11 ta’ Ottubru: San Ġwanni XXIII

“Is-sigriet tal-veru ferħ u tal-paċi jinsab f’min ibaxxi rasu b’umiltà għar-rieda ta’ Alla”. ~ San Ġwanni XXIII (15 t’Awwissu, 1954)

pope-john-xxiii-1024x675SAN PAPA ĠWANNI XXIII
1881 – 1963

Tagħrif: Il-Papa li twieled fqir, għex fqir u miet fqir!

Fil-25 ta’ Novembru 1881: Angelo Giuseppe Roncalli twieled f’Sotto l-Monte – ħdejn Bergamo. Missieru kien Battista Roncalli u ommu kien jisimha Marianna Mazzola. Huwa ġie mgħammed dakinhar stess. Kien minn familja numeruża ta’ bdiewa u ferm fqira.

Fis-sena 1904 ordna saċerdot. Minn meta qaddes qatt ma naqas li jagħmel irtir kull sena. Kien ikun irtir ta’ tmint ijiem. Ta’ spiss kien jagħmel pellegrinaġġ għal xi Santwarju tal-Madonna fl-Italja u f’pajjiżi oħra. Matul l-Ewwel Gwerra kien suldat u bħala saċerdot kien il-kappillan tal-isptar ta’ Bergamo.

Fl-1921, kien inkarigat mill-opri missjunarji tal-Knisja kollha. Fl-1924, laħaq professur tal-Patroloġija fl-Università tal-Lateran. Fl-1925, kien ikkonsagrat isqof għall-knejjes tal-Lvant. Mis-sena 1924 sal-1944, kien viżitatur appostoliku, l-aħħar għoxrin sena kien nunzju appostoliku, f’diversi minn dawn il-pajjiżi tal-Lvant, anke fl-aħħar snin qabel il-Konċilju Vatikan II, fl-Ewropa.

Il-Papa Piju XII, fl-1952 għażlu bħala Patrijarka ta’ Venezja. Fl-1953, ġie nnominat kardinal mill-istess Papa Piju XII. Fl-1954-1957 ħa sehem f’diversi laqgħat pastorali u pellegrinaġġi f’diversi pajjiżi.

Fid-9 ta’ Ottubru tal-1958, miet il-Papa Piju XII. Fit-28 ta’ Ottubru 1958 ġie elett Papa. Huwa kiteb diversi enċikliki. Fil-31 ta’ Marzu 1961 ħareġ l-enċiklika: Mater et Magistra. Fl-1963 sejjaħ Konċilju Ekumeniku. U ftit wara fl-istess sena tal-1963 ħareġ l-enċiklika: Pacem in Terris.

Miet fit-3 ta’ Ġunju 1963, imma l-festa tiegħu ssir illum 11 ta’ Ottubru, il-jum meta nfetaħ il-Konċilju Vatikan II – li allura kienet issir festa ta’ Marija Omm Alla li issa ġiet trasferita għall-1 ta’ Jannar. Ġwanni XXIII, magħruf mill-poplu bħala l-Papa Buono, ġie ddikjarat beatu mill-Papa Ġwanni-Pawlu II fit-3 ta’ Settembru 2000 flimkien mal-Papa Piju IX. Huwa ġie kanonizzat flimkien mal-Papa Ġwanni Pawlu II fis-27 ta ‘April 2014. Illum il-ġurnata Ġwanni XXIII huwa magħruf bħala “il Papa Buono” (il-Papa Twajjeb).

Ħsieb: Dawn li ġejjin huma pariri spiritwali mingħand San Ġwann XXIII Papa biex ngħixu ħajja tassew nisranija:

  • L-atti erojċi mhumiex dejjem meħtieġa. Meta l-ħajja tkun offerta dejjiema għas-servizz ta’ Kristu, tal-Knisja tiegħu u tal-erwieħ, dan hu biżżejjed għall-qdusija u l-glorja tagħna.
  • Għal min iżomm ħarstu f’Alla u jittama fih ma jinħasad minn xejn, anqas il-mewt ma tasal taħsdu; il-mewt hi ġrajja sagra għax twassal għall-glorja u l-hena eterna.
  • Parti kbira mid-dinja tgħix bit-tpaċpiċ; aħna nimxu wara l-Vanġelu, l-unika verità li ma tispiċċa qatt.
  • L-imħabba hija l-essenza tal-qdusija.

Dwar il-familja:

  • Hu meħtieġ li l-familja tiġi mħarsa u li n-nisa jiddefenduha b’kuraġġ u jżommu posthom b’sens ta’ responsabbilità f’din l-opra; jaħdmu bla waqfien billi joqogħdu attenti, jikkoreġu, jgħallmu u jagħżlu bejn dak li huwa tajjeb u dak li huwa ħażin. U, meta hu meħtieġ, għandhom ifittxu l-għajnuna tal-liġi ċivili.
  • Hi tajba dik il-familja li fiha l-imħabba reċiproka tkun tixgħel bħal fjamma fl-eżerċizzju ta’ kull virtù.

Dwar it-talb:

  • It-talb hu n-nifs tar-ruħ. Hi ħasra li d-dinja tħares lejn il-ħwejjeġ spiritwali bħala oġġett ta’ dwejjaq. Huma ftit dawk li jitolbu u huma ftit ħafna dawk li jafu jitolbu tajjeb.
  • Titlob ifisser tikkomunika ma’ Alla, tagħti qima lill-kobor bla qies tiegħu; tafda bħala iben fil-Missier tas-sema, tfaħħru, titolbu maħfra, tirringrazzjah, titolbu b’ħerqa … It-talb fil-ġewwieni tar-ruħ, wiċċ imb’wiċċ ma’ Alla, għandu valur li xejn ma jegħelbu jew li jasal joqgħod floku.

Din riflessjoni sabiħa oħra minn tiegħu:

Il-paċi tal-Mulej titlob firda sħiħa minna nfusna u telqien sħiħ mir-rieda tagħna li trid il-ġid u l-kumdità f’ħajjitna. Meta r-ruħ tilħaq l-indifferenza sħiħa fejn jidħlu persuni, inkarigi u tibdil ta’ postijiet, u karrieri ftit jew wisq ta’ xorti tajba, dik hi l-paċi vera. It-tagħlim tal-Imitazzjoni ta’ Kristu, ktieb III, kap. 23, “De quattour magnam importantibus pacem” , jitħaddet eżatt dwar dawn il-punti:

  1. agħżel aktar ir-rieda ta’ ħaddieħor milli tiegħek;
  2. agħżel aktar li jkollok anqas milli aktar;
  3. agħżel l-iżgħar post;
  4. agħżel dejjem u itlob li ssir ir-rieda ta’ Alla, sal-punt li jekk dan iġib miegħu uġigħ u mrar, dawn ukoll isiru għajn ta’ ferħ.

Ftakar fit-talba: “Ħu, Mulej, il-libertà kollha tiegħi.”

Talba: Mulej għal-lum biss: ser inwettaq għall-inqas ħaġa waħda li ma tantx għandi aptit nagħmilha. Jekk offendewni nagħmel minn kollox biex ħadd ma jkun jaf.

Mulej għal-lum biss: nemmen b’fidi ferma anke jekk iċ-ċirkustanzi jkunu kontra, u li l-providenza tal-ħanin Alla tieħu ħsiebi, bħallikieku xejn ma jeżisti aktar fid-dinja.

Mulej għal-lum biss: ma nibża’ xejn u speċjalment ma nibża’ xejn nuri l-apprezzament tiegħi lejn dak li huwa sabiħ, u nemmen fit-tjubija. Ammen. (Talba ta’ San Ġwanni XXIII, Papa)

English Version: https://www.catholicculture.org/culture/liturgicalyear/calendar/day.cfm?date=2018-10-11

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-john-xxiii/

His Biography from the Vatican Site: http://w2.vatican.va/content/john-xxiii/en/biography/documents/hf_j-xxiii_bio_16071997_biography.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_John_XXIII

Film dwar il-ħajja tal-Papa Qaddis Ġwanni XXIII:

 

Nota: It-Tagħrif u l-Ħsieb dwar dan il-qaddis tal-lum huma meħudin mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements