9 ta’ Ottubru: San Djonisju

Verżjoni Vidjo: San Djonisju

“Rasek ġiet maqtugħa mill-bqija ta’ ġismek, u int bħala wieħed kbir, ġrejt biha f’idejk, Djonisju.” ~ Versi fuq San Djonisju minn San Nikodemu l-Hagiorite (magħruf ukoll bħala tal-Muntanja Mqaddsa)

saint1SAN DJONISJU
Isqof u Martri u Sħabu Martri
? – 258

Tagħrif: Skont tradizzjoni, San Djonisju, magħruf ukoll bħala San Denis, twieled l-Italja.

Għall-ħabta tas-sena 250 mar Franza flimkien ma’ sitta minn sħabu, u sar l-ewwel Isqof ta’ Pariġi, u flimkien ma’ San Rustiku, qassis, u mad-djaknu San Elewterju, ħa l-martirju mhux ’il bogħod minn Pariġi.

It-tradizzjoni tgħid li l-ħidma tagħhom biex jikkonvertu lin-nies għall-Kristjaneżmu kienet tant effettiva li l-qassisin pagani instigaw lill-Gvernatur Ruman biex jarrestahom. Wara li żammewhom żmien twil fil-ħabs, qatluhom bil-qtugħ tar-ras, u tefgħu ġisimhom fix-xmara Siene, fis-sena 258.

Katulla, mara nisranija, ħadet l-iġsma tagħhom u difnithom qrib il-post fejn inqatlu. L-Insara bnew daqxejn ta’ knisja fuq qabarhom, u biż-żmien inbniet l-abbazija famuża ta’ Saint-Denis, fejn huma miżmuma r-relikwi ta’ dawn it-tliet qaddisin, u fejn ukoll, għal żmien twil kienu jindifnu s-Slaten ta’ Franza.

Fl-arti jġibu lil San Djonisju bħala Isqof qed iżomm rasu f’idejh, għax hemm leġġenda li tgħid li hu sofra l-martirju f’Montmartre (Għolja tal-Martri), f’Pariġi, imma reġa’ qam mill-mewt u minn hemm mexa b’rasu f’idejh lejn il-post fejn kellu jiġi midfud, illum hemm l-abbazija li ġġib ismu.

Ħsieb: “Tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu l-leħen ta’ Bin il-Bniedem u joħorġu: dawk li jkunu għamlu t-tajjeb iqumu għall-ħajja, imma dawk li jkunu għamlu ħażin iqumu għall-kundanna.” (Ġwanni 5: 28-29)

Għal darb’oħra għandna l-każ ta’ qaddis li dwaru nafu ftit u li mhux magħruf, iżda wieħed li l-kult tiegħu kien parti vigoruża tal-Istorja tal-Knisja għal sekli twal. Nistgħu nikkonkludu biss li l-impressjoni profonda li dan il-qaddis għamel fuq il-poplu ta’ żmienu jirrifletti ħajja ta’ qdusija straordinarja. F’dawn il-każijiet, hemm żewġ fatti fundamentali: (1) Li kien raġel kbir li ta ħajtu għal Kristu, u (2) li l-Knisja qatt ma nsietu – simbolu umani li jfakkarna li Alla ma jinsina qatt.

Il-bnedmin appostoliċi bħal San Djonisju, li kkonvertew ħafna nies għal Kristu, kienu mimlijin bl-Ispirtu tiegħu, u aġixxew u għexu għaliH biss. Huma taw ħajjithom biex ixerrdu r-reliġjon tiegħu, konvinti li l-ġid tal-individwi u n-nazzjonijiet jiddependi fuqU.

Infatti fuq ir-reliġjon tiddependi s-sigurtà u l-istabbiltà tal-gvern u tas-soċjetà kollha. Il-liġijiet tal-bniedem huma dgħajfin wisq biex irażżnu lil dawk li jinjoraw u jirreġettaw il-liġi ta’ Alla. Sakemm il-kuxjenza tal-bniedem ma tkunx iffurmata mir-reliġjon u marbuta bil-preċetti tagħha, il-passjonijiet tiegħu tant jassruh, li l-impuls tal-inklinazzjonijiet ħżiena jwassluh għal kollox, hekk li jasal biex jieħu vantaġġ minn kollox, u jekk ikun jista’ fis-sigriet u b’mod li ma jiġix ikkastigat.

Ir-reliġjon vera, għall-kuntrarju, tassigura l-hena veru, il-paċi u l-ferħ fost il-provi l-aktar qawwija, is-sigurtà fil-mewt innifisha, u wara l-mewt l-ikbar premju glorjuż u etern f’Alla. Kemm għandna għax inkunu grati għalhekk, lejn in-nies li ppriedkaw ir-reliġjon vera fost ħafna diffikultajiet, provi u persekuzzjonijiet; u wkoll lejn dawk li qed jippriedkawha fi żminijietna, animati mill-istess Spirtu. U kif bir-reqqa għandna nevitaw il-persuni, il-kotba, il-perjodiċi, l-istazzjonijiet u kull forma ta’ midja oħra li qed ixekklu u jippruvaw iġibu fix-xejn il-Fidi Nisranija u qaddisa tagħna, billi joħolqu ħrejjef u liġijiet ibbażati fuq dak li jaqbillu l-bniedem!!!

  • U inti, tfittex bil-għaqal kollu sorsi li jgħinnuk, aktar milli jfixkluk fil-Fidi Nisranija tiegħek?
  • Kemm tirsisti biex tikber u titgħallem dejjem aktar dwar ir-Reliġjon Nisranija li tħaddan, li għaliha eluf ta’ nies mietu martri?
  • Ixxandar dak li temmen bi kliemek u b’għemilek ħalli bħal San Djonisju tressaq l-erwieħ lejn Kristu?

Talba: O Alla, int bgħatt lil San Djonisju u ‘l sħabu biex ixandru l-glorja tiegħek lill-pagani, u qawwejthom sa l-aħħar fil-martirju tagħhom; agħtina li bħalhom immaqdru d-dinja u r-riżq tagħha, u li ma nibżgħu minn ebda taħbit li hija tqanqal kontra tagħna. Bi Kristu Sidna.  Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.johnsanidopoulos.com/2016/10/saint-denis-first-bishop-of-paris.html

Alternative Reading: https://vitaesanctorum.wordpress.com/2015/10/09/st-denis-and-companions-martyrs/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Denis

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements