdawh waqt li nistennewh jagħmel xi tip ta’ bidla fis-sitwazzjonijiet ta’ ħajjitna!

Issib min jgħidlek, li jekk Alla jagħtih dak li jrid, umbagħad jersaq lejH u jibda jemmen Fih. Jekk se nagħżlu li nibqgħu norbtu l-fidi tagħna ma’ xi bidla li nixtiequ li ssir, probabbli li qatt mhu se nikbru fil-fidi għax Alla jimxi magħna propju bl-oppost! Hu jrid il-fiduċja tagħna. Iridna nħalluh imexxina bħal tfal żgħar. L-akbar miraklu li għandna nfittxu hu l-bidla tal-qalb! Din il-meravilja, hi xogħol il-Mulej fil-qlub ta’ dawk li qed jippruvaw jintelqu kompletament f’idejH. U int, f’min qed tpoġġi l-fiduċja u t-tama tiegħek?

It-tieni, kull proġett fil-Knisja għandu jsir bil-permess u l-kunsens tal-Isqof jew tal-kappillan, jew ta’ xi ħadd ieħor li jkun inkarigat fil-parroċċa fejn tkun se ssir xi attivita’. Tkun xi tkun, dak li jsir mingħajr il-barka tal-Knisja, ma jitbierikx minn Alla u ma jkollux tmiem hieni u ma jipproduċix riżultati tajbin. Wieħed jista’ jagħraf fl-imġiba kollha ta’ San Frumenzju personalità dinamika b’żelu ispirat, imħabba għal Alla u għan-nies, u mentalità ekklesjastika. Huwa ma bediex ix-xogħol missjunarju tiegħu skont il-fehma tiegħu biss. Huwa ltaqa’ ma’ San Atanasju, għamel skont dak li talbu u b’hekk irċieva l-barka. Kemm hu importanti li ma naqbdux u nagħmlu kull ma jiġina f’moħħna, imma li nuru fehemitna lil xi saċerdot għaref jew lill-kappillan tal-parroċċa jew lil xi ħadd ieħor li jista’ jagħtina direzzjoni, permess jew awtorita, flimkien mal-barka ta’ Alla fuq il-proġetti tagħna. Ikunu kemm ikunu tajba u qaddisa, qatt ma għandna nkunu prużuntużi u nagħmlu li jfettlilna għax nistgħu inkunu qed nagħmlu aktar ħsara milli ġid.

U int titlob parir/i mingħand xi ħadd għaqli u li jimxi mas-sewwa biex tħalli li tiġi ggwidat/a f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-avvanz spiritwali tiegħek jew ta’ dawk fdati f’idejk? Jekk le, itlob lill-Mulej jilluminak għand min tista’ tmur u forsi lil min tista’ tagħżel bħala direttur spiritwali tiegħek hekk kif għamlu l-qaddisin.

Talba: Itolb għalina, għażiż San Frumenzju, biex aħna wkoll “nikbru fejn ġejna mħawla”. Int kont għadek tifel żgħir f’artijiet strambi u pagani, imma għamilt l-aħjar li stajt fis-sitwazzjoni li sibt ruħek fiha u wassalt il-verità u l-ħajja f’dik l-art abbandunata qalb nies mitlufa. Nitolbu biex bl-interċessjoni tiegħek inwasslu aħna wkoll id-dawl ta’ Kristu kull fejn inkunu bit-tama li nkunu ta’ ispirazzjoni għall-oħrajn biex huma wkoll jaslu biex jimxu wara Ġesu’. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://oca.org/saints/lives/2015/11/30/103451-st-frumentius-the-archbishop-of-abyssinia-ethiopia

Alternative Reading: https://www.americaneedsfatima.org/Saints-Heroes/st-frumentius-of-ethiopia.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Frumentius

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

26 ta’ Ottubru: Beatu Bonaventura minn Potenza

Verżjoni Vidjo: Beatu Bonaventura minn Potenza

“Ġesù, għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.” Filippin 2:4-8

Blessed-Bonaventure-of-Potenza-Conventual-FranciscanIL-BEATU BONAVENTURA MINN POTENZA
1651 – 1711

Tagħrif: Twieled fl-4 ta’ Jannar 1651, ġewwa Potenza fil-limiti ta’ Napli, l-Italja ġo familja fqira, iżda għanja fil-virtujiet. Ta’ 15-il sena daħal mal-Patrijiet Konventwali Minuri, f’Noceva. Huwa kompla bl-istudji tiegħu. Is-superjuri tiegħu bagħtuh Amalfi u hemm taħt direttur spiritwali kompla jikber fil-virtujiet tal-umiltà, safa u ubbidjenza, fost oħrajn.

Kien ta’ eżempju kbir għal kulħadd. Kellu ubbidjenza għamja għas-superjuri tiegħu. Kien jagħti l-għajnuna tiegħu fil-parroċċa speċjalment lill-batuti, lill-fqar u lill-morda. Meta f’pajjiżu faqqgħet epidemija, lejl u nhar intefa’ b’ruħu u ġismu jdur bil-morda u jassistihom. Kien jaħdem ħafna mal-priġunieri speċjalment dawk li kienu qed jistennew il-piena tal-mewt, iqararhom u jassistihom.

Bħala saċerdot kien jippriedka u jipprattika d-devozzjoni lejn l-Ewkaristija u l-importanza tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Kien iqatta’ ħin twil fil-konfessinarju tant li ħa l-fama tal-appostlu tal-konfessinarju u tal-ubbidjenza.

B’ubbidjenza lejn is-superjuri aċċetta l-kariga ta’ majistru tan-novizzi. Kien irawwem fl-istudenti tiegħu l-prattika tal-virtujiet tal-umiltà u l-ubbidjenza.

Wara 45 sena ta’ servizz impekkabbli, mogħni b’kull virtù Patri Bonaventura mar jingħaqad mal-Mulej. Fl-aħħar nifs ta’ ħajtu kien imdawwar minn sħabu l-patrijiet kollha, u talabhom skuża għal kull darba li naqashom. Kien is-26 ta’ Ottubru 1711. Fis-26 ta’ Novembru, 1775, il-Papa Piju VI bbeatifikah.

Ħsieb: Dan il-qaddis tal-lum jispikka l-aktar għall-umilta’ u għall-ubbidjenza għamja lejn is-Superjuri tiegħu. Jingħad li ġurnata waħda, Bonaventura qal lis-Superjur tiegħu li kienet intilfet iċ-ċavetta tas-sagristija. “Tajjeb”, qallu s-Superjur bi tbissima, “mela jkollok tfittixha fil-bir; aqbad qasba u stad għaliha.” Malajr, Bonaventura mar fejn il-bir u bil-qasba u x-xlief stad għaċ-ċavetta. Ma damx wisq qabel ma rnexxielu jtellgħha. Ovvjament, is-Superjur tiegħu baqa’ mistgħaġeb għax hu kien qallu hekk biex jiċċajta! Alla kien ippremjah b’mod mirakoluż għall-ubbidjenza għamja tiegħu.

Ġesu’ Kristu, il-Ħaruf bla tebgħa, huwa l-eżempju perfett għalina lkoll fejn tidħol l-umilta’ u l-ubbidjenza, kif jgħallem San Pawl fl-Ittra lil Filippin 2:4-8 :

“Ħadd minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor. Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù: hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.”

Kristu sar għalina ubbidjenti sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib. U fl-aħħar nifsijiet tiegħu, Hu jikkonferma din l-ubbidjenza totali tiegħu bil-kliem: “Kollox hu mitmum!” (Ġwanni 19:30) – fi kliem ieħor, Ġesu’ juri li qagħad għal kollox u għamel kollox hekk kif kien mitlub minnu mill-Missier sal-aħħar.’ San Ġwann ikompli: “Mbagħad mejjel rasu u radd ruħu” (Ġwanni 19:30) Ta’ min jinnota f’dan l-aħħar vers li Ġwanni jikteb li l-ewwel mejjel rasu, umbagħad radd ruħu. Is-soltu r-ras titmejjel wara li l-persuna tkun għada kif mietet. Fil-kas ta’ Ġesu’, probabli li San Ġwann ried jagħmel enfasi fuq dak il-ġest ta’ meta wieħed ibaxxi rasu b’sinjal ta’ ubbidjenza.

Kien propju dan l-għatx li mmotiva l-ħajja ta’ Ġesu’, l-għatx li jwettaq il-pjan tal-Missier kif qal lil Pietru: “Forsi l-kalċi li tani Missieri ma nixorbux?” (Ġwanni 18:11) X’imkien ieħor jgħid: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu” (Ġwanni 4:34) u post ieħor: “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad! Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’dieqa għandi sa ma dan iseħħ!” (Luqa 12:49-50)

X’nitgħallmu minn dan?

L-ubbidjenza u l-umilta’ huma tnejn minn ħafna virtujiet: għerf, sempliċita’, faqar evanġeliku, karita’, ħniena, fidi, tama, ġenerożita’, rażan, ħlewwa, kompassjoni, hena, sliem, sabar, tjubija, fedelta’, żelu u oħrajn. Il-virtujiet huma l-kwalitajiet tal-karattru ta’ Ġesu’ l-Mulej. L-Ispirtu s-Santu jaħdem fina sabiex aħna nsiru bħal Ġesu’, mimlijin, anzi nfuru b’dawn il-qawwiet u saħħiet interjuri.

L-UMILTÀ

Ġesu’ l-umli  (Filippin 2:5-11): “Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesu’ …” L-umli hu dak li “jqis lill-ieħor aħjar minnu”, li m’għandu qatt “ifittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor”. Ġesu’ “ma qgħadx ifittex tiegħu” “xejjen lilu nnifsu” “Ċekken lilu nnifsu” Ġesu’ kif wera l-umiltà? “Ħa n-natura ta’ lsir” (Ġwanni 13:1-17) “sar jixbaħ lill-bnedmin u deher minn barra bħala bniedem” (Lhud 2:14-18) Għalhekk, l-umilta’ mhix sentiment imma għażla li tħobb tant li toqrob kemm tista’ lejn min trid tgħin, issir ħaġa waħda mas-sofferenza tagħhom, tieħu fuqek il-madmad tagħhom, tidentifika ruħek magħhom, “għalhekk Ġesu’ ma jistħix isejjħilhom ħutu” (Lhud 2:11).

Servizz umli hu dak li jissorprendi. Hu servizz li ma jfittixx dak li hu tiegħu (id-drittijiet)! Hu dak li ma jippretendihiex imma jfittex il-post tal-aħħar. Id-dixxiplu umli ta’ Ġesu’ jaf li hu l-werriet tas-Saltna ta’ Alla u bħall-Mulej tas-Saltna jagħti ħajtu fis-servizz tal-aħwa bla ma jfittex il-glorja, il-kumplimenti u l-unuri.

L-UBBIDJENZA

“Ċekken lilu nnifsu billi obda sal-mewt” (Filippin 2:8) Min hu l-ubbidjenti? “min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet”. (Mattew 7:21; Luqa 6:46) Alla jkellimna mhux biex jikkmandana (għalkemm għandu s-setgħa biex jagħmel dan). Alla jkellimna biex jiggwidana, biex jgħinna ninbidlu f’Ibnu.

  • Obdi sabiex tifforma ħajtek
  • Obdi biex tegħleb it-tentazzjoni
  • Obdi biex tkun taf il-moħħ ta’ Missierek
  • Obdi biex isservi lil ħutek

Ġesu’ hu l-Mulej! Mulej, Sinjur, Sid. Aħna hekk insejħulu. Is-Sid hu propjetarju. Ġesu’ hu l-Kyrios. Aħna d-doulos (qaddejja f’sens evanġeliku). Aħna tiegħu, propjeta’ tiegħu! X’jimplika dan? Nisimgħu sew lilna nfusna meta nkantaw: “dil-qalb, dal-moħħ, dal-ġisem, dir-ruħ, irrid nagħtik o Mulej”. Il-ħin, it-talenti, l-inkwiet, il-ferħ, il-mard, is-saħħa, ir-rebħiet, is-suċċessi, it-telfiet, il-fallimenti, ix-xogħol, id-divertiment, il-ġid materjali, il-familja, il-ħbieb, il-passatemp, l-imgħoddi, il-mument preżenti u l-ġejjieni. Aħna kollna tiegħu!

L-ubbidjenza tagħna lejn Ġesu’ hi kompleta meta mmorru l-ġenna. Sa dakinhar, misjuqa mill-Ispirtu s-Santu, nimxu b’ħilitna kollha u bid-dgħjufija tagħna fuq il-passi tiegħu biex inħobbu lil Alla b’qalbna kollha, b’moħħna kollu, b’saħħitna kollha u b’ruħna kollha.

X’tip ta’ ubbidjenza? Mhux ta’ skjav! Ta’ wlied maħbuba, ta’ wlied ħielsa li jagħżlu li jridu jobdu. Aħna lil min se naqdu u nobdu? Lil Alla ta’ Ġesu’ Kristu jew xi alla ieħor? : partit politiku, każin, passatemp, drawwa, ġid materjali, rabta ma’ xi mexxej … ? Liema hu t-teżor tiegħek li fih issib is-sigurta’, il-faraġ, it-tama? L-attitudni ubbidjenti tan-nisrani hi l-fedelta’ lejn is-Saltna ta’ Alla! L-ubbidjenza tad-dixxiplu lejn Ġesu hi s-sottomissjoni totali tal-persuna sħiħa għall-Mulej u l-pjanijiet tiegħu. L-ubbidjenza ta’ Ġesu’ hi l-mudell tagħna: “jiena dejjem nagħmel dak li joġgħob lilu” (Ġwanni 8:29).

Fi Ġwanni 14:21.23, Ġesu’ jgħidina: “Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni, u min iħobb lili jħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi … Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti u Missieri jħobbu u aħna niġu u ngħammru għandu”.

  • U int kemm tirsisti biex tgħix fl-umilta’?
  • Qiegħed tpoġġi l-ħtiġijiet ta’ ħaddieħor qabel tiegħek?
  • Tagħraf li inti midneb/midinba u li mingħajr Ġesu’ f’ħajtek ma tista’ tagħmel xejn tajjeb?
  • F’hiex int fl-ubbidjenza tiegħek lejn il-kmandamenti ta’ Alla u t-tagħlim tal-Knisja mwaqqfa minn Kristu?
  • Ir-rieda ta’ Alla hi l-għan ta’ ħajtek? Kemm int lest/a li tilħaq dak il-livell ta’ qdusija li Alla jixtieq jara fik?

Talba: O Alla li tista’ kollox, Inti għamilt lill-Beatu Bonaventura magħruf għall-virtu’ tal-umilta’ u tal-ubbidjenza, u għall-imħabba tiegħu lejn il-proxxmu. Permezz tat-talb u l-eżempju tiegħu, agħtina li nimxu skont il-preċetti tiegħek, biex nifirħu fl-ispirtu, u navvanzaw fit-triq tal-perfezzjoni. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.roman-catholic-saints.com/blessed-bonaventure-of-potenza.html

Alternative Reading: http://thefranciscanfamily.blogspot.com/

Wikipedia: https://it.wikipedia.org/wiki/Bonaventura_da_Potenza

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

25 ta’ Ottubru: San Ġwann Stone

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Stone

“Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” ~ Ġwanni 15:13

juanstone.jpgSAN ĠWANN STONE
Saċerdot u Martri
†1539

Tagħrif: Dan il-qaddis kien patri Agostinjan f’Canterbury li rrifjuta li jagħraf lil Neriku VIII bħala Kap tal-Knisja. Ftit nafu fuq il-ħajja ta’ San Ġwann Stone, qabel daħal Agostinjan u l-ħajja tiegħu bħala patri.

Il-Parlament tal-Ingilterra għadda liġi, magħrufa bħala l-Att ta’ Supremasija li kienet tipproklama lir-Re Enriku VIII bħala l-kap tal-Knisja. Erba’ snin wara uffiċjal tar-Re mar Canterbury biex jagħlaq il-kunventi kollha u jieħu bil-miktub mingħand kull patri id-dispożizzjoni għal dan il-att. Meta wasal għand l-Agostinjani, kulħadd iffirma dan il-kuntratt minbarra Ġwanni.

Ġwanni ġie arrestat u mitfugħ il-ħabs fit-Torri ta’ Londra, fl-1539. Anki wara sena fil-ħabs baqa’ sħiħ f’fehmtu u baqa’ jixtieq li jmut biex jibqa’ fidil lejn il-Papa. Ħass lil Alla qed jinkuraġġih biex ma jċedix anke jekk ikun se jirċievi l-mewt. Dan imlieh b’saħħa liema bħala. Huwa ġie mgħallaq għall-fidi tiegħu u wara l-ġisem tal-martri ġie mqatta’. Rasu u biċċiet minn ġismu ġew imdendlin f’bieb il-belt, billi kien meqjus bħala traditur.

Il-Papa Leo XIII ibbeatifika lil Ġwann Stone fl-1886 u l-Papa Pawlu VI ikkanonizzah fl-1970, flimkien ma’ 39 martri Ingliżi oħra tal-istess perjodu.

Ħsieb: Għalkemm aħna lkoll msejħa għall-qdusija, il-mogħdijiet li nieħdu biex naslu għaliha, huma ta’ kulħadd differenti. Ħafna minn dawk ipproklamati bħala qaddisin huma nnotati għall-ħajja eċċezzjonalment virtuża tagħhom. F’oħrajn, bħal fi Ġwann Stone, madankollu, ħafna mill-virtujiet tal-ħajja huma moħbija u huwa biss l-erojiżmu tal-fedeltà li jdawwal ħajtu, iżda minn dak li nafu fuq kif għex lejn l-aħħar ta’ ħajtu sat-tmiem, il-validità tiegħu ma tistax tiġi interpretata ħażin. Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din li wieħed jagħti ħajtu għall-Ħabib!

Kien propju meta kien fil-ħabs li Ġwann kellu esperjenza reliġjuża li ġiet irreġistrata mill-apologu u l-bijografu Kattoliku, Nicholas Harpsfield:

“Ġwann Stone ġie mlibbes bil-kuruna tal-martirju f’Canterbury. Imma qabel dan, wara li talab bil-ħerqa fil-ħabs lil Alla u wara li sam b’mod kontinwu għal tlett ijiem, huwa sema’ vuċi, għalkemm ma ra lil ħadd, li ndirizzah b’ismu u qallu jagħmel il-qalb u ma joqgħodx lura milli jibqa’ sod fit-tbatijet sal-mewt għat-twemmin li hu kien jistqarr. Minn dan iż-żmien ‘l quddiem, Ġwann kiseb tali ħeġġa u saħħa li qatt ma ħalla lilu nnifsu, bil-persważjoni jew bit-terrur, jerġa’ lura mill-għan tiegħu. Dawn il-fatti tgħallimthom mingħand raġel niedem u ta’ fiduċja, li għadu ħaj, u li lilu Stone stess kien għarrafhomlu.”

Minn din l-esperjenza ta’ Ġwann Stone naraw kif il-Mulej qatt ma jabbandunana fiż-żmien tal-aktar bżonn, li Alla huwa dak li jagħti l-qawwa lill-martri. Dan l-eżempju narawh ċar ukoll fil-mumenti tant iebsa li għadda minnhom Sidna Ġesu’ Kristu fuq l-Għolja taż-Żebbuġ:

“nxteħet għarkubbtejh jitlob u jgħid: “Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi! Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi.” Deherlu anġlu mis-sema biex jagħmillu l-qalb, imma hu ħass dwejjaq tal-mewt fuqu u beda jitlob b’ħerqa akbar. L-għaraq sarlu bħal qtar tad-demm iċarċar sal-art.” (Luqa 22:41-44)

Imma mbagħad fl-ittra lil-Lhud insibu dan:

“Meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt. U kien mismugħ minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla. Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza. U, billi laħaq il-perfezzjoni, sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem għal kull min jisma’ minnu.” (Lhud 5:7-9)

U hawn tiġi l-mistoqsija: ‘Imma kif dan il-passaġġ qed jgħidilna li t-talb ta’ Kristu biex Alla jsalvah mill-mewt ġie mismugħ jekk nafu li minkejja t-talb u s-suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ, huwa xorta għadda mill-mewt l-aktar kiefra?’ Tgħid dan xi żball? Le. Ir-rakkont  jgħid li Ġesu’:

  • daħal fil-ġnien imtaqqal,
  • ruħu mnikta għal mewt,
  • talab lil ħbiebu biex jishru u jitolbu miegħu,
  • kellu biża’ tremenda minħabba dak li kien ser jgħaddi minnu għalina,
  • imma talab b’ħerqa dejjem iżjed lil Missieru li kellu s-setgħa jeħilsu u jbiegħed minnu l-kalċi tal-Passjoni,
  • hekk li għereq l-għaraq tad-demm (kundizzjoni li tiġri meta bniedem ikunu fi stat ta’ biża’ u terrur kbir).

Imma umbagħad nafu wkoll li:

  • deherlu anġlu mis-sema biex jagħmillu l-qalb,
  • mar iqajjem hu stess lid-dixxipli biex jgħidilhom li s-siegħa tiegħu kienet waslet: “reġa’ mar jitlob għat-tielet darba, u qal l-istess kliem. Mbagħad ġie ħdejn id-dixxipli u qalilhom: Qumu! Ejjew immorru! Araw, dak li se jittradini huwa fil-qrib!” (Mattew 26:44,46)
  • Ġesù mar bil-kuraġġ kollu jaffaċċja lil dawk li kienu ġejjin biex jarrestawh. Insibu fi Ġwanni: “Mar fuqhom u qalilhom: “Lil min qegħdin tfittxu?” Huma weġbuh: “Lil Ġesù ta’ Nazaret.” U hu qalilhom: “Jiena hu.” … “Lil min qegħdin tfittxu?” raġa’ staqsiehom. U huma qalulu: “Lil Ġesù ta’ Nazaret.” Ġesù weġibhom: “Għedtilkom li jiena hu. Jekk qegħdin tfittxu lili, ħallu lil dawn imorru,” (b’referenza għad-dixxipli) (Ġwanni 18:4-9)
  • issaporta t-tradiment ta’ Ġuda: “Quddiem kien hemm dak li jismu Ġuda, wieħed mit-Tnax, u dan resaq lejn Ġesù biex ibusu. Imma Ġesù qallu: “Bewsa għażilt, Ġuda, biex tittradih lil Bin il-bniedem?”” (Luqa 22:47-48)
  • fejjaq il-widna ta’ Malku meta: “Xmun Pietru darab lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu barra widintu l-leminija.” (Ġwanni 18:10) “Ġesù messlu widintu u fejjqu.” (Luqa 22:52)
  • u qal lil Pietru: “Erġa’ daħħal is-sejf fl-għant tiegħu. Forsi l-kalċi li tani Missieri ma nixorbux?” (Ġwanni 18:11)

Dan kollu jindika li minkejja li l-Missier xorta waħda riedu jgħaddi mill-Passjoni, imma TAH IL-QAWWA biex ikun jiflaħ jgħaddi minn dak kollu li kien fil-pjan li jgħaddi. L-istess kif għamel ma’ San Ġwann Stone meta dan kien fil-ħabs imbeżża’.

Fil-każ ta’ Ġesu’, il-qawwa li rċieva tidher fit-trasformazzjoni li seħħet fih waqt it-talb ħerqan li għamel lill-Missier. Fil-bidu daħal beżgħan imma wara li talab umbagħad qam, qajjem lid-dixxipli u mar jaffaċċja hu stess lil min kien ġej jarrestah. Kellimhom b’awtorita’ u talabhom biex ladarba riedu lilu, kellhom iħallu lid-dixxipli jmorru, fejjaq widnejn Malku u ċanfar lil Pietru bil-kliem: “Forsi l-kalċi li tani Missieri ma nixorbux?” U nafu li din il-qawwa wasslitu biex iġorr is-salib, jissammar fuqu u ftit qabel ma’ jmut jgħid il-kelmiet: “Kollox mitmum!” L-istess fil-każ ta’ San Ġwann Stone. It-trasformazzjoni li seħħet waqt it-talb ħerqan tiegħu meta kien fil-ħabs, tidher fil-mod kif baqa’ sod fl-istqarrija tal-fidi tiegħu sal-aħħar tant li affronta l-martirju tiegħu b’kuraġġ kbir.

X’tista’ titgħallem minn dan? Titgħallem li forsi Alla ma jridx ineħħielek is-salib li qed titolbu jneħħilek. Forsi dan l-istess salib, se jkun għalik sors li bih int issir qaddis/a u ssalva wkoll erwieħ oħra. Min jaf li kieku minflok titolbu jneħħilek is-salib, titolbu biex jagħtik il-qawwa jew l-għerf, jew jgħallmek kif għandek iġġib ruħek f’ċerti sitwazzjonijiet? Ħaġa waħda hi ċerta, li min għandu qima vera lejn Alla u min jitlob b’ħerqa u b’perseveranza mill-qalb, dejjem ser jaqla’ mingħandu l-għajnuna kollha meħtieġa biex iwettaq ir-rieda tiegħu sal-aħħar.

  • U int x’inhi l-attitudni tat-talb tiegħek lejn Alla?
  • Tafda xejn li Hu dejjem ser jagħżel dak li hu l-aħjar għalik u għall-Knisja?
  • Tafdah li jagħtik dik l-għajnuna f’waqtha meta forsi l-biża’ tkun ser taħkmek?

Talba: Mulej, agħmel li xejn ma jbeżżagħni, għax kulma jiġri mhuwiex għajr ir-rieda tiegħek! Mulej, agħmel li ma jkolli l-ebda xewqa fija, għax l-akbar xewqa tiegħi hi r-rieda waħdanija tiegħek. Fl-aħħar mill-aħħar, x’inhu importanti fil-ħajja, mhux ir-rieda tiegħek? Agħmel li xejn ma jħawwadni, għax ir-rieda tiegħek tinsab f’kollox. Agħmel li ma niftaħar b’xejn, għax kollox ġej mir-rieda tiegħek”. (Talba ta’ Chiara Lubich)

English Version: https://www.midwestaugustinians.org/st-john-stone/

Alternative Reading: http://augustinians.net/index.php?page=jstone_en

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Stone_(martyr)

Life of Saint John Stone: https://gloria.tv/video/ZMjR3k3pN3Hv3X6hGsg7cHCYi

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.