5 ta’ Ottubru: Santa Marija Fawstina Kowalska

Verżjoni Vidjo: Santa Marija Fawstina Kowalska

“Jiena qiegħed nibgħatek bil-ħniena Tiegħi għand in-nies tad-dinja kollha. Jiena ma rridx nikkastiga lill-umanita’ li qiegħda tbati, imma nixtieq infejjaqha u nrossha mal-Qalb Tiegħi mimlija Ħniena. (Djarju, 1588) Inti s-segretarja tal-ħniena Tiegħi. Jiena għażiltek għal din il-missjoni f’din il-ħajja u fil-ħajja l-oħra’. (Djarju, 1605) … sabiex inti tgħarraf lill-erwieħ bil-ħniena kbira Tiegħi għalihom, u sabiex inti tħeġġiġhom biex ikollhom fiduċja fil-ħniena Tiegħi bla tarf. (Djarju, 1567)” ~ Ġesu’ lil Santa Marija Fawstina Kowalska

1448753362SANTA MARIJA FAWSTINA KOWALSKA
Verġni u Appostlu tal-Ħniena Divina
1905 – 1938

Tagħrif: Santa Marija Fawstina Kowalska, magħrufa llum fid-dinja kollha bħala ‘l-Appostlu tal-Ħniena Divina’, hija meqjusa mit-teoloġi bħala waħda mill-mistiċi kbar tal-Knisja.

Hija kienet it-tielet wild minn għaxra mweldin ġo familja kampanjola, fqira u reliġjuża fi Glogowiec, raħal fil-qalba tal-Polonja. Fawstina ġiet mgħammda fil-Knisja parrokkjali qrib Swinice, Warckie, u ngħatat l-isem ta’ Helena. Sa minn tfulitha fiha spikkaw it-tjubija, l-imħabba għat-talb, il-bżulija u l-ubbidjenza; kif ukoll is-sensitivita’ kbira li hi kellha għall-miżerja umana. Bilkemm laħqet għamlet tliet snin ta’ skola, għax fl-eta’ ta’ erbatax-il sena telqet mid-dar sabiex tgħin lill-ġenituri tagħha u taqla’ l-għejxien tagħha bħala qaddejja fil-bliet ta’ Aleksandrow u Lodz li jinsabu fil-qrib.

Meta kellha biss seba’ snin (sentejn qabel l-ewwel Tqarbina tagħha) Helena kienet diġa’ qiegħda tħoss ġewwa ruħha s-sejħa għall-ħajja reliġjuża.

Meta iktar tard qalet lill-ġenituri tagħha b’din ix-xewqa, bil-qawwa kollha huma ma ridux iħalluha tingħalaq f’kunvent. Minħabba din is-sitwazzjoni, Helena għamlet li setgħet biex twarrab din is-sejħa divina. Imma wara dehra ta’ Kristu jbati, Hu ċanfarha b’dal kliem: Kemm ser indum nissaportik u kemm ser iddum tgħidli le? (Djarju, 9) u bdiet tfittex kunvent fejn setgħet tidħol.

Ħabbtet ħafna bibien ta’ kunventi, imma ħadd ma laqgħaha. Fl-aħħar nhar l-1 ta’ Awwissu 1925, Helena daħlet fil-kunvent tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena fi Triq Zytnia ġo Varsavja. Fid-Djarju tagħha, hija kitbet: “Deherli li kont dħalt fil-ħajja tal-Ġenna. Kien hemm talba waħda ħierġa bil-qawwa kollha minn qalbi, talba ta’ radd il-ħajr.” (Djarju, 17)

Madanakollu, wara ftit ġimgħat kellha tentazzjoni kbira li tmur f’kongregazzjoni oħra fejn ikollhom iktar ħin għat-talb. Kien f’dan il-waqt li l-Mulej Ġesu’ wrieha wiċċu midrub mimli tbatija u qalilha: ‘Ser tkun int li tikkaġunali dan l-uġiegħ jekk inti tħalli dan il-kunvent. Jiena għal hawn sejjaħtlek u għal imkien iżjed; u Jiena ħejjejt ħafna grazzji għalik. ‘(Djarju, 19)

Meta daħlet fil-Kongregazzjoni, Helena irċeviet l-isem ta’ Swor Fawstina. Hija għamlet in-novizzjat tagħha fi Krakovja, u hemmhekk fil-preżenza tal-Isqof Stanislaus Rospond, ħadet l-ewwel voti reliġjużi tagħha. Ħames snin wara għamlet il-professjoni tal-voti perpetwi tal-kastita’, faqar u ubbidjenza. Għalkemm ingħatat xogħol f’xi wħud mid-djar tal-Kongregazzjoni tagħha, għaddiet żmien itwal fid-djar ta’ Krakovja, Plock u Vilnius, fejn wettqet id-dmirijiet ta’ koka, ġardinara u purtinara.

Minn barra ma kien hemm xejn x’juri l-ħajja mistika tagħha tal-għaġeb u mimlija għana. Hija kienet twettaq id-dmirijiet tagħha b’ħeġġa kbira, kienet tosserva bil-fedelta’ r-regoli kollha tal-ħajja reliġjuża, kienet iżżomm il-ġabra u s-skiet, fil-waqt li l-ħin kollu kienet iġġib ruħha b’mod naturali, dejjem burdata tajba, ta’ qalbha tajba u mimlija mħabba li ma tfittixx li hu tagħha mal-proxxmu.

Ħajjitha kollha kienet mibnija fuq sforz kontinwu għal għaqda dejjem iktar sħiħa ma’ Alla waqt li tikkopera ma’ Ġesu’ b’għadd ta’ sagrifiċċji fil-ħidma tas-salvazzjoni tal-erwieħ. Hija stqarret fid-Djarju tagħha, ‘Ġesu’ tiegħi, Inti taf li, sa minn ċkuniti, jiena ridt insir qaddisa kbira, jiġifieri, jiena ridt inħobbok bi mħabba hekk kbira li ma jkun hemm ħadd iżjed li jkun ħabbek daqshekk s’issa.’ (Djarju, 1372)

Huwa d-Djarju tagħha li jikxfilna l-profondita’ tal-ħajja spiritwali tagħha. Jekk naqraw dawn il-pitazzi b’attenzjoni, ikollna stampa tal-għola grad tal-għaqda tar-ruħ tagħha ma’ Alla: kemm Alla fittex li jżomm kumpanija lir-ruħ tagħha, kif ukoll l-isforzi u t-taqbid tagħha fit-triq lejn il-perfezzjoni nisranija. Il-Mulej taha grazzji kbar: id-don tal-kontemplazzjoni, b’għerf profond tal-misteru tal-ħniena ta’ Alla; dehriet; rivelazzjonijiet; il-pjagi moħbijin; id-don tal-profezija u li taqra l-erwieħ, kif ukoll id-don mhux komuni taż-żwieġ mistiku. Għalkemm kellha din l-abbundanza ta’ doni, kitbet hekk: ‘La grazzji, la rivelazzjonijiet, la estasi, lanqas id-doni mogħtija lir-ruħ ma jagħmulha perfetta, imma aktar il-għaqda intima tar-ruħ ma’ Alla … Il-qdusija u l-perfezzjoni tiegħi huma bbażati fuq l-għaqda intima tar-rieda tiegħi mar-rieda ta’ Alla.’ (Djarju, 1107)

L-istil awster ta’ ħajjitha flimkien mas-sawm li kien jgħejjiha, li hi kienet ħadet fuqha nnifisha wkoll qabel ma ngħaqdet mal-Kongregazzjoni, tant neħħewlha s-saħħa minn ġisimha li meta kienet għadha postulanta kien meħtieġ li jibgħatuha Skolimow qrib Varsavja sabiex tkun tista’ terġa’ tieħu saħħitha. Qrib it-tmiem tal-ewwel sena tan-novizzjat tagħha, kellha esperjenzi mistiċi li ġabulha uġigħ mhux tas-soltu ta’ dak li jsejħulu l-lejl mudlam (tar-ruħ), u iktar tard kellha tbatijiet spiritwali u morali li kellhom x’jaqsmu mat-twettiq tal-missjoni li hija kienet qiegħda tirċievi mingħand il-Mulej Ġesu’. Swor Fawstina offriet ħajjitha bħala sagrifiċċju għall-midinbin u minħabba dan kellha tbati wkoll diversi tbatijiet, sabiex permezz tagħhom setgħet tgħin lil ruħhom. Fl-aħħar snin ta’ ħajjitha it-tbatijiet interni ta’ dak li jsejħulu l-lejl passiv tar-ruħ u mard tal-ġisem żdiedu fl-intensita’. It-tuberkolożi li xterditilha attakkatilha l-pulmuni u l-kanal tal-ikel. Minħabba f’hekk darbtejn kellha toqgħod għall-kura ta’ diversi xhur fl-isptar ta’ Triq Pradnik fi Krakovja.

Bla saħħa f’ġisimha imma matura għal kollox spiritwalment, hija mietet b’fama ta’ qaddisa, f’għaqda mistika ma’ Alla, nhar il-5 ta’ Ottubru, 1938. Bil-kemm kellha 33 sena, li tlettax-il sena minnhom għetixhom bħala reliġjuża. Il-fdalijiet tagħha tpoġġew fil-qabar komuni fiċ-ċimiterju tal-kunvent fi Krakovja – Lagiewniki. Fl-1966, waqt il-proċess ta’ ġbir ta’ informazzjoni għall-beatifikazzjoni ta’ Swor Fawstina, il-fdalijiet tagħha ġew trasferiti għall-kappella tal-kunvent.

Ħsieb: Mid-Djarju ta’ Santa Fawstina Paragrafu numru 635:

“25 ta’ Marzu. Filgħodu waqt il-meditazzjoni l-preżenza ta’ Alla daret miegħi b’mod speċjali, għax rajt il-kobor, li ma tistax tkejlu, ta’ Alla, u fl-istess ħin, kif Hu jindenja jitbaxxa lejn il-ħlejjaq Tiegħu. Imbagħad rajt lil Omm Alla, li qaltli: O, kemm togħġob lil Alla dik ir-ruħ li timxi bil-fedelta’ fuq l-ispirazzjonijiet tal-grazzja Tiegħu! Jiena tajt il-Feddej lid-dinja; inti għandek tkellem lid-dinja dwar il-ħniena kbira Tiegħu u tħejjija għat-Tieni Miġja ta’ Dak li għad irid jiġi, mhux bħala Salvatur ħanin, imma bħala Mħallef ġust. O, kemm tkun terribli dik il-ġurnata! Il-jum tal-ġustizzja, il-jum tal-korla divina huwa fiss. L-anġli jirtogħdu quddiemu. Kellem lill-erwieħ dwar din il-ħniena kbira sakemm għad hemm żmien li (tingħata) il-ħniena. Jekk inti ma titkellimx issa, inti jkollok twieġeb għal għadd kbir ta’ erwieħ f’dak il-jum terribli. Tibża’ minn xejn. Ibqa’ fidila sal-aħħar. Jiena nisspimatizza miegħek.

Lil din ir-reliġjuża sempliċi, bla skola imma kuraġġuża, li afdat lill-Mulej Ġesu’ għal kollox bla ebda limitu, Huwa taha l-missjoni kbira li xxandar il-messaġġ Tiegħu ta’ ħniena indirizzat lid-dinja kollha: Illum, Huwa qalilha, Jiena qiegħed nibgħatek bil-ħniena Tiegħi għand in-nies tad-dinja kollha. Jiena ma rridx nikkastiga lill-umanita’ li qiegħda tbati, imma nixtieq infejjaqha u nrossha mal-Qalb Tiegħi mimlija Ħniena. (Djarju, 1588) Inti s-segretarja tal-ħniena Tiegħi. Jiena għażiltek għal din il-missjoni f’din il-ħajja u fil-ħajja l-oħra’. (Djarju, 1605) … sabiex inti tgħarraf lill-erwieħ bil-ħniena kbira Tiegħi għalihom, u sabiex inti tħeġġiġhom biex ikollhom fiduċja fil-ħniena Tiegħi bla tarf. (Djarju, 1567)

Fi ftit kliem, il-missjoni tagħha tikkonsisti filli tfakkarna fil-veritajiet tal-fidi tagħna, li kienu sa minn dejjem imma li qisna nsejniehom, dwar l-imħabba ta’ Alla mimlija ħniena għall-bnedmin, u filli twasslilna suriet ġodda ta’ devozzjoni lejn il-Ħniena Divina, li meta aħna nipprattikawha tmexxina sabiex aħna niġġeddu fil-ħajja spiritwali fl-ispirtu nisrani ta’ fiduċja u ħniena.

Id-Djarju li Ġesu’ kkmanda lil Swor Fawstina biex iżżommu fl-aħħar erba’ snin ta’ ħajjitha, huwa speċi ta’ ġurnal fejn l-awtriċi kitbet ġrajjiet li kienu qegħdin iseħħu, jew li kienu diġa’ seħħew, u li kellhom x’jaqsmu l-aktar mal-‘laqgħat’ li r-ruħ tagħha kellha ma’ Alla. Analiżi dettaljata u magħmula bis-sengħa tal-pitazzi tagħha kienet meħtieġa sabiex seta’ jittieħed minnhom dak kollu li ġie meqjus li hu esssenzjali għall-missjoni tagħha.

Issa id-Djarju ta’ Santa Fawstina Kowalska, flimkien ma’ tagħrif ieħor dwar id-Devozzjoni li xtaq il-Mulej, jinsabu online wkoll hawnhekk: https://djarjutasantafawstina.wordpress.com u mis-sit stess jista’ jitniżżel bħala dokument sħiħ PDF jew WORD flimkien ma’ dokumenti oħra relevanti ma’ din id-Devozzjoni. L-istess bħalma hemm bil-Malti, hemm ukoll is-sit bil-lingwa Ingliża hawnhekk: https://diaryofstfaustina.wordpress.com/.

Jeżisti wkoll grupp li jxerred id-Devozzjoni lejn il-Ħniena Divina fuq Facebook. bl-isem ta’ ‘Devozzjoni lejn il-Ħniena Divina (Malta). Għal siltiet mid-Djarju ta’ kuljum, Vidjo bit-talba tat-3pm, Stampi, Posters, Riflessjonijiet, Attivitajiet u aktar, dwar id-Devozzjoni lejn il-Ħniena Divina, min irid jista’ jingħaqad ma’ dan il-Grupp billi jagħfas din il-link https://www.facebook.com/groups/212658735419300/

Għandna bżonn inxandru l-Messaġġ tal-Ħniena Divina mad-dinja kollha. Ejjew ilkoll ngħinu billi ngħaddu din l-informazzjoni lill-ħbieb tagħna fuq facebook f’kull fejn hu possibli. Din kienet ix-xewqa ta’ Ġesu’ espressa lil Sr. Fawstina. Hu wiegħed li jagħti grazzji speċjali f’din il-ħajja u fil-ħajja eterna, lil kull min ikun appostlu ta’ din il-Ħniena billi jxandarHa kull fejn jista’. Ħa tkun il-ħarsa ħanina t’Alla fuqkom u fuq l-għeżież tagħkom issa u għal dejjem.

Talba: Santa Fawstina, Inti għedtilna li l-missjoni tiegħek kellha tibqa’ sejra anke wara mewtek u li inti ma kontx se tinsiena. Il-Mulej Ġesu’ tak ukoll privileġġ kbir meta qallek li inti strument f’idejH u li għalhekk tkun tista’ “tqassam il-grazzji kif trid, lil min trid u meta trid”. B’fiduċja sħiħa f’dan il-kliem, jiena nitlob l-interċessjoni tiegħek biex naqla’ l-grazzji li għandi bżonn. Għinni fuq kollox biex jiena nafda f’Ġesu’ bħalma kont tagħmel int u b’dan il-mod nigglorifika l-Ħniena Tiegħu f’kull mument ta’ ħajti. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/st-faustina-kowalska.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-maria-faustina-kowalska/ 

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Faustina_Kowalska

Film of Saint Faustina Kowalska:

Film of Saint Faustina Kowalska on Gloria TV: https://gloria.tv/video/Uksp2sweS6Fi2KUk7tf1MtRtR

Nota: It-Tagħrif u parti mill-ħsieb dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħuda mis-sit bil-Malti ‘Djarju ta’ Santa Fawstina‘: https://djarjutasantafawstina.wordpress.com/.

Advertisements