6 ta’ Ottubru: San Bruno

Verżjoni Vidjo: San Bruno

Dawk biss li esperjenzaw is-solitudni u s-silenzju jafu l-benefiċċju u l-ferħ divin li jġibu lil dawk li jħobbuhom.” ~ San Bruno

saint-bruno-philippe-de-champaigneSAN BRUNO
Fundatur tal-Kartużjani
ċ1030 – 1101

Tagħrif: Twieled f’Kolonja, fil-Ġermanja. Meta kien għadu żgħir mar jistudja fl-iskola tal-Katidral ta’ Reims, waħda mill-aħjar fl-Ewropa. Għamel passi kbar fl-istudji klassiċi u sagri.

Lura Kolonja tawh kanonikat u sar saċerdot. Fl-1056, mar lura Reims bħala professur u s-sena ta’ wara, meta l-magħruf Herimanus, rettur tal-iskola, irtira u sar reliġjuż, Ġervasju, isqof ta’ Reims, ħatru rettur. Għal kważi għoxrin sena (1057-1075) żamm għoli l-isem tal-iskola, li kienet saret hekk magħrufa taħt Gerbert u Heriman, predeċessuri tiegħu.

Imbagħad Bruno, flimkien ma’ sitta oħra, ħalla warajh kulma kellu u nġabar fis-solitudni. Għall-ewwel marru taħt it-treġija ta’ San Robertu, abbati ta’ Molesmes; iżda fl-aħħar qatgħuha li jmorru jitolbu l-parir ta’ Sant’Ugo, isqof ta’ Grenoble. L-isqof ħadhom f’post deżert, imsejjaħ Chartreuse, fuq l-Alpi tad-Delfinat, xi erba’ mili ’l bogħod minn Grenoble, f’nofs preċipizzji u muntanji.

San Bruno, ma’ sitta minn sħabu, bnew monasteru (1084), fejn għexu fis-solitudni u l-faqar, jitolbu, jistudjaw, jaħdmu, jikkupjaw opri prezzjużi, u josservaw fejn jistgħu r-regola ta’ San Benedittu. Infatti San Bruno ma kellu l-ebda ħsieb jistitwixxi ordni ġdid. Dan twettaq meta l-Providenza sejħitlu barra mid-Delfinat sitt snin wara. Il-Papa Urbanu II, dixxiplu tiegħu, sejjaħlu Ruma (1098) biex jgħinu bil-pariri tiegħu fit-tmexxija tal-Knisja.

Il-qaddis talab li jerġa’ lura biex jgħix fis-solitudni. Sa fl-aħħar il-Papa semgħu, iżda bil-patt li ma jirritornax Chartreuse. Il-Konti Ruġġieru tah il-wied ta’ La Torre, fid-djoċesi ta’ Skwillace, fejn mar jgħammar ma’ xi dixxipli li kien ġabar miegħu Ruma. Bit-twaqqif tat-tieni Certosa (S. Stiefnu) fil-Kalabrija (1095), u bil-ġenerożità tal-Konti Ruġġieru, il-ħajja Kartużjana ħarġet mill-muntanji tad-Delfinat.

F’Settembru tal-1101 ħass li s-siegħa tiegħu kienet waslet. Qabel ma miet ġabar ’l uliedu madwaru u għamel quddiemhom professjoni tal-Fidi Kattolika fuq il-misteri tat-Trinità u tal-Ewkaristija li kienu attakkati dik il-ħabta minn Roxxellinu (tri-tejiżmu) u minn Berengarju. Miet fil-5 jew fis-6 ta’ Ottubru, 1101. Il-mewt tiegħu ġiet imħabbra fil-knejjes u l-monasteri prinċipali tal-Ewropa tal-Punent.

Ħsieb: San Bruno li tiegħu qegħdin niċċelebraw il-festa llum, kien il-fundatur tal-Kartużjani – ordni reliġjuża li għandha l-unur li qatt ma għaddiet minn perjodu ta’ riforma. Papa Piju XI qal dan dwar din l-Ordni:

“Il-Kartużjani tant żammew l-ispirtu tal-fundatur, missierhom u dak li tahom ir-Regola, li b’differenza minn Ordnijiet reliġjużi oħra, l-Ordni tagħhom qatt ma kellha bżonn xi emenda, jew, kif jgħidu, “riforma”. Fil-fatt qatt ma kienet meħtieġa, għax minkejja li hija kkunsidrata bħala l-Ordni reliġjuża l-aktar stretta fil-Knisja, baqgħet fidila lejn l-idejal ewlieni ta’ Bruno, ta’ talb u penitenza fis-silenzju u s-solitudni.”

Forsi wħud minnkom iltaqgħu mal-film: Into Great Silence (Film provdut aktar ‘l isfel f’din il-paġna) fejn filmatur segwa r-rutina ta’ monasteru tal-Kartużjani u ra l-ħajja tagħhom ta’ silenzju, talb, xogħol u penitenza. Ovvjament, ma kienx xi triller b’ritmu mgħaġġel u eċitanti, imma fl-istess ħin kien ta’ tribut għal dak li wieħed jiddefinixxi bħala l-veru eċċitament il-kbir għal kulħadd – li tkun taf li int maħbub minn Alla u li tagħti lilek innifsek totalment biex tħobb lil Alla.

F’Ottubru tas-sena 2011, il-Papa Benedittu XVI żar monasteru tal-Kartużjani fl-Italja u tkellem dwar il-ħtieġa tas-silenzju f’dinja mimlija ħsejjes. Dan ma jfissirx li inti msejjaħ/a li tkun patri jew soru tal-klawsura, iżda jfisser li int u jiena għandna bżonn insibu ħin kwiet kuljum għat-talb. Dan huwa dak li qal il-Papa:

“Il-progress tekniku, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport u tal-komunikazzjoni, għamel il-ħajja tal-bniedem aktar komda, iżda wkoll inqas kwieta u xi drabi anke b’żieda ta’ anzjeta’. L-ibliet kważi dejjem storbjużi u l-ħsejjes fl-isfond, f’ċerti żoni, jibqa’ sejjer anke matul il-lejl.

Fl-aħħar deċennji, barra minn hekk, l-iżvilupp tal-midja inbidel u estenda fenomenu li diġà ġie spjegat fis-sittinijiet: dak li hu virtwali jirriskja li jirbaħ fuq dak li hu reali. In-nies qed isiru aktar immersi f’dimensjoni virtwali minħabba l-messaġġi awdjoviżivi li jakkumpanjaw il-ħajja tagħhom minn filgħodu sa filgħaxija.

Iż-żgħar tagħna, li diġà twieldu f’dawn il-kundizzjonijiet, jidhru li jixtiequ jimlew kull mument vojt bil-mużika u l-istampi, għax jibżgħu li jħossu vojt akbar jekk ma jagħmlux dan. Xi nies m’għadhomx kapaċi jibqgħu għal perjodi twal fis-silenzju u s-solitudni.

Meta l-bnedmin jirtiraw fis-silenzju u s-solitudni, ikunu qed “jesponu”, biex ngħidu hekk, lilhom infushom għar-realtà għarwiena tagħhom, għal dak “il-vojt” apparenti, sabiex minfloku jibdew jesperjenzaw sens ta’ milja fil-preżenza ta’ Alla – ir-Realtà l-aktar rejali li teżisti u li tinsab lil hinn mid-dimensjoni tanġibbli.”

  • U int qed tagħmel ħiltek biex telimina dak l-istorbju żejjed li hemm f’ħajtek biex fis-skiet tidħol fil-preżenza t’Alla u quddiemu tagħraf x’jeħtieġ li tagħmel biex ħajtek tinbidel għall-aħjar?
  • Qed toħloq spazju u ħin ta’ kwalita’ tajjeb għat-talb, u talb fis-silenzju, biex tkun tista’ tħalli lil Alla jkellmek, forsi b’xi passaġġ mill-Iskrittura?

Talba: Missier, Int sejjaħt lil San Bruno biex isservik fil-solitudni. Bi tweġiba għat-talb tiegħu għalina, għinna nibqgħu fidili lilek f’nofs il-bidliet storbjużi ta’ din id-dinja. Nitolbuk dan bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/saint-bruno.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-bruno/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Bruno_of_Cologne

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements