8 ta’ Ottubru: Santa Tajde

Verżjoni Vidjo: Santa Tajde

“Nitlob lil Alla biex jixhed għalija li minn meta ġejt hawnhekk id-dnubiet tiegħi kienu dejjem quddiem għajnejja bħal piż; qatt ma nsejthom u dejjem bkejt jien u niftakarhom.” ~ Santa Tajde lil Pafnuzju meta mar biex joħroġha miċ-ċella.

st-mary-magdalene-or-st-thais-in-the-desert-1640-41-jusepe-de-ribera-oil-painting-11.jpgSANTA TAJDE
Penitenti
Seklu 4

Tagħrif: Jingħad li Tajde għexet fis-seklu 4. Skont il-leġġenda tagħha, hija kienet imrobbija bħala Nisranija imma saret magħrufa f’Lixandra, l-Eġittu, minħabba li bi ġmielha kienet tipprova tiġbed u twaqqa’ fid-dnub lil diversi rġiel.

Il-fama tal-ħażen tagħha wasal ukoll f’widnejn Pafnuzju, li kien jgħix fid-deżert qrib, li ħalla l-ħajja rtirata tiegħu biex jgħinha tbiddel ħajjitha.

Meta wasal fid-dar tagħha talabha li jkellimha fejn żgur ma kien jarahom u josservahom ħadd. “Jekk inti qed tibża’ li jarawk in-nies,” qaltlu Tajde, “hawn ma jarana ħadd; imma jekk qed tgħid għal Alla, inti taf tajjeb li hu jinsab kullimkien.”

Pafnuzju ħa spunt minn dak li kienet qalet u kellimha fuq it-tmiem tagħha meta jkollha tagħti kont ta’ għemilha kollu. L-eremit irnexxielu bil-grazzja t’Alla, ibiddlilha ħajjitha.

Hi għamlet ħuġġieġa u ħarqet fiha l-ilbies u l-ġawhar li bihom kienet tiżżejjen u tiġbed in-nies lejha u Pafnuzju ħadha f’kunvent ta’ reliġjużi nisa fid-deżert.

Wara li għalaqha f’ċella qalilha biex tgħid spiss it-talba: “Inti li ħlaqtni, ikollok ħniena minni.” Għaddiet tliet snin f’din iċ-ċella titlob u tpatti għal ħtijietha, u hemm fl-aħħar sabet tassew il-paċi tal-qalb.

Wara dan Pafnuzju, bil-parir ukoll ta’ eremit famuż ieħor, San Anton Abbati u rħieb oħra sħabu, fosthom Pietru s-Sempliċi, ħariġha miċ-ċella u reġa’ taha l-libertà.

Imma Tajde l-penitenti talbet li tingħaqad mas-sorijiet ta’ dak il-kunvent fejn mietet ġimgħatejn wara.

Ħsieb: “Tassew, ngħidilkom, li l-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin qabilkom fis-Saltna ta’ Alla.” (Ġesù f’Mattew 21:31)

Pafnuzju, hu stess dixxiplu ta’ Sant Anton il-Kbir iltaqa’ miegħu u ma’ xi wħud mid-dixxipli l-oħra tiegħu. Huma ddiskutew is-sitwazzjoni ta’ Tajde u l-penitenza li Pafnuzju kien ordnalha tagħmel. Issa kienu għaddew 3 snin minn mindu Tajde daħlet fiċ-ċella. Ġara li wieħed mid-dixxipli ta’ San Pawl kellu ħolma qawwija aktar tard dak il-lejl fejn ra sodda sabiħa b’kisja tal-bellus imdawwar bil-fjuri. Il-patri kompla jiddeskrivi s-sbuħija inkredibbli ta’ din il-ħolma. Hu ħaseb li kienet dwar il-mewt imminenti ta’ San Anton, li issa kien imdaħħal fiż-żmien u kellu qrib il-mitt sena. Imma Sant Anton qal lil Pafnuzju li l-ħolma kienet dwar Tajde u l-post li l-Mulej lestielha fis-sema. Qallu li issa kienet għamlet biżżejjed penitenza li kellha tiġi liberata.

Pafnuzju mar biex jeħles lil Tajde miċ-ċella u l-penitenza tagħha. Huwa spjegalha li issa kienet għamlet penitenza biżżejjed u li l-Mulej kien ħafrilha. Hi qaltlu: “Jien dejjem kelli t-tifkira ta’ dnubieti quddiem għajnejja.” Imma b’sorpriża għal Pafnuzju, Tajde ma riditx titlaq minn hemm ġew. Hi riedet toqgħod fiċ-ċella tagħha u tkompli titlob u tagħmel penitenza, iżda mbagħad b’ubbidjenza qaddisa, Tajde ħalliet iċ-ċella tagħha u talbet li tibqa’ fil-kunvent mas-sorijiet l-oħra u tgħix ħajja ta’ penitenza u talb, u tħalliet tagħmel dan. Imma r-rieda misterjuża ta’ Alla kienet li wara biss ħmistax-il ġurnata hija tmut f’età żgħira ħafna. Pafnuzju irċieva l-aħbar tal-mewt tagħha u kien kunfidenti dwar il-ħniena t’Alla fuq ħajjitha. Tajde, wara tliet snin ta’ penitenza l-iktar severa kienet tabilħaqq ħielsa mid-dnubiet tagħha kif ukoll mill-battalji ta’ din il-ħajja.

X’misteru ta’ Ħniena kbira tinsab fil-Qalb ħelwa u umli tal-Mulej u Salvatur tagħna! Dan huwa l-kliem li qal lil Santa Fawstina f’Paragrafu 723 tad-Djarju tagħha dwar il-Ħniena tiegħu lejn il-midneb li jindem:

“Iktar ma jkun kbir il-midneb, iktar ikollu dritt għall-ħniena Tiegħi.” 

U f’Paragrafu 1146, Ġesù  jkompli:

“L-ikbar midinbin għandhom ipoġġu l-fiduċja tagħhom fil-ħniena Tiegħi. Għandhom id-dritt qabel oħrajn li jafdaw fl-abbiss tal-ħniena Tiegħi. Binti, ikteb dwar il-ħniena Tiegħi lejn l-erwieħ itturmentati. Erwieħ li jirrikorru lejn il-ħniena Tiegħi Jiena nieħu gost bihom. Lil dawn l-erwieħ Jiena nagħtihom iktar grazzji milli huma jifilħu jitolbu. Ma nistax nikkastiga wkoll lill-ikbar midneb jekk hu jirrikorri lejn il-ħniena Tiegħi, imma għall-kuntrarju Jiena niġġustifikah fil-ħniena Tiegħi li hi bla tarf u li ħadd ma jista’ jifhimha. Ikteb: qabel ma Jiena niġi bħal Imħallef ġust, l-ewwel niftaħ beraħ il-bieb tal-ħniena Tiegħi. Min ma jridx jgħaddi mill-bieb tal-ħniena Tiegħi jkollu jgħaddi mill-bieb tal-ġustizzja Tiegħi.”

Kien għalhekk li tana s-Sagrament tal-Qrar (tar-Rikonċiljazzjoni) biex jgħaddilna dawn il-grazzji li diġà kisbilna bil-mewt tiegħu għalina fuq is-salib permezz tas-saċerdot ministru tiegħu. M’hemm l-ebda mezz ieħor biex wieħed jirċievi l-maħfra għal dnubietu.

Hekk jgħidilha lil Santa Fawstina f’Paragrafu 1448:

“Ikteb, tkellem dwar il-ħniena Tiegħi. Għid lill-erwieħ fejn għandhom ifittxu l-faraġ; jiġifieri, fit-Tribunal tal-Ħniena (is-Sagrament tal-Qrar). Hemmhekk iseħħu l-ikbar mirakli u jirrepetu ruħhom bla waqfien. Biex wieħed japprofitta minn dan il-miraklu, m’hemmx għalfejn imur xi pellegrinaġġ kbir jew iwettaq xi ċerimonja li tidher minn barra; biżżejjed li wieħed jiġi bil-fidi f’riġlejn ir-rappreżentant Tiegħi u jurih il-miżerja tiegħu, u l-miraklu tal-Ħniena Divina jkun jista’ jidher bis-sħiħ. Li kieku r-ruħ tkun bħal kadavru qed jitmermer u għalkemm, skont kif jarawha l-bnedmin, ma jkun hemm l-ebda (tama li) terġa’ tiġi f’tagħha u kollox ikun diġà  mitluf, mhux hekk ma’ Alla. Il-miraklu tal-Ħniena Divina jerġa’ jġedded lil dik ir-ruħ bis-sħiħ. O, kemm huma msejknin dawk li ma japprofittawx mill-miraklu tal-Ħniena ta’ Alla! Għalxejn għad issejjaħli, għax ikun tard wisq.”

Għal min jixtieq jaqra d-Djarju ta’ Santa Fawstina, jista’ jsibu kollu bil-Malti u anki jniżżlu bħala dokument sħiħ minn hawn: https://djarjutasantafawstina.wordpress.com/

  • U int bogħod xejn mill-Qrar?
  • Qatt ħsibt li jekk tkompli tipposponi għal għada biex tersaq lejn il-Qrar u tirċievi l-ħniena t’Alla, għada jista’ jkun tard wisq?
  • Qed tagħmel xi forma ta’ penitenza bi tpattija għal dnubietek u biex tibker aktar fil-qdusija li bħala Nisrani/Nisranija int imsejjaħ/imsejħa għaliha?

Talba: Mulej Alla, int kont ġeneruż fi ħnientek lejn Santa Tajde u meta rajt l-indiema sinċiera tagħha, minn prostituta wassalt lil din il-penitenta għall-qdusija li ridt tara fiha. Kun ħanin magħna lkoll u agħtina li nkunu niedma b’mod sinċier għal dnubietna hekk li naslu li nogħġbuk ħalli meta jasal il-waqt, inkunu nistgħu nfaħħruk għall-ħniena tiegħek għal dejjem. Bi Kristu Sidna Ammen.

English Version: https://orthodoxwiki.org/Thais_the_Harlot

A More Detailed Reading: http://d.lib.rochester.edu/teams/text/whatley-saints-lives-in-middle-english-collections-life-of-saint-thais-introduction

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Tha%C3%AFs_(saint)

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.