7 ta’ Ottubru: Il-Verġni Mqaddsa Marija tar-Rużarju

Verżjoni Vidjo: Il-Verġni Mqaddsa Marija tar-Rużarju

“Waqt li ngħidu l-kliem tal-Ave Marija jiġu quddiem l-għajnejn tar-ruħ tagħna l-episodji ewlenin tal-ħajja ta’ Kristu. Dawn l-episodji flimkien jagħmlu l-misteri tal-ferħ, tat-tbatija u tal-glorja, u nistgħu ngħidu li jpoġġuna f’komunjoni ħajja ma’ Kristu permezz tal-qalb ta’ Ommu.” San Papa Ġwanni Pawlu II, silta mill-Ittra Appostolika Rosarium Virginis Mariae

07chambers_mary_rosary_500IL-VERĠNI MQADDSA MARIJA TAR-RUŻARJU

Tagħrif: Fis-7 ta’ Ottubru 1571, il-flotta navali tal-Insara taħt il-kmand ta’ Don Juan tal-Awstrija għamlet rebħa kbira kontra t-Torok, f’Lepanto.

L-Insara, ibda minn Don Juan stess, attribwew din ir-rebħa kbira lill-għajnuna li l-Madonna tathom wara li daru lejha bit-talb tar-rużarju.

Bħala ringrazzjament lill-Madonna, il-Papa ta’ dak iż-żmien li tant ħadem għal dik ir-rebħa, San Piju V, dak li kien hekk ġeneruż ma’ Malta wara l-Assedju l-Kbir, waqqaf festa annwali bl-isem ta’ “Il-Madonna tal-Vitorja.” Sentejn wara, il-Papa Girgor XIII li laħaq wara Piju V, bidel l-isem tal-festa f’”Madonna tar-Rużarju”, u ffissaha għall-ewwel Ħadd ta’ Ottubru. Il-Papa Klement XII daħħalha fil-Kalendarju tal-Knisja Universali.

Il-Papa San Piju X iffissa d-data tal-festa fis-7 ta’ Ottubru, il-jum li fih seħħet ir-rebħa ta’ Lepanto. Meta saret il-battalja ta’ Lepanto, id-Dumnikani f’Malta ġa kellhom fratellanza tar-Rużarju fil-knisja tagħhom fil-Birgu. Id-Dumnikani ħabirku ħafna għat-tixrid tar-Rużarju f’pajjiżna u waqqfu fratellanzi li minn tal-ewwel daħħlu l-istatwi fil-purċissjonijiet tagħna.

Din il-festa ġiet estiża għall-Knisja Universali fl-1716 meta l-Prinċep Ewġenju rebaħ rebħa oħra importanti fuq l-istess għadu fl-Ungerija.

Ir-Rużarju hu talba li skont it-tradizzjoni, il-Madonna rrivelat lil San Duminku, fil-bidu tas-seklu tlettax, u hi waħda mill-isbaħ devozzjonijiet lejn il-Madonna. Ir-reċita tar-Rużarju tgħinna nimmeditaw il-misteri fil-ħajja ta’ Sidna Ġesù Kristu f’għaqda ma’ Marija li kienet hekk qrib tiegħu f’ħajtu, fil-passjoni u fil-qawmien tiegħu mill-imwiet.

Ir-Rużarju Mqaddes ħa spinta kbira bid-dehriet tal-Madonna f’Lourdes u f’Fatima u bl-appelli ta’ ħafna qaddisin u Papiet. Ir-Rużarju hu wieħed mill-aktar devozzjonijiet lejn ommna Marija approvata mill-Knisja. Anzi hu d-devozzjoni prinċipali Marjana fil-Knisja tal-Punent matul l-aħħar 500 sena.

Il-Papa Ljun XIII żied it-titolu “Sultana tar-Rużarju Mqaddes” fil-Litanija tal-Madonna. Il-Papiet għanew din id-devozzjoni tar-Rużarju b’bosta indulġenzi, u ħabirku biex jingħad regolarment mill-insara, possibilment kuljum, għax iġib grazzji kbar fuq min jirreċitah bid-devozzjoni. Kien il-Papa San Ġwanni Pawlu II li kompla żejjen ir-rużarju meta mal-misteri tal-ferħ, tbatija u l-glorja żied il-misteri tad-dawl.

ĦsiebIl-Rużarju huwa talba tradizzjonali Nisranija li fiha nikkontemplaw il-wiċċ ta’ Kristu. Il-Beatu Papa Pawlu VI ddeskriviha hekk:

“Ir-Rużarju huwa talba evanġelika li tiċċentra fuq il-misteru tal-inkarnazzjoni u tal-fidwa, u għalhekk żgur li hu talba li twassalna lejn Kristu. Fil-fatt, anki meta ntennu l-Ave Marija, aħna nkunu qed nagħmlu att kontinwu ta’ tifħir lil Kristu, li huwa l-għan aħħari kemm tat-Tħabbira tal-Anġlu, kif ukoll tat-tislima li għamlet omm il-Battista: ‘Imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek’ (Luqa 1:42). U hemm xi ħaġa aktar minn hekk: fir-ripetizzjoni tal-Ave Marija hemm mistura dik ix-xi ħaġa li fuqha tintiseġ il-kontemplazzjoni tal-misteri: Ġesù li jissemma f’kull Ave Marija huwa l-istess Ġesù li l-misteri jpoġġu quddiemna, xi drabi bħala iben Alla u drabi oħra bħala iben il-Verġni Marija.”

L-iskop tar-Rużarju huwa li jgħinna nimmeditaw fuq il-misteri kbar tas-salvazzjoni tagħna. Piju XII qal li huwa kompendju tal-Vanġelu. L-enfasi ewlenija hija fuq Ġesù: it-twelid, il-ħajja, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Il-Missierna tfakkarna li l-Missier ta’ Ġesù huwa l-inizjatur tas-salvazzjoni. Is-Sliema tfakkarna nissieħbu ma’ Marija biex nikkunsidraw dawn il-misteri. Huma jagħmluna konxji li Marija kienet u hija magħquda mill-qrib ma’ Binha fil-misteri kollha tal-eżistenza tiegħu fid-dinja u fis-Sema. Il-Glorja tfakkarna li l-iskop tal-ħajja kollha tagħna hija l-glorja tat-Trinità.

Ir-Rużarju jappella għal kulħadd. Huwa sempliċi. Ir-ripetizzjoni kostanti tal-kliem tgħin biex tinħoloq atmosfera li fiha tikkontempla l-misteri ta’ Alla. Aħna nemmnu li Ġesù u Marija huma magħna fil-ferħ u fid-dwejjaq tal-ħajja. Jgħinna nikbru fit-tama li Alla se jwassalna biex naqsmu l-glorja ma’ Ġesù u Marija għal dejjem.

Min jaf kemm ġid sar permezz tar-Rużarju! Kemm nies għamlu mewta tajba, kemm nies biddlu ħajjithom, kemm grazzi nqalgħu! Ejjew ma ninsewx li hu l-aktar talba li tagħti unur lill-Madonna u dik li hi tkun qed tistenniena nitolbu bil-ħerqa. Tassew li kulħadd jafu dan, imma kulħadd jitolbu? Bħala għajnuna biex wieħed jitlob ir-Rużarju, tistgħu tidħlu fil-Youtube Channel bl-isem ta’ Rużarji u Devozzjonijiet bil-Malti. Fih issibu ġabra ta’ vidjows kollha fuq ir-Rużarju. Ara din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/youtube/

Għal min jixtieq, jista’ jaqra’ wkoll l-Ittra Appostolika tal-Papa San Ġwanni Pawlu II dwar ir-Rużarju Mqaddes (16 t’Ottubru, 2002) bl-isem Rosarium Virginis Mariae issa wkoll bil-Malti minn hawn: http://www.laikos.org/JP2_Rosarium_Virginis_Mariae_16102002.htm

Ara wkoll il-15-il wegħda li l-Verġni Marija għamlet lil min jitlob it-talba tar-Rużarju minn hawn: https://www.youtube.com/watch?v=XZcmLKViKS8

Talba: Omm il-bnedmin kollha nixtieq li nressaq quddiem il-Qalb tiegħek bla tebgħa, il-ferħ u t-tamiet tiegħi flimkien mal-problemi u l-weġgħat tiegħi u ta’ dawk kollha li jirrikorru lejk fil-bżonnijiet kollha tagħhom. Ja Omm l-aktar ġentili u ħanina, inti taf lil kull waħda minna b’isimha u żgur li tagħrafna mill-fattizzi tagħna u mill-istorja personali tagħna. Iżda fuq kollox, inti tħobbna bi mħabba ta’ Omm li taf il-bidu tagħha fil-Qalb tal-Ħniena Divina. Għalhekk nagħmel kuraġġ, u lejk nersaq, f’idejk nintelaq, lilek nafda, waqt li nikkonsagralek dak kollu li jien u li għandi, ja Omm Qaddisa u ħanina tiegħi. Ammen. (Talba li għamel il-Papa Benedittu XVI quddiem il-Madonna ta’ Fatima f’Mejju, 2010)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/our-lady-of-rosary.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/feast-of-our-lady-of-the-rosary-617

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Our_Lady_of_the_Rosary

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar il-festa tal-lum hija meħuda mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.