4 ta’ Ottubru: San Franġisk ta’ Assisi

Verżjoni Vidjo: San Franġisk ta’ Assisi

“Franġisku, mur u sewwi l-Knisja tiegħi li qed tiġġarraf.” San Franġisk sema’ dan il-leħen meta kien qed jitlob quddiem kurċifiss fi knisja żgħira abbandunata fil-kampanja f’San Damjan.

stfrancis-slider-630x350SAN FRANĠISK T’ASSISI
Djaknu
1182 – 1226

Tagħrif:

Tfulija
Franġisku twieled f’Assisi fl-Umbrija, fil-qalba tal-Italja, lejn l-aħħar tas-seklu tnax. Missieru, kummerċjant għani tad-drappijiet, malli ġie lura minn Franza, lil dan ibnu ried isejjaħlu “Francesco”, b’rabta ma’ Franza li hu tant kien iħobb. Ommu, ta’ mara twajba li kienet, għamlet ħilitha biex trawwem fih sa minn ċkunitu mħabba kbira lejn Alla. Fl-iskola tal-parroċċa tgħallem jaqra u jikteb. Kien iħobb il-poeżija, u kellu ġibda qawwija għall-mużika.

Missieru kellu ħafna ambizzjonijiet għal ibnu; kien jittama li ibnu jasal għal pożizzjoni li tgħollih għal kollox ‘il fuq mill-foqra u dawk li s-soċjetà kienet tqis bħala ż-żgħar. Sakemm kellu 23 sena, Franġisk kien il-hena ta’ missieru għaliex hu wkoll kien mogħni b’tant xewqat li d-dinja ma titfgħux fil-ġenb. Kien ċert li jekk Franġisk jaqbad l-istess triq tiegħu kellu ċans kbir li jirnexxi fil-ħajja. Imma missieru ma kienx kuntent għal kollox bih. Franġisk kien jaf iħaddem moħħu biex jaqla’ l-flus; imma, imbagħad, hu kien ħali, u jtajjar somom kbar. Żgħażagħ tal-eta’ tiegħu kienu jixxalaw ħafna minn fuq dahru; lilu kienu jarawh bhala l-mexxej tagħhom għaliex mhux biss kien jonfoq, imma kien kapaċi wkoll jagħti ħajja lill-festi li kienu jiġu organizzati. Franġisk kien jiġbed lejh l-attenzjoni taż-żgħażagħ ta’ Assisi għaliex kien iħobb jitfa’ fuqu lbies li jagħti ħafna fil-għajn, u jgħaqqad oħrajn miegħu fid-daqq u fil-kant. Minkejja dan, missieru u ommu riedu jkunu ġenerużi miegħu. Missieru, għalkemm ma kienx japprova dak l-infiq, ħassu hieni li ibnu kien tant maħbub u stmat. Ommu kienet qed tapprezza ħafna l-kwalitajiet tajbin ta’ binha; għalkemm iħobb il-ħajja, Franġisk kien dejjem ta’ mġiba tajba, nobbli fi kliemu u għemilu, u ta’ qalb kbira mal-foqra.

Il-Gwerra
Fil-gwerra li nqalgħet bejn Assisi u Peruġja, Franġisku ta s-sehem tiegħu. Dawk ta’ beltu sofrew telfa, u hu nnifsu waqa’ priġunier. Dak kien żmien meta Franġisk beda jirrifletti fuq il-veru valur tal-ħajja. Wara sena magħluq fil-ħabs, Franġisk waqa’ f’marda li ħadet fit-tul. Imma malli fieq mill-marda tiegħu, lilu malajr reġgħu rikbuh l-ambizzjonijiet ta’ qabel, u telaq lejn il-Pulja bit-tama li jinħatar Kavallier. Imma bilkemm beda dak il-vjaġġ, li kellu ħolma li qegħlitu jirrifletti ħafna. X’inhu l-aħjar timxi wara l-Imgħallem jew wara l-qaddej? Franġisk ma ddubitax liema kellha tkun l-għażla tiegħu. Imma hu ma kienx fehem x’kellu jagħmel.

Il-Konverżjoni
Lura lejn Assisi, beda għal Franġisk żmien ġdid. Hu qisu nesa l-ħbieb tal-imgħoddi, u ntafa’ f’ħajja ta’ ġabra. F’għar fqajjar maqtugħ mill-ħsejjes tal-belt, Franġisk fit-tnehid talab mingħand Alla dawl biex jurih x’ried minnu. Franġisk, żagħżugħ imrobbi fil-fsied, kellu bħal stmerrija mill-mard tal-ġdiem. Imma, f’dan iż-żmien ta’ xejra ġdida għal ħajtu, hu għamel rebħa kbira fuq in-natura dgħajfa tiegħu meta, b’imħabba sinċiera, għannaq miegħu u bies bniedem milqut mill-ġdiem. Ftit wara din il-ġrajja, Kristu Msallab qanqlu meta jingħad li kellmu għall-ewwel darba, u mlielu lil qalbu b’imħabba kbira lejn it-tbatijiet li l-Mulej kien ġarrab f’ħajtu.

Franġisk baqa’ ġeneruż bħalma kien qabel; imma dawk li stħoqqilhom il-ġenerożità tiegħu kienu oħrajn. L-imġiddmin dehrulu l-iżjed mitluqin fost il-morda; għalhekk, hu ħabbhom b’imħabba speċjali. Barra minn dan, minflok ma tajjar flusu f’divertimenti, Franġisk beda jqassam ħafna karità lill-foqra, u ma qatax milli jgħin lill-knejjes foqra tal-belt ta’ Assisi u lis-saċerdoti li kienu jieħdu ħsiebhom. Knisja għażiża għal qalbu kienet dik ta’ San Damjan. F’dik il-knisja ċkejkna u fi stat ħażin, hu sama’ leħen mill-Kurċifiss impinġi li kien imdendel wara l-altar. Dan stiednu biex isewwi l-Knisja tiegħu li kienet qed tiġġarraf.

Franġisk kien għadu ma fehemx tajjeb x’ried Alla mingħandu. Imma hu beda jintebaħ li l-Mulej riedu jagħti ħajtu għas-servizz tal-Knisja. Għal xi żmien, Franġisk ħalla daru, inġabar fil-knisja ta’ San Damjan, u għamel dak li s-saċerdot tal-post talab mingħandu.

Il-Proċess quddiem l-Isqof
Missieru kien għadu jittama li dak ma kienx ħlief żmien qasir ta’ kriżi. Imma, meta baqa’ jara ‘l ibnu mitfugħ fuq attivitajiet li ‘l dak il-missier dehru jbaxxuh, missieru ħa deċiżjoni li għal Franġisk fissret ħajja ġdida. Quddiem missier irrabjat u fil-preżenza tal-Isqof Gwido ta’ Assisi li kien qed jagħmilha ta’ mħallef, Franġisk iddikjara li jiċħad għal kull wirt li kien imissu minn missieru. “Mil-lum ‘il quddiem”, stqarr iż-żagħżugħ Franġisku, “ngħid: Missierna, li inti fis-smewwiet”.

Issa Franġisku kien ċert x’kellha tkun it-triq ta’ ħajtu. Hu libes libsa fqajra b’salib fuqha, u dak li kien jixtieq isir “Kavallier tad-dinja”, sejjaħ lilu nnifsu “Kavalier tar-Re l-Kbir”. Franġisk beda sentejn ta’ ħajja iebsa maqtugħ għalih waħdu, mogħti għat-talb u għall-penitenza. Hu għex ukoll jaqdi u jitlob f’xi monasteri benedittini, u għamel fihom il-ħidmiet l-iżjed umli u l-iżjed ibsin. Kienu għadhom f’moħħu l-kelmiet tal-Kurċifiss ta’ San Damjan li qallu: “Sewwi l-Knisja tiegħi”. Franġisk aċċetta dawk il-kelmiet kif daqqew f’widnejh; għalhekk, hu ntafa’ biex isewwi l-ħsara li kien fihom tliet knejjes ċkejknin ta’ madwar Assisi: dawk ta’ San Damjan, San Pietro della Spina, u Santa Marija tal-Anġli.

Franġisk kien qed jistenna għal darb’oħra l-leħen ta’ Alla. Hu ma ġġarrafx quddiem id-disprezz ta’ dawk li fl-imgħoddi kienu ħbiebu; imma hu lanqas ma ntefaħ bl-ammirazzjoni ta’ dawk li raw fih bidla tal-għaġeb. Darba, waqt li fil-knisja ta’ Santa Marija tal-Anġli sema’ l-qari tal-Vanġelu, hu ntlaqat minn kelmiet li ħasshom qed jingħadu għalih. Kienu l-kelmiet li Kristu bihom ħabbar x’kellha tkun il-missjoni tal-appostli, u l-ħajja ta’ faqar li kienu sejrin jgħixu. Saċerdot fissirlu dawk il-kelmiet tal-Mulej, u hu sema’ t-tifsira bil-ferħ għaliex Alla rrivelalu li dawk kienu jgħoddu għalih ukoll. Minn dak il-waqt ‘il quddiem, Franġisk biddel ukoll il-libsa tiegħu: beda jilbes ċoqqa griża, lewn l-irmied, tħażżem b’ħabel abjad, u ried li jimxi ħafi. L-Isqof ta’ Assisi tah il-permess li jippriedka l-Vanġelu fil-knisja ta’ San Ġorġ; fid-dawl tal-kelmiet ta’ Kristu, Franġisk ippriedka l-paċi u l-penitenza.

L-ewwel dixxipli u l-approvazzjoni Papali
Għalkemm ma tkellimx bil-kelmiet diffiċli tal-għorrief, ma kinux ulied il-poplu biss dawk li ssaħħru minn kliemu. L-għani Bennard u l-ġurista Pietru Cattani wrewh li xtaqu li flimkien miegħu jaqsmu l-istess ħajja tiegħu. Imma, mal-għonja u l-għorrief, malajr tħalltu l-foqra u s-sempliċi. Fl-ewwel sena, kien hemm tmienja oħra li għażlu dik l-għamla ta’ ħajja. Franġisk, li ried jgħix dejjem f’ubbidjenza lejn il-Knisja, sena wara, ħadhom miegħu Ruma, quddiem Papa Innoċenz III. Il-Papa sabha diffiċli biex jagħtihom l-approvazzjoni tiegħu; imma l-Mulej nebbħu li kien sejjer jinqeda b’dak il-bniedem qaddis sabiex il-Knisja ma tiġġarrafx.

Bil-barka tal-Papa, Franġisk beda jinħass bħal Kristu ieħor iħabbar l-aħbar it-tajba. Hu kien predikatur li jgħaddi minn post għall-ieħor. Kien jitkellem b’kelmiet li jifhimhom kulħadd u kien jolqot il-bniedem fil-laħam il-ħaj. Franġisk kien il-ħabbar tassew tal-kelma t’Alla għaliex ix-xandir tal-kelma kien ifisser li min jisimgħu, aktar milli jitgħallem, jieħu d-deċizjoni li jbiddel ħajtu.

Anki l-għorrief u l-kbar tad-dinja kienu jisimgħuh, u l-kelmiet imqanqla tiegħu ġieli ġiebu fihom sens ta’ biża’ li ma setax ma jiswilhomx ta’ ġid. Minkejja dan, il-bniedem li ssejjaħ “dawl mibgħut mis-sema”, “il-mibgħut minn Alla”, jew “Kristu ieħor” emmen li ma kienx jistħoqqlu li jkun saċerdot. Għalhekk, hu għażel li jibqa’ jservi ‘l Alla bil-ministeru ta’ djaknu.

Ix-Xewqa Missjunarja
Il-qasam ewlieni tal-ħidma appostolika ta’ San Franġisk kien l-Italja għaliex f’din l-art hu ħadem bla waqfien mis-sena 1208 ‘il quddiem. Imma dak li tant kellu jifraħ għall-fatt li x’uħud minn uliedu fl-Ordni tal-Minuri mietu f’art ta’ missjoni għal Kristu, ma setax ma jkunx hu nnifsu mħeġġeġ bl-istess entużjażmu. Il-ħeġġa missjunarja u x-xewqa tal-martirju ingħaqdu flimkien f’San Franġisk. Imma l-ewwel darbtejn li pprova jmur lejn is-Sirja u l-Marokk, darba minnhom tempesta, u darb’oħra l-mard, reġġgħuh lura lejn art twelidu.

Il-Klarissi
Fis-sena 1212, San Franġisk waqqaf it-tieni Ordni tiegħu li kien dak tas-Sorijiet. Fil-bidu ssejħu: “Id-Dami Fqajrin ta’ San Damjan”. Għalkemm San Franġisk kien ir-ruħ ta’ din l-istituzzjoni, huma sabu mexxejja kbira f’Santa Klara ta’ Assisi: li minnha s-Sorijiet issejħu “Klarissi”.

Il-Vjaġġ fl-Eġittu
Ftit wara t-tluq tal-ewwel missjunarji tiegħu, San Franġisk innifsu, fl-24 ta’ Lulju, 1219, salpa lejn l-Eġittu. Is-Sultan Malik-el-Kamil laqgħu tajjeb u sema’ l-kelma tiegħu. Is-Sultan inġibed lejn dak il-bniedem għaliex kien konvint li hu riedlu l-ġid; imma ma ħalliex it-twemmin Musulman tiegħu. San Franġisk ma ġiex mogħti l-martirju għal Kristu għaliex, fiż-żmien qasir ta’ esperjenza missjunarja, lilu ħabbewh anki dawk li ma qablux ma’ dak li kien qed jippridkalhom. F’dak iż-żmien, ir-raba’ Konċilju tal-Lateran kien ordna li ssir Kruċjata ġdida. Din kienet bejn is-snin 1217 -1221. L-imġiba ta’ San Franġisk wriet li, fi żmien ta’ falliment sħiħ ta’ dik il-Kruċjata, aktar kien hemm possibiltà li l-Musulmani jersqu lejn Kristu permezz ta’ messaġġier ta’ paċi, milli permezz ta’ suldati li jużaw l-armi kontra dawk li ma jaqblux magħhom.

Il-Presepju ħaj ta’ Greccio
Nhar l-24 ta’ Diċembru, 1223, huwa ġabar miegħu l-bdiewa u r-rgħajja fqajrin li kienu jgħixu qrib l-għolja ta’ Greccio. San Franġisk riedhom li jħossu l-imħabba kbira ta’ Ġesù għall-bniedem meta għażel li jitwieled fil-għar ta’ Betlem. Hu ppreżenta presepju ħaj, u tkellem b’kommozzjoni kbira fuq dan il-misteru tal-għaġeb. Dik id-drawwa malajr bdiet tinfirex mad-dinja kollha kemm hi. Għalkemm ma kienx l-ewwel darba li sar il-presepju fid-dinja nisranija, madankollu kien San Franġisk li qanqal l-imħabba ta’ kulħadd għall-presepju.

L-aħħar snin
Mis-sena 1221 ‘il quddiem, meta kien għadu ta’ madwar 40 sena, Franġisku kien marid. L-ulied spiritwali tiegħu diġà kienu jwasslu għal eluf. Kien hemm bżonn ta’ mexxej minfloku. Għalhekk fis-sena 1221, San Franġisk għażel lil Fra Elija ta’ Cortona biex ikun il-Vigarju tiegħu fit-tmexxija. L-aħħar snin ta’ ħajtu, kienu dawk li fihom issokta jingħaqad ma’ Alla dejjem iżjed fit-talb. L-għaqda ma’ Kristu msallab kien qed iħossha fil-ġisem u r-ruħ tiegħu għaliex hu kien għaddej minn żmien ta’ tbatija.

Il-Pjagi
Fis-sajf tas-sena 1224, San Franġisk inġabar fis-skiet tal-kunvent li kien fuq il-għolja La Verna. Il-qaddis kien jgħakkes il-ġisem tiegħu billi, matul is-sena, isum ir-Randan għal seba’ darbiet. Fuq dik il-għolja, hu kien qiegħed isum ir-Randan li kien jagħmel f’ġieħ l-Arkanġlu San Mikiel. Lejn il-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib, li taħbat fl-14 ta’ Settembru, waqt li kien fuq dik l-għolja fi ġranet ta’ sawm u f’meditazzjoni fuq il-passjoni ta’ Kristu, jingħad li l-Mulej Ġesù deherlu b’sitt iġwienaħ, bħal serafin, maqtugħ fl-ajru u b’dirgħajh miftuħin, bir-riġlejn ma’ xulxin, u msallab ma’ salib. Mill-ġwienaħ, tnejn kienu weqfin fuq ir-ras, tnejn mifruxin għat-titjir, u tnejn jiksu l-ġisem kollu. Imbagħad, waqt li kien mitluf f’estasi ta’ mħabba, fl-idejn, fir-riġlejn, u fil-ġenb ta’ Franġisku bdew jidhru l-pjagi tal-istess Kristu msallab. L-idejn u r-riġlejn dehru minfudin b’imsiemer li kellhom bħal ras tonda u sewda fuq iż-żewġ naħat; kienu ppuntati u milwijin sabiex ma jinqalgħux. L-imsiemer kienu tal-laħam stess, imma maħruġin ‘il barra. Il-ġenb lemini wkoll deher bħallikieku minfud minn lanza, u kien jagħti fl-aħmar bħall-ġerħa li kellu; ta’ sikwit, il-ġerħa kienet tnixxi d-demm, u lbiesu kien jiċċappaslu. Minn dak il-waqt, il-qaddis Franġisku, li sa minn tant żmien kien jarawh bħal Kristu ieħor, ġie trasfigurat fi xbieha ħajja tal-Mulej anki fl-istess ġisem tiegħu.

Minn mindu ngħata l-pjagi, San Franġisk ma qata’ qatt milli jbati fil-ġisem tiegħu. Hu mar lejn Assisi fejn għadda l-aħħar sentejn ta’ ħajtu, u kien dejjem marid. Persuni għeżież kienu jieħdu ħsiebu, u jikkurawh. Ma kienx possibbli li jaħbihom. Imma ftit kienu dawk li raw il-pjagi tiegħu. L-aħħar sentejn ġiebu magħhom tbatijiet oħrajn. San Franġisk kien qiegħed jitlef id-dawl ta’ għajnejh. F’dan iż-żmien li matulu Kristu kien għaqqdu miegħu tant mill-qrib fil-passjoni tiegħu, San Franġisk kiteb l-“Għanja tal-Ħejjaq”. Biex jobdi lill-Kardinal Ugolino ta’ Segni, il-Protettur tal-Ordni, San Franġisk qagħad għal xi kura li riedu jagħmlulu f’għajnejh it-tobba tal-Qorti Papali nnifisha. Dan kien f’Rieti fis-sena 1225; kienet kura li ġiebet magħha tbatijiet kbar fil-pazjent. Fl-aħħar sena ta’ ħajtu, fl-1226, San Franġisk għadda perjodi qosra fi Siena u f’Cortona. F’dak iż-żmien, il-qaddis deher tant magħfus bl-uġigħ b’mod li kulħadd ħaseb li kien sejjer imut. Fix-xahar ta’ April, 1226, bil-mod il-mod u b’ħafna waqfien, San Franġisk reġa’ ttieħed fil-belt ta’ Assisi. Għall-ewwel, hu nżamm fil-palazz tal-Isqof; imbagħad, għall-aħħar ta’ Settembru, hu ġie trasportat fil-kunvent għażiż tal-Porzjunkola.

Mewt
Franġisku għadda l-aħħar ħinijiet ta’ ħajtu jimmedita fuq il-passjoni ta’ Kristu li r-rakkont tagħha nqralu mill-Vanġelu ta’ San Ġwann. Flimkien ma’ ħutu reliġjużi, hu ried iġedded ukoll it-tifkira tal-aħħar ċena tal-Mulej mal-appostli. Il-mewt, li San Franġisk fil-“Għanja tal-Ħlejjaq” ried isejħilha “Oħtu”, ma kenitx fil-bogħod. Ir-reliġjużi bdew ikantaw is-Salm 142: “B’leħen qawwi lill-Mule] insejjaħ; b’leħen qawwi lill-Mulej nitlob”. U, lejn it-tmiem tas-Salm, meta tkantaw il-kelmiet: “Mill-ħabs oħroġni, biex inrodd ħajr lil ismek. Madwari jduru l-ġusti, għax Int timxi tajjeb miegħi”, ruħu ħarġet minn ġismu. Kien is-Sibt, 3 ta’ Ottubru, 1226, filgħaxija. San Franġisk kellu biss qrib-il 45 sena.

Billi ma nżul ix-xemx kien jitqies li bdiet il-ġurnata ta’ wara, it-tifkira ta’ San Franġisk intrabtet dejjem mal-4 ta’ Ottubru. Il-Ħadd filgħodu, li kien proprju l-4 ta’ Ottubru, il-ġisem tiegħu, b’akkumpanjament tal-kleru u l-poplu, ittieħed minn Santa Marija tal-Anġli għall-knisja ċkejkna ta’ San Ġorġ. Il-ġisem ta’ San Franġisk, għaddewh minn maġenb il-monasteru tas-Sorijiet Klarissi, f’San Damjan: fejn huma, minn bejn il-gradi tal-monasteru, setgħu jaraw u jqimu l-pjagi tal-ġisem qaddis tiegħu. Il-ġisem inżamm f’San Ġorġ għal erba’ snin. Kien hemm li hu ġie ddikjarat qaddis mill-Papa Girgor IX, ħabib kbir u ammiratur tiegħu, fis-16 ta’ Lulju, 1228.

Il-Qabar
Fil-25 ta’ Mejju, 1230, il-fdal tiegħu ttieħed fil-Bażilika ġdida li nbniet fuq l-għolja li bdiet tissejjaħ “Colle del Paradiso”: l-Gholja tal-Ġenna, waqt li, sa dak iż-żmien, kienet tissejjaħ l-għolja tal-Infern. Fil-bini ta’ dik il-bażilika, il-mertu l-iżjed kbir kien ta’ Fra Elija ta’ Cortona. Il-Papa Girgor IX, b’sinjal ta’ qima lejn il-fdal ta’ San Franġisk, lil dik il-Knisja riedha tissejjaħ “l-Omm u r-ras tal-Ordni kollu tal-Minuri”, u hi baqgħet dejjem is-Santwarju l-aktar għażiż tal-Ordni Franġiskan.

Patrunat
Hu l-qaddis patrun tal-ambjent, tal-annimali, tal-ekoloġisti, tan-negozjanti, tal-Azzjoni Kattolika, u tal-Italja.

Ħsieb: Dawn li ġejjin huma siltiet mill-Omelija tal-Papa Franġisku waqt żjara pastorali f’Assisi fl-2013:

“Mnejn titlaq il-mixja ta’ Franġisku lejn Kristu? Titlaq mill-ħarsa ta’ Ġesù fuq is-salib. Inħalluh iħares lejna fil-mument li fih jagħtina ħajtu u jiġbidna lejh. Franġisku din l-esperjenza daqha b’mod partikulari fil-knisja ċkejkna ta’ San Damjan, hu u jitlob quddiem il-Kurċifiss. F’dak il-Kurċifiss Ġesù ma jidhirx mejjet, imma ħaj! Id-demm jidher nieżel mill-ġrieħi ta’ jdejh, ta’ riġlejh u tal-kustat, imma dak id-demm jesprimi l-ħajja.

Ġesù m’għandux għajnejh magħluqin, imma miftuħa beraħ: ħarsa li tkellem lill-qalb. U l-Kurċifiss ma jkellimniex dwar telfa, dwar falliment; paradossalment, ikellimna dwar mewt li hi ħajja, li tagħti l-ħajja, għax ikellimna dwar l-imħabba, għax hi l-Imħabba ta’ Alla inkarnata, u l-Imħabba ma tmutx, anzi, tirbaħ fuq il-ħażen u l-mewt. Min iħalli lil Ġesù mislub iħares lejh jiġi maħluq mill-ġdid, isir “ħolqien ġdid”.”

U dan diskors ieħor tal-Papa Franġisku f’Rio de Janiero:

“Għandna wisq bżonn nitgħallmu nħaddnu magħna lil min hu fil-bżonn, kif għamel San Franġisk. Kemm għandna sitwazzjonijiet fil-dinja, li jitolbu l-attenzjoni, l-għożża u l-imħabba tagħna. Spiss, imma, fis-soċjetajiet tagħna jirbaħ l-egoiżmu. Kemm għandna “negozjanti tal-mewt” li jimxu skont il-loġika tal-poter u tal-flus, hu x’inhu l-prezz li jrid jitħallas.

Jeħtieġ naffrontaw il-problemi tal-lum billi:

  • nippromovu iktar il-ġustizzja,
  • nedukaw liż-żgħażagħ fil-valuri li jibnu l-ħajja komuni,
  • nakkumpanjaw lil min jinsab f’diffikultà u
  • nagħtu tama għall-futur.

La tibżgħux toħorġu u tmorru tiltaqgħu ma’ persuni bi problemi li qed jaffaċċjaw diversi sitwazzjonijiet iebsa. Tkunux miżmumin minn:

  • preġudizzji,
  • minn drawwiet,
  • riġidità mentali jew pastorali,
  • immexxijin mill-motto famuż “imma dejjem hekk sar!”.

Imma nistgħu biss immorru fil-periferiji jekk inġorru l-Kelma t’Alla fi qlubna, u nimxu mal-Knisja, bħal San Franġisk. Jekk ma jkunx hekk, inġorru lilna nfusna u mhux il-Kelma t’Alla; u dan mhux tajjeb, ma jgħin lil ħadd! Mhux aħna li nsalvaw id-dinja: huwa proprju l-Mulej li jsalvaha!

Ilkoll għandna bżonn li nħarsu lejn l-oħrajn bl-għajnejn tal-imħabba ta’ Kristu, nitgħallmu nħaddnu magħna lil min hu fil-bżonn, biex nuruh li qegħdin qrib, bir-rispett u l-imħabba.”

  • U int kif tħares lejn l-oħrajn?
  • Tiġġudikhom jew tħobbhom?
  • Qed ixxammar idejk u taqdi lil min hu fil-bżonn fuq l-eżempju ta’ San Franġisk?
  • Qed tismgħaha l-karba ta’ Ġesu’ Kurċifiss li qed jgħid lilek ukoll illum: “Mur u sewwi l-Knisja tiegħi li qed tiġġarraf?”

Talba: Mulej agħmilni strument tal-paci tiegħek.
Fejn hemm il-mibgħeda, ħallini nħeġġeġ l-imħabba;
fejn hemm il-ħtija, ħallini nferrex il-maħfra;
fejn hemm id-dubju, ħallini ndaħħal il-fidi;
fejn hemm il-qtigħ il-qalb, ħallini nqawwi t-tama;
fejn hemm id-dlam, ħallini nkebbes id-dawl;
fejn hemm in-niket; ħallini nxerred il-ferħ.

La tħallix li iżjed infittex li nkun imfarraġ milli nfarraġ jien;
la tħallix li iżjed jifhimni ħaddieħor milli nifhem lil ħaddieħor jien;
la tħallix li iżjed inkun maħbub, milli nħobb jien.

Għax meta nagħtu, aħna naqilgħu.
Għax meta naħfru, aħna nkunu maħfura.
Għax meta mmutu, inqumu għall-ħajja ta’ dejjem.   Ammen.

(Talba popolari ta’ San Franġisk ta’ Assisi) 

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/st-francis-of-assisi.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-francis-of-assisi/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Francis_of_Assisi

Film of Saint Francis of Assisi:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-Wikipedia u l-ħsieb mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements